Bieb miftuħ …


Il-bieb infetaħ! Id-dawl reġa’ nxtegħel! U, merħba bik 2019! Dawl! Murtali! Miljuni ta’ awguri! Għal darb’oħra, fil-ġrajja ta’ ħajti u ħajtek, il-bieb reġa’ infetaħ!

Iva ħbieb! Għandna bieb miftuħ! Bieb ta’ opportunitajiet. Uħud ileqqu. Oħrajn anqas ileqqu. Filwaqt li oħrajn irridu niskavaw għalihom. Biss, dawn l-opportunitajiet hemm qiegħdin! Quddiemna! Lesti biex niskopruhom! Ħalli jissuktaw ikabbruna! Inkella, jekk ma nħalluhomx ikabbruna, x’aħna nagħmlu fuq din l-art?

Infetaħ il-bieb! U infetaħ għall-miljun opportunità! Infetaħ għall-miljuni ta’ għażliet! Uħud minnhom jidhru sbieħ. Iħajru. Imma ħej, jekk niggranfaw magħhom, għal ġolħajt.com! Mela, attenti! Ejjew nitolbu lill-Ispirtu s-Santu ħa jagħtina d-dehen. Ma ninsewx! Mhux kulma jleqq deheb! U, fil-ħajja, m’hemm xejn aktar dinjituż milli nkun fil-verità miegħi innifsi quddiem il-Mulej! Ħalli, u meta nitfa’ rasi fuq l-imħadda, inkun nista’ norqod. U mhux nibla’ il-pillola biex forsi norqod. Daqskemm għandi xi jtaqqal il-kuxjenza tiegħi. Wara kollox l-għagħa qatt ma bena fis-sod. Kienu biss il-prinċipji li ma jitbiddlux li bnew il-karattru u anki r-ruħ!

Mela! Merħba bik ja 2019! Bieb miftuħ għal elf miljun ħaġa. Għal ma nafx kemm-il elf idea. Li, għax hi idea, ta’ min jaraha, jagħrbilha u, għaliex le, jgħaddiha mill-għarbiel tal-għarfien. Għax x’hemm isbaħ milli nimxi fuq art soda? Art li żżommli riġlejja mal-art waqt li tħejjijli qalbi għas-sema?

Tgħid għadu żmienu li nagħmel riżoluzzjonijiet fil-bidu tas-sena? Hawn min jgħid iva. Hawn min jgħid le. U hawn min, saħansitra jgħid, li din hi logħba tax-xitan. Jekk hix tax-xitan jew le dak ma nafx. Imma ħaġa waħda naf: kemm il-ħajja issibna fuq sieq waħda! Kemm hemm sitwazzjonijiet li jġibuna dahrna mal-ħajt. Kollha kemm aħna tafux! Stat, soċjetà, knisja, familja, komunità u l-bqija…

Biss, huma x’inhuma dawn is-sitwazzjonijiet, il-bieb infetħilna. L-opportunitajiet ippreżentaw ruħhom mill-ġdid. U, forsi, l-aqwa opportunità hi ċertament dik taż-żmien. Oh! Iż-żmien! Li, mingħajr ma ndur mal-lewża, ngħid li għandu valur daqs Alla nnifsu! U bil-provi tafux! Għax, biż-żmien, nista’ nirbaħ lill-Mulej inkella nitilfu wkoll. U, iva, nista’ nitilfu għal dejjem. Mela ejja nkun għaqli u għaqlija. U nieħu din l-opportunità. Għax, għal darb’oħra, il-bieb reġa’ infetaħli. U infetaħli bi skop!

Kull darba li ninżel nara t-tiġrijiet taż-żwiemel, fil-korsa tal-Marsa, dejjem nerġa’ lura aħjar u mfejjaq minn kif inkun inżilt. U r-raġuni hi waħda tafux! X’qawwa fiha l-qalb li tħenn! Hemm, fil-fatt, sostitut għall-qalb li tħenn? Imma, u din hi importanti fuq li importanti, irridu issa nikkwalifikaw x’inhi l-ħniena. U jien, il-Patri, il-Mulej din għallimhieli mid-Djarju ta’ Santa Fawstina.

L-ewwel nett, min iħenn jifhem is-sitwazzjoni ta’ dak li jkun. Ma jistax le ikun bulldozer. U jibqa’ għaddej qisu mhux hu. U mhux hi! Aħna ilkoll tad-demm u l-laħam. Aħna ikoll għandna l-uġiegħat tagħna. Ilkoll għandna l-bżonnijiet tagħna. Għax bnedmin. Mela, ejja nifhmu naqra lil xulxin. Inħossu għal xulxin. Ħa naraw fejn il-bżonn VERAMENT qiegħed.

Imbagħad il-ħniena tfisser ukoll twiddiba ħelwa imma insistenti. Ma ninsewx ħbieb, għandna ruħ xi nsalvaw. Aħna spiritwali. U min, quddiem il-kbir Alla l-ħaj, Missierna tas-Sema, hu subgħajh dritt? Ħadd fuq li ħadd! Għax, anki min, wara ħafna tqanżieħ, jasal li jammetti, u dan jwettqu għarqan xraba u b’ħafna skużi, li hu jew hi midneb u midinba, irid jifhem li n-nuqqas tiegħu, in-nuqqas tagħha, żgħir kemm hu żgħir, quddiem il-Mulej hu torpido! Mela ejja nniżlu saqajna mal-art! Jew aħjar immattruhom. Għax abbli raqdu fl-aljenazzjoni! Ejjew nagħmlu l-pass! Ejjew nieħdu ħsieb ruħna! Le! Ruħi, din is-sena, ma npartatha ma’ xejn! Li kieku kelli tnejn kont nagħti iva waħda lill-flus, lill-pjaċir, lill-poter, u x’ma nafx jien. Imma ħej! Waħda għandi! Mela ejja nibża’ għaliha!

Il-Mulej grazzji jagħtina bir-rimi tafux! Ġieli jġibhomlna taħt imneħirna! U ġieli tant kemm ikunu down-to-earth li aqta’ kemm nirvellaw għalihom! Qed ngħid hekk għax jien din ngħaddi minnha spiss. Ġieli biżżejjed tiftaħ il-Facebook u tidħollok post babaw! Ma tistax taħrabha! Jekk ġiet f’wiċċek? U ġejt lampa stampa magħha? Xi tridek tagħmel x’kull waħda tnejn? Imma anki din hi ħniena nies! Għax min iħobbok u min iħobbni, ġieli jgħidilna ċertu affarijiet mingħajr ħafna kantunieri ta’ xejn. Iġibna quddiem ir-rejaltà. Għax iridna aħjar. Mela, ejjew din is-sena nivvalorizzaw lil min ma jaqbilx magħna. Lil min jgħidilna dik il-kelma li tniggiżna. Għax, jekk dik il-kelma tkun ta’ vera, għax tkun il-Kelma ta’ Alla, meta nitfgħu rasna fuq l-imħadda dik biss isserraħ il-kuxjenza mqallba li ġieli jkollna. Jien l-ewwel wieħed!

Illum beħsiebni nagħti lilek, sieħbi, din il-kwotazzjoni mid-Djarju ta’ Santa Fawstina. Għalkemm tidher biz-zalza hi kollha mħabba. Għax min iħobbok jiftaħlek għajnejk għax irid jarak aħjar, bħalma jixtieq jarani aħjar!

Il-Mulej qalli, Irrid ningħata lill-erwieħ u nimliehom bi mħabbti, imma ftit huma dawk li jridu jaċċettaw il-grazzji kollha li mħabbti għandha intenzjoni li tagħtihom. Il-grazzja Tiegħi ma tintilifx; jekk ir-ruħ li għaliha tkun intenzjonata ma taċċettahiex, ruħ oħra toħodha (Djarju, 1017).

Bieb 2019 miftuħ! Ejja nieħu l-opportunitajiet u l-grazzji kollha li l-Mulej irid jagħtini ħa jibnini u jagħmilni l-aħjar! Għax jagħmilni bħalu!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.