X’riżoluzzjoni dik!


Merħba bik 2019! Merħba bik bis-sorpriżi kollha li se tippreżentalna! Inkella ma tkunx sena ġdida! Jekk kollox jibqa’ l-istess! Jekk f’qalbna, f’moħħna u f’ruħna nkomplu fejn ħallejna!

Imma x’inhi s-sorpriża ta’ din is-sena? X’inhi dik ix-xi ħaġa li, lili u lilek, tant se tagħmilna differenti? Forsi minn snin oħra? Hemm aħna! Waqa’ l-għażż! Morna mill-ewwel għall-ikel żejjed! Ejja ħa nneħħu ż-żaqq! Kollox sew! Naħseb li ħadd minnha m’hu se jieħu gost li jippreżenta ruħu u tippreżenta ruħha b’żaqq daqs illum u għada! Veru? Almenu jien wieħed minn dawn it-talin! Irrid kieku minn quddiem inkun aktar ċatt. Pulit. Għalkemm mhux neċessarjament tal-moda! Biss hemm bżonn kbir li jkun hemm xi ħaġa oħra mportanti f’din is-sena li tagħmilna aktar in form. Din hi li nieqfu nagħmlu parti mill-partit inform!

X’irrid ngħid? Kemm hawn persuni li huma lesti li jużaw ilsienhom biex ipaċpċu fil-vojt! Kemm hawn tpaċpiċ fil-vojt! Kemm hawn diskors li jġib ħsara kbira. Jherri lis-soċjetà, lill-istat, lill-partiti politiċi, lill-knisja, lill-familji, lill-komunitajiet reliġjużi, lil ħbieb, lil dawk li jaħdmu flimkien fuq il-post tax-xogħol. Oh ħbieb! Kemm sar irħis id-diskors!

Ħafna jaħsbu li għax ħaġa ma tħallasx għaliha allura m’għandiex valur. Każ li jiġini ħelu ħelu bħalissa hu dak tal-ħbiberija. Jista’ wieħed jixtri ħbiberija? Ejjew ma ninsewx x’jgħid il-ktieb tal-Għanja tal-Għanjiet: [Min] jixtri l-imħabba tmaqdir isib! (Għan 8:7). Hekk hu ħbieb! Din hi l-pura verità! L-imħabba ma tinxtarax! L-imħabba ma tinstabx fl-ewros li nagħti persuna biex din tpaxxini! Xejn xejn ninqeda! U min, miskin, jagħmel hekk, tmaqdir isib! Għax ikisser lilu nnifsu. Bħalma jkisser ukoll lil dik il-persuna povra li taqla’ x’tiekol bl-easy money. Le ħbieb! L-imħabba ma tinxtarax! L-imħabba tingħata b’xejn! Għax ġiet mogħtija b’xejn! Ġiet mogħtija mill-Mulej li żeragħha f’qalbi. F’qalbek. U l-imħabba għandha d-dinjità sħiħa ta’ min qiegħed jagħtiha. Daqskemm għandha ukoll id-dinjità ta’ min qed jirċevieha.

Mhux biss l-imħabba hi b’xejn imma anki l-kliem li ngħidu hu bla ħlas. Kemm hu faċli li nfendi kelma! Infendieha daqs tazza ilma! Ngħidha hekk, kif inhi. Lixxa lixxa. Kif titpoġġhieli fuq ilsieni! Sewwa qed ngħid: Kif titpoġġhieli fuq ilsieni! Imma jiddependi Min qed ipoġġihieli fuq ilsieni! Kemm il-Mulej u kemm ix-xitan jistgħu jpoġġhuli kelma. Tant hu hekk li l-kelma ta’ wieħed issir ħajja u fejqan filwaqt li tal-ieħor issir mewt u qerda.

Għalhekk tajjeb nifhem u nġib ftit quddiem għajnejja r-responsabbiltà tiegħi ta’ kif nitħaddet. Aktar u aktar fuq l-oħrajn. Mhux sewwa li naħli lili nnifsi f’konverażazzjonijiet li jwassluni biex persuna aktar nobgħodha bil-pulit. Għax nibda’ ma nsirx naħmilha pinġuta. Tant li ħelu ħelu naqtagħha minn ħajti għax ma nkellimhiex. Ma jiswewli xejn l-attivitajiet spiritwali tiegħi jekk hemm persuna li jien ma nġerraħx. Ma nħobbx. Ma ndaħħalx f’qalbi. U, min qed jismagħni, jaqrani u jarani malajr jinduna li jien platt iċekċek! Għax aqta’ kemm nitqanżaħ biex noħroġ il-kelma! Inkella biex niktibha fuq il-karta! L-imħabba m’hemmx ċajt magħha! L-imħabba tikxifni x’jien!

Għalhekk, jekk jien persuna li malajr nitgħawwa u nikklikkja ruħi fi klikka kontra xi ħadd, issa għandi ċ-ċans kollu tad-dinja biex, f’din is-sena, naqbad it-triq tal-konverżjoni tiegħi. Ejja, f’din is-sena li għadha kemm bdiet, nikkonsagra fommi lill-Mulej ħalli jneħħi minnu l-velenu tal-antipatija u l-mibegħda fina u jpoġġi mħabbtu li taħfer u tħenn. Ejja niftakar li kulħadd għandu l-mixja tiegħu f’ħajtu. Qassis, Patri, Soru, lajk u lajka. Mela ejja nagħlaq ħalqi u nħalli lil ħaddieħor jikber u jiżviluppa kif l-Ispirtu s-Santu jurieh. U mhux inittnu u innittina bid-diskors fieragħ u t-tpaċpiċ fil-vojt li ngħid kontrieh u kontrieha.

U, f’każ li qed tħoss li għandek tagħmel xi riżoluzzjoni għal din is-sena nissuġġerilek kliem Ġesù stess fid-Djarju ta’ Santa Fawstina.

1 ta’ Marzu 1937. Il-Mulej tani x’nifhem kemm iddejqu ruħ li tħobb tpaċpaċ. Jiena ma nista’ nsib l-ebda mistrieħ f’ruħ bħal din. L-istorbju kontinwu jgħejjini, u qalb dan l-istorbju r-ruħ ma tistax tagħraf il-vuċi Tiegħi (Djarju, 1008).

Bye bye paroli fil-vojt! Is-sena t-tajba ħbieb! X’riżoluzzjoni dik!