Ara tlaqna!


Kemm nieħu gost ħbieb, wara jiem ta’ ħidma bla heda fil-korsa ta’ Mater Dei, il-Mulej jagħtini l-grazzja ninżel sal-Korsa tal-Marsa! Biex nara l-bhejjem jiġru! Almenu naqra żvogg! U apprezzament!

Għall-erwieħ! Dik l-arja sabiħa u friska tal-korsa lili aqta’ kif taħjijni! Emmnuni ħbieb! Kemm nimtela b’kuraġġ ta’ sur! Wara kollox ninżel hemm isfel biex nerġa’ lura lejn l-isptar iġġenerat. U hekk inkun nista’ bil-ferħ, bit-tama u bil-qawwa naqdikom fil-Mulej Ġesù! Jew aħjar li naqdi lil Ġesù li jgħix tassew fikom! U, aktar u aktar, meta tkunu fl-isptar. Għall-kura tagħkom jew tal-għeżież tagħkom!

Din is-sena l-Ispirtu s-Santu, jiġifieri n-nefħa dejjiema u friska ta’ Alla l-imbierek fija, nefaħli nefħa tassew kbira! U, ovvjament, waqqagħni waqa’ number one minn fuq iż-żiemel tas-suppervja u l-kburija tiegħi. Xejn xejn ikolli saqajja mal-art! U, b’riħet din il-waqgħa tajba għar-rasi, qalbi u ruħi jkunu iva jistgħu jgħixu fis-sema u jkunu tas-sema.

Iva ħbieb! Din is-sena, waqt li kont qed nassisti għal waħda mill-laqgħat tat-tiġrijiet taż-żwiemel, il-Mulej laqagħtni bil-karozza tat-tluq. Għalkemm ma tajjarnix imma aqta’ kif ġabni f’sikti! F’waħda mit-tiġrijiet ta’ din il-laqgħa l-karozza ġiet daqs tletin metru ‘il bogħod ta’ fejn kont jien. U, ir-raġel li jkun bilqiegħdha fuq in-naħa ta’ wara tal-karozza tat-tluq, x’ħin għaddew iż-żewġ minuti u tnax-il sekonda, waqt li l-karozza fetħet il-gaġġeġ tat-tluq tagħha, għajjat għal darbtejn: Ara tlaqna! Ara tlaqna!

U, ħaġa tal-iskantament, iż-żwiemel parteċipanti mill-ewwel wieġbu għas-sejħa tiegħu. U, wieħed wara l-ieħor, ilkoll bdew jerħulha lejn il-karozza. Dan il-fatt tabilħaqq impressjonanti fakkarni fir-rabta li teżiżti bejn il-festa tal-Milied u l-Ara tlaqna! li r-raġel tal-karozza isejjaħ mill-karozza tat-tluq.

Il-Milied, għalija u għalik li ħa niċċelebrawh, huwa l-għajta: Ara tlaqna! L-ewwel nett, il-Milied hu tiġrija. Sintendi. Mhux taż-żwiemel imma tal-erwieħ! Int u jien qed niġru biex nieħdu l-ewwel. Qiegħdin f’tiġrija. Issa din id-darba din mhux qed jgħidha l-Patri iffissat fiż-żwiemel tafux! Li kieku kien hekk kont ngħidlek: “Ibbojkotja dak li qed jgħidlek!” Mela, kif issa qed jgħidhielek hu stess bla biża’ ta’ xejn! Le! Din id-darba din jgħidilna San Pawl stess. Il-mustaċċun! Għax dak li jgħid għadu validissimu sal-ġurnata mqaddsa tallum. Ma tafux li l-ġerrejja fl-istadju kollha jiġru, imma l-premju wieħed jirbħu? Iġru, mela, ħalli tirbħuh (1 Kor 9:24).

Hemm aħna! Pawlu qed jgħidilna biex niġru ħalli l-premju nirbħuħ ilkoll! Imma, biex il-premju nirbħuħ ilkoll, irridu nitħejjew sewwa għalih. Inkella nini nini nirbħuħ! Għalhekk, Pawlu, jerġa’ ifakkarna ta’ mustaċċun li hu: Kull atleta jiċċaħħad minn kollox, u dawn biex jirbħu kuruna midbiela, imma aħna, waħda li ma tidbielx. Jien issa hekk niġri, mhux qisni bl-addoċċ; ma nissarax bħallikieku qiegħed nagħti fil-vojt. Iżda ngħakkes bl-aħrax lil ġismi u njassru, biex ma jiġrilix li, wara li nkun ippridkajt lil ħaddieħor, jiena stess insib ruħi kkundannat (1 Kor 9:25-27).

Mela, biex nirbħu din it-tiġrija irridu niċċaħdu. Nagħmlu d-dietà. Ħa niġu żaqqna ma’ daharna. Inkella, bis-sinjura sonża mdendla mal-istonku tagħna nibqgħu fejn aħna. Tal-post! U xi tlaqna tlaqna!

Il-Milied hu, għalija u għalik, opportunità tad-deheb biex f’ħajjitna nibdew niġru bis-sens u mhux bl-addoċċ! Biex nqattgħu jiem ħajjitna sura u mhux naħluhom! Tgħidlix: Jien raġel sewwa! Jew jien mara tajba! Jew jien Patri tajjeb! U jien soru tajba! Ħbieb! Quddiem l-MRI etern ħadd minna ma jista’ jgħid li hu sew! Kulħadd għandu xi jxomm! Nibda’ minni l-ewwel wieħed! U dan l-għaliex min għax jagħmel dawk id-dnubiet! U min għax ilsienu akbar minnu! U min jidhirlu li hu xi ħaġa! U l-bqija … Mela ejja, f’dan il-Milied, nagħmlu deċiżjoni u nitilqu bil-ġiri lil hinn minn dnubietna! Ejja nagħmlu qrara tajba! Qrara qrarun!

Ġieli niltaqa’ ma nies li jgħiduli: Imma Patri, x’ħa naqbad inqerr? Jien ma qtilt u m’għamilt ħsara lil ħadd! Imbagħad ġieli niltaqa’ ma nies li jgħiduli: Patri! Minn kollox għamilt. Minbarra sraqt u qtilt. Iż-żewġ pożizzjonijiet huma naqra too much. Fl-arja. U ma jgħidu xejn. Għax it-tnejn estremi. Għalhekk, wara li qgħadt nippassiġja naqra fil-kuritur tal-kunvent, il-Mulej tani din l-ideja. Fejn taf kieku inżuru naqra dan il-link u nsibu eżami tal-kuxjenza? Hekk inkunu nistgħu naraw ftit fejn qiegħdin mal-Mulej, mal-proxxmu u magħna nfusna. Sintendi! Wara li nwieġbu għal dawn il-mistoqsijiet. X’taħsbu? Bilħaqq, għax ħbatt insejt, il-link tal-eżami tal-kuxjenza hu: http://www.laikos.org/Ezami-tal-Kuxjenza.htm

Jekk trid tista’ taqbad biċċa karta u tniżżel xi punti ħa tqerr sewwa. Bħalissa qed nimmaġina lil xi uħud minnkom jgħiduli: Jaqaw il-Patri xoroblu illum? Kemm qed ikellimna bis-serjetà? Aħna veru ħbieb! U l-ħbieb iridu l-ġid lil xulxin! U, daqskemm iridu ġid lil xulxin, minn żmien għal żmien ikunu naqra tough ma’ xulxin għall-ġid ta’ xulxin. Mhux hekk?

Ejjew f’dan il-Milied nagħmlu qrara tajba. Xejn xejn nibdew nitilqu mill-ħajja tad-dnub u nibdew niġru fil-ħajja sabiħa tal-qdusija tal-Mulej. Li tagħmilna aktar ferħana, ħajja, sbieħ u b’saħħitna. F’kelma waħda tagħmilna aktar bnedmin li nħobbu lill-Mulej, lill-oħrajn u hekk lilna nfusna stess.

Isimgħu ħi r-raġel tal-karozza l-bajda x’inhu jgħajjatlek! U jgħajjatli! http://www.laikos.org/Ezami-tal-Kuxjenza.htm! Ara tlaqna!

Il-Milied it-Tajjeb lilek u lill-familja tiegħek!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.