Erba’ kandidati ġodda għas-saċerdozju


Il-Ħamis, 3 ta’ Jannar 2019: Erba’ seminaristi fil‑ħames sena ta’ preparazzjoni fis‑Seminarju tal‑Arċisqof ser jitolbu lill‑Arċisqof Charles J. Scicluna biex jaċċettahom uffiċjalment bħala kandidati għall‑Ordinazzjoni Djakonali u Saċerdotali.

01_KANDIDATI_2019.154650911884

Din iċ‑ċelebrazzjoni ser issir nhar il‑Ħadd, 6 ta’ Jannar 2019, waqt il‑Quddiesa tal‑Epifanija fil‑Konkatridral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta, fid‑9:15 a.m.

Roderick Baldacchino u Jean‑Claude Schembri mill‑Parroċċa ta’ Santa Katarina, iż‑Żejtun, Joshua Cortis mill‑Parroċċa ta’ San Gejtanu, il‑Ħamrun, u Tony Pace mill‑Parroċċa tal‑Konverżjoni ta’ San Pawl, Ħal Safi, ser jistqarru pubblikament ir‑rieda tagħhom li joffru lilhom infushom lill‑Knisja biex iservu bħala saċerdoti.

Filwaqt li jilqagħhom b’ferħ, Mons. Arċisqof, f’isem il‑Knisja, ser ikun qed jitlobhom biex matul is‑snin li ġejjin ikomplu jħejju lilhom infushom bi preparazzjoni għall‑Ordni Sagri.

Il‑komunità Nisranija hi mitluba żżomm f’talbha lil dawn l‑erba’ kandidati għas‑saċerdozju.