Beatitudnijiet tal-Politku

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa jelenka lista ta’ beatitudnijiet għall-politiku tas-seklu 21.

Elise Harris Dec 18, 2018 SENIOR CORRESPONDENT. CRUX

RUMA – Il-Papa Franġisku spiss jirreferi għall-beatitudni Bibliċi bħala l-mogħdija li tgħaddi minnha fit-tfittxija għall-ħniena u qdusija personali. Iżda għax għandu mnejn li hu għaraf li l-Bibbja qatt ma setgħet timmaġina kif se tkun il-politika fis-seklu 21, il-Papa elenka lista ta’ beatitudni ġodda għall-politikanti fil-messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji tal-Paċi għas-sena 2019.

beatitudnijiet-politiku-840.jpgMaħruġ fit-18 ta’ Diċembru il-messaġġ huwa intitolat “Il-politika tajba hija mogħtija għall-qadi tal-paċi.” Il-Jum Dinji għall-Paċi, li kien imwaqqaf minn San Pawlu VI fis-sena 1968, huwa ċċelebrat kull sena fl-ewwel jum ta’ Jannar u miegħu jinħareġ messaġġ mill-Papa li jintbagħat lill-ministri tal-affarijiet barranin mad-dinja kollha u, tipikament, jagħti ħjiel tat-ton diplomatiku li s-Santa Sede tkun se tadotta fis-sena li ġejja.

Fil-messaġġ tiegħu għas-sena 2019, il-Papa Franġisku saħaq li l-politika għandha tintuża bħala mezz biex teħodha kontra l-vjolenza u l-inġustizzja billi tipproteġi ċ-ċittadini tan-nazzjon u tfittex il-ġid komuni minflok ma tfittex dak privat.

“L-uffiċċju politiku u r-responsabbiltà politika huma sfida kostanti għal dawk li huma msejjħin biex ikunu ta’ servizz għal pajjiżhom sabiex huma jagħmlu minn kollox biex jipproteġu lil kull min jgħix hemm u li joħolqu l-kondizzjonijiet xierqa għal ġejjieni siewi u ġust,” hu qal hekk u żied jgħid illi jekk tkun imħaddma “b’rispett bażiku għall-ħajja, il-libertà u d-dinjità tal-persuni, il-ħajja politika tista’ ssir għamla ta’ karità li ma jkunx hawn bħalha.”

Fil-waqt li rrefera għall-mibki Kardinal François-Xavier Nguyễn Vãn Thuận, li qatta’ 13-il sena f’ħabs komunista, disgħa minnhom iżolat għalih waħdu, u l-kawża tiegħu għall-beatifikazzjoni hi bħalissa miftuħa fil-Vatikan, il-Papa Franġisku indika l-“Beatitudni tal-Politiku” proposti minn Vãn Thuận fil-kitbiet tiegħu.

Huwa u joffri tmien beatitudni għall-politiċi twajba Vãn Thuận  tahom din it-tifsila:

Hieni dak il-politiku li għandu sens ta’ karattru għoli u jagħraf profondament x’inhu r-rwol tiegħu.

Hieni dak il-politiu li hu personalment ikun eżempju ta’ kredibiltà.

Hieni dak il-politikut li jaħdem għall-ġid komuni u mhux għall interess tiegħu jew tagħha.

Hieni dak il-politiku li jibqa’ konsistenti.

Hieni dak il-politiku li jaħdem għall-għaqda.,

Hien dak il-politiku li jistinka biex iġib bidla radikali.

Hieni dak il-politiku li kapaċi jisma’.

Hieni dak il-politiku li ma jafx x’inhu biża’.

Fil-ħajja politika, “kull elezzjoni u elezzjoni mill-ġdid, u f’kull stadju tal-ħajja pubblika, tinħoloq opportunità sabiex wieħed jerġa’ lura għal dawk il-punti ta’ referenza li jispiraw ġustizzja u liġi,” issokta l-Papa Franġisku, hu u jirreferi għall-beatitudni ta’ Vãn Thuận.

“Ħaġa waħda hi ċerta: politika tajba hija għall-qadi tal-paċi”, huwa qal, u żied jgħid illi l-politika għandha tirrispetta kif ukoll tippromwovi d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, “sabiex b’hekk tissawar rabta ta’ fiduċja u gratitudni bejn il-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk tal-ġejjieni.”

Iżda meta l-politika tiġi maħkuma mill-vizzju, din “se ġġib magħha għajb għall-ħajja pubblika u thedded l-armonija soċjali” permezz tal-immaniġġjar ħażin tal-fondi nazzjonali, iċ-ċaħda tad-drittijiet tal-bniedem, ksenofobija stigata mir-razzismu, u “l-ħtif mingħajr jedd” tal-ġid tad-dinja biex wieħed jagħmel profitt minnufih” ssokta jgħid.

Kif ta’ sikwit jirrimarka, il-Papa Franġisku qal li ż-żgħażagħ huma l-iktar f’riskju meta s-setgħat politiċi ifittxu li jipproteġu l-interessi privati tal-ftit li huma ta’ ġewwa flok dawk tal-kotra, u b’hekk jonqsulhom l-opportunitajiet u malajr jitilfu l-fiduċja li jkunu jistgħu jibnu futur.

Jekk il-ħajja politika tkun imsejsa fuq il-liġi u relazzjoni ġusta bejn l-individwi, soċjetà tista’ tinbena fuq il-fiduċja, huwa stqarr iżda widdeb li din il-fiduċja tista’ tkun diffiċli biex tinbena, iktar w iktar fid-dominju politiku, fejn imġiba li “tbarri” jew nazzjonaliżmu jistgħu “iqiegħdu f’dubju il-fraternità li d-dinja globalizzata tagħna tant għandha bżonn.”

“Il-lum aktar minn qabel, is-soċjetajiet tagħna għandhom bżonn nies li jafu jibnu l-paċi bis-sengħa li jistgħu jkunu messaġġiera u xhieda awentiċi ta’ Alla l-Missier, li jixtieq il-ġid u l-ferħ tal-familja umana,” ssokta.

Filwaqt li nnota li s-sena 2018 kienet timmarka l-mitt sena mit-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija, il-Papa Franġisku għamel enfasi fuq il-fatt li għalkemm il-qerda fost il-popolazzjoni ċivili kienet mifruxa bil-bosta, “il-paċi qatt m’għandha tiġi ridotta għal bilanċ bejn il-qawwa u l-biża’.

“Li thedded lill-oħrajn jfisser li tkun qed tbaxxihom għal status ta’ oġġetti u tkun qed tiċħdilhom id-dinjità tagħhom”, u filwaqt li qal dan ikkundanna l-kummerċ fl-armi u l-kultura ta’ intimidazzjoni u terroriżmu li, kif qal, “jwasslu għħall-eżilju ta’ popolazzjonijiet sħaħ li jkunu qed ifittxu post fil-paċi.”

“Ir-retorika politika li għandha t-tendenza li twaħħal fl-immigranti għal kulma hu ħażin u li ċċaħħad lill-fqar minn kull tama mhijiex aċċettabbli,” u ssokta jgħid li l-paċi tista’ tinbena biss fuq ir-rispett għal kull persuna, ġejja minn fejn ġejja, u fuq ir-rispett għall-liġi u l-ġid komuni.

Filwaqt li pponta għall-anniversarju li jaħbat dis-sena minn meta ġiet adottata d-‘Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-Papa qal li flimkien mad-drittijiet għand jkun hemm ir-rikonoxximent tad-drittijiet, u l-ħtieġa li dawn id-drittijiet jiġu mwettqa bħala mezz biex id-dinjità tal-bniedem tibqa’ mhux mittiefsa.

Il-paċi, qal, hija r-riżultat ta’ “proġett politiku kbir” imsejjes kemm fuq ir-responsabbiltà reċiproka u interdependenza. Filwaqt li sejjaħ it-tfittxija għall-paċi “sfida li titlob li wieħed għandu jidħol għaliha dejjem bħala xi ħaġa ġdida”, li titlob konverżjoni tal-qalb u tar-ruħ sabiex tkun tista’ titwettaq.

Hu qal li l-konverżjoni titwettaq fi tliet livelli: tagħmel paċi miegħek innifsek billi tiċħad kull għebusija li ma ċċedix (inflessibbiltà), ir-rabja u n-nuqqas ta’ paċenzja; mal-oħrajn, li jinkludu l-familja tiegħek, il-ħbieb u l-fqar; u mal-ħolqien kollu, fl-għarfien tar-responsabbiltà ta’ kulħadd flimkien sabiex id-dinja tkun protetta u li l-bnedmin ikunu “ċittadini u bennejja tal-ġejjieni.”

https://cruxnow.com/vatican/2018/12/18/pope-invokes-new-set-of-beatitudes-for-21st-century-politicians/

Miġjub għall-Malti minn Louis Spiteri

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading