Evanġelju tat-Tlieta 8 ta’ Jannar 2019

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 6, 34-44

Tħassarahom u qabad jgħallimhom. Ħass għalihom u ħa ħsiebhom. Id-dixxipli ma ċaħdux il-bżonn tagħhom imma mhix affari tagħhom; bil-flus, jew bin-nuqqas tagħhom, iġġustifikaw in-nuqqas ta’ nteress fil-ħtieġa ta’ ħaddieħor u l-assenza tal-azzjoni tagħhom. Mhux biss, iżda, minflok ippruvaw jgħinu, reġgħu tefgħulu l-problema f’ħorġu: ħallihom jaħsbu għal rashom, qalulu. Ġesù jurihom li l-flus mhux kollox quddiem il-ħtieġa ta’ min hu bil-ġuħ, lanqas il-fatt li jinsabu fl-imwarrab; bil-ftit li għandkom araw x’tistgħu tagħmlu intom.

Storja li tiġri kuljum u għalhekk fid-dinja, mhux bilfors ’il bogħod minnna, għad iseħħu l-inġustizzji, jikber il-faqar, imutu n-nies bil-ġuħ u bil-għatx u bil-bard bla saqaf fuq rashom. Għax biex infaħħru lil min fl-imgħoddi għen lill-missirijietna foqra, jqumu mill-għaks tagħhom u jgħixu huma u wliedhom, ninqalgħu bil-kbir, imma biex nagħmlu bħalhom, bħal dawk li nagħmlu festi kbar u lussużi biex niċċelebraw il-ġenerożità tagħhom għax ħallew il-fidi tqanqalhom, insibuha bi tqila u niġġustifikaw l-apatija tagħna billi nużaw l-iskuża li, l-ħtieġa ta’ min hu batut hija theddida għalina. Anke biex ‘nagħmlu karità’ nistennew li xi ħadd joħolqilna l-opportunità biex ma niċċaqalqux minn fuq is-sufan mis-sħana ta’ djarna. U hemm, kemm nagħfsu tużżana buttuni.

Ħloqna tendenza komda li noħolqu dagħbien bejnna u bejn min hu batut. Hija tendenza li tingħoġob minn ħafna u flimkien inħossuna nserrħu l-kuxjenza kollettiva tagħna id-diżiniteressati. Aħna mhux biss, bħad-dixxipli, noqolqu l-problema tal-flus u tad-distanza, aħna nlumu lil min jgħin u nikkundannawh għax issa il-batuti, bħall-qtates, jekk titmagħhom darba, se jibqgħu jiġru warajna. U le, mhux biżżejjed li nirraġunaw u ngħidu li ngħinu għax ma nafux f’xiex għad insibu ruħna, għax stajna konna aħna, dan mhux biżżejjed u mhux l-ghħan nobbli li nfaħħru lil ħaddieħor għalih. Il-ħtieġa għal Ġesù tiġi l-ewwel u qabel kollox; min hu batut m’għandux jibqa’ batut, hi x’inhi l-għajn tat-tbatija tiegħu. Agħtuhom intom x’jieklu.

Jekk l-attitudni tad-dixxipli quddiem is-senistività ta’ Ġesù ġġiegħlna nħossuna skomdi, l-attitudni tagħna llum u l-kliem iebes u niggieżi, il-kundanni u t-tgħajjir tagħna b’kull mezz possibli jikxef il-qalb tas-silġ li mietet ġo fina; u la mietet qalbna, mejtin aħna lkoll, iktar u iktar meta niftaħru bil-ġid li għandna. Il-ġid huwa ġid meta bih tista’ tagħmel il-ġid; meta bil-ġid ma tagħmilx ġid isir susa u sadid li jiswa biss biex jherrina mingħajr m anindunaw.

Mijja mija u ħamsin ħamsin u kulħadd kiel u xaba’. L-inkwiet fittizju tad-dixxipli spiċċa fix-xejn u l-ġid li nħoloq minn Ġesù minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, kielu u tqawwew minnu huma wkoll. Minnu fadal għal iżjed. Il-ġid kiber u kien ta’ ġid għal iktar. It-tqassim tal-ġid saħħaħ il-ħajja u ħoloq iżjed għal min seta’ kien fil-ħtieġa u ma kienx hemm għax il-ħtieġa mhix biss dik li tidher, hemm ħafna ħtiġijiet oħra, batuti oħra li ma jidhrux.

Biss il-mirakli ma jseħħux bil-ħila tagħna. Qatt ma seħħew bil-ħila tal-bniedem iżda bil-qawwa ta’ Alla li jibdel il-qlub tal-ġebel fi qlub tal-laħam. Ħarsitna, bħal dik ta’ Ġesù, trid tintrefa’ ’l fuq lejn is-sema minn fejn tiġi l-barka. Imbagħad biss iseħħ il-qsim u l-irduppjar tal-ġid tassew, għax meta, bil-grazzja ta’ Alla, il-ġid jinqasam, ma jonqosx iżda jitkattar, mhux biss għax jikber fl-ammont, iżda għax jiżdiedu dawk li jgawdu minnu. Hemm biss ikun ġid tassew.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading