Erbat ijiem ilu, mat-tokki ta’ nofsillejl, bdejna sena ġdida. Kemm fraħna lil xulxin bit-tazza tax-xampanja, tal-inbid jew ta’ ma’ nafx xiex! U bir-raġun! L-għaliex issa bdejna sena ġdida!
U, ma’ kull bidu ta’ sena ġdida, jingħataw ukoll l-awguri. Allura min jawgura għal ħaġa u min għal oħra. U hekk, kulħadd jispiċċa jawgura lil xulxin. B’dik it-tbissima. Sabiħa t-tbissima hux! Imma jalla tkun dejjem tbissima sinċiera, ġejja mill-qalb! Il-qalb! X’kelma din ħbieb! U proprju fuq hawn li nixtieq nieqaf fil-bidu ta’ sena ġdida. L-awguri għalik, għażiż qarrej u qarrejja ta’ dan il-ġurnal, ilkoll kemm huma jisabu miġbura fit-titlu ta’ ktejjeb li qlajtu xi xhur ilu. Ismu tassew jiġbek: Ħu ħsieb qalbek!
Għalhekk, u minn qalbi, nawguralek li s-sena 2019 tkun għalik sena fejn fiha tikber fil-kontenut li fih dan il-ktejjeb wisq utli għal ħajja spiritwali, psikoloġika u umana tiegħek. F’din is-sena li għandna kemm bejna kemm nixtieqek tikber fit-tagħlim ta’ Ġesù! L-aktar fil-beatitudnijiet li nsibu f’Mattew 5:3-11. Nawguralek li tkun fqir u fqira fl-ispirtu. Għax tiegħek is-Saltna tas-Smewwiet. U int, li int imnikket u mnikkta, nawguralek il-faraġ. Int li qalbek ħelwa nawguralek li tired l-art. Int li għandek il-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja nawguralek li tkun mxebba’. Int li tħenn nawguralek li ssib il-ħniena. Int li qalbek safja nawguralek li tara lill-Mulej. Int li ġġib il-paċi nawguralek li tissejjaħ iben u bint Alla. Int li int ippersegwitat u ippersegwitata minħabba s-sewwa nawguralek li tiegħek tkun is-Saltna tas-Smewwiet. Int li jgħajruk, jippersegwitawk u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontrik minħabba Ġesù, nawguralek li tifraħ u tithenna għax ħlasek kbir fis-Smewwiet.
Nawguralek li fis-sena 2019 teċċella fil-ħniena. Nawguralek ukoll li taħfer minn qalbek ħalli, Missierek tas-Sema, jaħfer lilek ukoll. Nawguralek li ġġemma għalik teżori fis-sema għax titfa’ lill-Mulej fl-ewwel post f’ħajtek. Nawguralek li ma tiġġudikax. Ħalli qatt u qatt ma tispiċċa iġġuddikat u iġġudikata, ikkundannat u ikkundannata. Għax, u wara kollox, bl-istess kejl li bih tkejjel lil ħaddieħor int se tkun imkejjel u mkejla bih.
Nawguralek f’din is-sena li tgħożż ma’ qalbek u żżomm mħażżen ma’ moħħok, ir-regola tad-deheb. Jiġifieri, agħmel dak kollu li trid li ħaddieħor jagħmel miegħek. U tagħmilx lil ħaddieħor dak li ma tridx li ħaddieħor jagħmel miegħek. Nawguralek li tagħmel u mhux tpaċpaċ fuq ir-rieda tal-Missier f’ħajtek. Anki jekk jiswielek l-għaraq tad-demm! It-tbatija! Il-karba tal-uġiegħ! U l-għoti tal-bugħawieġ ukoll! Imma x’differenza ħej iġġib madwarek kull darba li twettaq minn qalbek ir-rieda tal-Missier!
U, fuq kollox, nawguralek minn qalbi li, matul din is-sena, tikber fuq li tikber fil-kmandament il-ġdid tal-imħabba. Nawguralek tħobb lill-proxxmu tiegħek bħalma Ġesù jħobb lilek. Int, li int id-dixxiplu tiegħu. Tinsiex! Ħaddieħor lil Ġesù ħa jħobbu daqskemm jara li int se tħobbu! Billi tħobb lil dawk li magħhom tgħix, taħdem u tirrikreja ruħek!
Imma int issarraf imħabbet Ġesù għalik fil-Knisja li Hu waqqaf. Għalhekk, f’din is-sena li għadha kemm bdiet, nawguralek li b’fommok u, aktar u aktar, b’ħajtek, tistqarr li temmen f’Alla l-Missier, li jista’ kollox. Li ħalaq is-sema u l-art. Nawguralek li temmen f’Ġesù Kristu Sidna, li, twieled minn Marija Verġni, bata, miet u qam minn bejn l-imwiet. Dak Ġesù li ġurnata għad jagħmel ħaqq minnek. Skont kif tkun għext hawn fuq l-art. Nawguralek li temmen fl-Ispirtu s-Santu, il-Mulej li jagħti l-ħajja. Fil-Knisja Mqaddsa Kattolika, fix-Xirka tal-Qaddisin, fil-maħfra tad-dnubiet, fil-qawmien mill-imwiet u fil-ħajja ta’ dejjem. Għalhekk kemm nawguralek li temmen u tinżel fil-fond fil-misteri ta’ Alla wieħed fi Tlett Persuni. U, kif dan Alla, sar bniedem bħalna, bata, miet, u qam minn bejn l-imwiet fil-Persuna ta’ Ġesù Kristu.
F’din is-sena nawguralek li tikber fil-virtujiet teologali tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba. Nawguralek li titqaddes u tissaħħaħ permezz tal-għejxien profond tas-seba’ sagramenti. Nawguralek li tikber fid-dawl tal-Ispirtu s-Santu, l-istess Spirtu ta’ Kristu, billi tikber fil-għerf, fil-fehma, fil-kunsill, fil-qawwa, fix-xjenza, fil-Pjetà u fil-biża’ ta’ Alla. Nawguralek ukoll li tant kemm tingħaqad ma’ dan l-Ispirtu, l-Ispirtu tal-Mulej, li t-tnax-il frotta tiegħu jsiru tiegħek ukoll! Nawguralek tikber fl-imħabba, fl-hena, fis-sliem, fis-sabar, fil-ħniena, fit-tjieba, fil-paċenzja, fil-ħlewwa, fil-fedeltà, fil-modestja, fir-rażan u fil-kastità.
Nawguralek ukoll li, f’din is-sena, tissaħħaħ fl-għaxar kmandamenti. Għax, jekk f’ħajtek Alla hu Alla tiegħek, allura ma tagħmilx allat oħra f’ħajtek li joħdulu postu. Ma ssemmix ismu fil-batal. Tqaddes il-ħdud u l-festi. Tweġġaħ lill-missierek u l’ommok. U, jekk Hu jkun tabilħaqq Alla tiegħek, żgur li mintix se toqtol, tiżni, tisraq, tixhed fil-falz, tixtieq nisa u rġiel tal-oħrajn, inkella ħwejjeġ tal-oħrajn.
Nawguralek ukoll f’din is-sena li tkun iben u bint dehen tal-Knisja Ommok billi tmur għall-quddiesa tal-ħadd u, sakemm tista’, ma taħdimx fil-ħdud u l-festi. Tqerr, tirċievi l-Ewkaristija, issum u tgħin fil-bżonnijiet materjali tal-Knisja. Nawguralek li titma’ lil min hu bil-ġuħ, tisqi lil min hu bil-għatx, tlibbes lill-għarwien, tilqa’ lil min hu bla dar, li żżur il-morda u l-ħabsin u tidfen lill-mejtin. Nawguralek tagħti parir lill-imħawdin, tgħallem lil min ma jafx, twiddeb bil-ħlewwa lill-midinbin, tfarraġ lill-imnikktin, taħfer il-ħtijiet, tistabar b’min idejqek u titlob għall-ħajjin u għall-mejtin.
Nawguralek dawn l-affarijiet kollha u l-bqija issibhom imniżżla fil-ktejjeb Ħu ħsieb qalbek. Tibżax! Xtaqtlek dawn l-awguri kollha għal din is-sena l-għaliex, u qabel kollox, dawn l-awguri kollha nixtieqhom lili nnifsi stess!
Is-sena t-tajba lilek, ħija! Oħti!