Nibdew is-sena billi nagħrfu li għandna bżonn lill-Mulej

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 1 ta’ Jannar 2019: Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna waqt Quddiesa fis-Solennità ta’ Marija Omm Alla u l-Jum Dinji tal-Paċi.

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fid-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi

Bħalma qalulna t-tfal fil-bidu ta’ din il-Quddiesa, ir-ragħajja semgħu l-kelma tal-anġlu u hu jgħid: “Glorja ’l Alla fl-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba” (Lq 2:14). U marru jgħaġġlu lejn il-grotta ta’ Betlehem u sabu, kif kien qalilhom l-anġlu, lil Marija u lil Ġużeppi u lit-tarbija mimduda f’maxtura.

X’qalu r-ragħajja lil dawk li kienu mal-familja ta’ Nazaret fl-għar ta’ Betlehem? Qalu dak li kienu semgħu. L-anġlu kien ħabbrilhom li tweldilhom salvatur li fid-dinja ntbagħat b’ferħ kbir tassew. Salvatur minn xiex? Ejjew niftakru x’kien qal l-anġlu lil omm Ġesù. “Dan issemmuh Ġesù” (Lq 1:31) għax isalva lill-poplu minn dnubiethom. Mela meta ngħidu li Ġesù Salvatur – u wara kollox l-isem li ngħatalu bħal-lum tmint ijiem mit-twelid tiegħu – ifisser Alla isalva. Imma jsalva lilna, lil kull wieħed u waħda minna, mid-dnubiet tagħna, mill-fatt li aħna ħafna drabi lil Alla minflok ngħidulu ‘iva’ ngħidulu ‘le’. Mhux hekk ngħidu fl-Att tal-Indiema l-qasira? “Dnibt, anzi għidtlek ‘le’ bi dnubieti”. Wara kollox, l-isem li ngħatalu bħal-lum tmint ijiem mit-twelid tiegħu jfisser propju ‘Alla jsalva’.

Ħafna drabi aħna ngħixu l-ħajja tagħna donnu Alla ma jeżistix jew m’għandniex bżonn il-ħniena tiegħu; bħal donnu m’għandniex bżonn l-għajnuna tiegħu għax issa sirna nafu kollox, sirna nifhmu f’kollox.

Fil-bidu ta’ din is-sena flimkien ma’ Marija u ma’ Ġużeppi, meta nħarsu lejn it-tarbija Ġesù nixtiequ ngħidulu dan il-kliem li għallmuna l-qaddisin. L-ewwel ħaġa li ngħidulu hija talba li għallimna San Ġorġ Preca. Ejjew inħarsu lejn Ġesù mimdud fil-maxtura ta’ Betlehem u ngħidulu: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok”. Ħafna drabi aħna ngħixu l-ħajja tagħna donnu Alla ma jeżistix jew m’għandniex bżonn il-ħniena tiegħu; bħal donnu m’għandniex bżonn l-għajnuna tiegħu għax issa sirna nafu kollox, sirna nifhmu f’kollox.

Kemm tkun ħaġa sabiħa li din is-sena nibdewha b’din il-barka: li aħna nagħrfu li għandna bżonn lill-Mulej. Ejjew nifirħu u nithennew bil-progress tal-umanità fix-xjenza, fit-tekonoloġija, fl-ekonomija u fil-ġid. Dawn huma kollha barkiet, imma ejjew ukoll lil Alla nibqgħu ngħidulu: ‘Aħna għandna bżonnok’.

It-talba u l-barka li din is-sena nagħmel fuqna lkoll hija li niskopru iżjed it-talba li għallimna Ġesù, it-talba tal-Missierna li aħna se nitolbu flimkien ftit qabel ma nitqarbnu.

Kelma oħra li għallmuna l-qaddisin, u din għallmithielna l-Madonna hija: “Ikun minni skont kelmtek” (Lq 1:38). Wara kollox, it-tifel tagħha meta kiber u kien f’mument ta’ agunija kbira, tant kellu ansjetà li xaqq l-għaraq tad-demm, u x’qallu lill-Missier? “Mhux li rrid jien imma li trid int” (Lq 22:42). Kemm tkun ħaġa sabiħa li kif nibdew din is-sena nibdewha b’din il-barka: lill-Mulej nirrepetulu t-talba li għallimna Ibnu stess: “Ikun dak li trid int kif fis-sema hekda fl-art” (Mt 6:10).

It-talba u l-barka li din is-sena nagħmel fuqna lkoll hija li niskopru iżjed it-talba li għallimna Ġesù, it-talba tal-Missierna li aħna se nitolbu flimkien ftit qabel ma nitqarbnu. Il-Missierna tgħallimna naħfru lil min hu ħati għalina, tgħallimna nitolbu ’l Mulej biex iħarisna mit-tiġrib, tgħallimna nitolbuh biex jiddefendina mill-ħażen, tgħallimna norbtu r-rieda tagħna ma’ tiegħu. Mulej Ġesù, inti l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, inti l-Prinċep tal-Paċi, f’dan l-ewwel jum tas-sena, nitolbuk li tberikna bil-ħniena, bil-maħfra, u l-paċi tiegħek.

…fl-istess ħin flimkien niddefendu d-dinjità u d-drittijiet ta’ ħutna li għandhom xi diżabbiltà.

Aħna li qegħdin niċċelebraw il-50 sena tad-Dar tal-Providenza, minn din id-dar imbierka, nitolbu biex il-ġenerożità tal-poplu Malti llum tikkonferma ruħha. Aħna bħala poplu nsostnu din l-opra ta’ mħabba, ta’ mogħdrija u ta’ karità imma fl-istess ħin flimkien niddefendu d-dinjità u d-drittijiet ta’ ħutna li għandhom xi diżabbiltà. Nitolbu għal kull min jaħdem f’din id-dar u nitolbu l-barka ta’ Alla fuq l-istaff, fuq is-sorijiet, fuq Fr Martin u sħabu li jaħdmu għal din id-dar u nitolbu wkoll għall-benefatturi kollha.

Il-barka tal-Mulej tkun fuq il-poplu tagħna, fuq pajjiżna, fuq id-dinja u fuq il-bnedmin kollha ta’ rieda tajba.

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading