Kif inbidel it-temp!


Il-ġurnata għadni niftakarha tajjeb. L-Erbgħa filgħodu. Għodu għodu. Ħiereġ mill-isptar, fejn inqatta’ il-biċċa l-kbira ta’ ħini. Ta’ Patri Kapuċċin. Patri mal-morda u tal-morda. Skont l-espressjoni tal-kariżma Kapuċċin. Biex, u wara, immur nagħti s-servizz tiegħi fil-kunvent.

Ħriġt barra. Ħeqq! Minn ġewwa l-isptar ma tkunx taf x’temp hemm barra hux! Dejjem indur ma’ ħutna l-morda. Xi privileġġ u grazzja mill-kbar nett għalija nkun ħdejn is-sodda tal-marid! Mela ħriġt. Sema imsaħħab issemmix. U, l-arja li laqgħetni barra kienet kiesħa għall-aħħar. Ma nafx iżda f’dak il-waqt ġew quddiemi żewġt ibliet kapitali li aqta’ kemm huma magħrufin għall-ksieħ! Varsavja u Moska! Ajma x’bard! F’dak il-waqt stħajjiltni qiegħed f’waħda minnhom. Inkella fihom it-tnejn! Mà x’biża’! Kif kont nirżaħ!

Imxejt lejn l-istage tal-linja. U, l-asperġes tal-ilma mbierek tal-Missier Etern inzerta kien miftuħ. Dan l-għaliex, waqt li kont sejjer lejn l-istage, l-ilma tax-xita beda nieżel ħelu ħelu fuqi. Is-sabiħa hi li n-nuċċali tiegħi m’għandux wipers! U allura ma stajtx nara dejjem ‘il fejn jien miexi!

Imma l-grazzja tal-Mulej tassew kbira. L-għaliex, minn hawn u minn hemm, il-Mulej iva wassalni fuq l-istage. U, x’ħin kont hemm, wettaqt tliet verbi li, fis-snin tmenin, fuq it-televiżjoni tal-istat, tant kienu laqtgħuni f’wieħed mill-avviżi kummerċjali li kien jixxandar ta’ spiss. Stop. Think. And reflect.

Iva ħbieb! Waqaft. U ma stajtx ma nieqafx! Jekk kont wasalt fuq l-istage x’kull waħda tnejn? U, biex inkun għedt kollox, mal-ġakketta l-kannella tiegħi, li ngħożżha daqs ma nafx xiex l-għaliex taqbel eżatt mal-boilersiute tiegħi, kienet miksija bl-ilma tax-xita. Tafu li anki dak l-ilma lili għeni biex nieqaf? Imma nieqaf minn xiex eżattament? Nieqaf mill-fatt li t-temp kien għadu sħun. U bis-sħana. Nieqaf mill-fatt li nibqa’ niffissa li mmur għall-ħwejjeġ tas-sajf. Is-sajf issa ċaw ċaw! Żmienu għadda! Is-sajf ilu li daħal fil-kexxun u l-gwardarobba tal-Missier Etern! Issa irrid nħares lejn il-preżent! B’saqajja mal-art! U, f’każ li nkun insejt tibżgħux il-kesħa ta’ filgħodu żgur li qed iġġibni f’sensija. U, kuntrarju għal dak li tgħid it-taqbila, il-kesħa ta’ filgħodu qed tagħmilli riġlejja jirtgħodu! Iva! Għax jirtgħodu bil-bard! Mela altru jekk hijiex kwistjoni li noqgħod xi mkien! Le ħej! Din il-kesħa qed tgħidli: “Fittex salpa minn fejn qiegħed għax ħa tiksaħ!”

It-tieni verb li ġieni fuq l-istage kien think! Aħseb! Iżen! Inutli issa li nibqa’ niftakar f’dawk il-mumenti sbieħ tas-sajf. Dak għadda u tar mar-riħ. Il-kesħa li ġismi qed iġarrab miskin qed tgħidli: “Ilbislu!” U hawnhekk, jekk irrid inkun tasew sinċier, aqta’ kemm immisjajt il-kura li rċevejt fil-familja tiegħi! Kemm l-għażiża ommi, mal-ewwel xamma tal-bdil tat-temp, mill-ewwel kienet toħroġli l-ħwejjeġ! U tlestihomli ħa nilbishom! Għax moħħha, ta’ veru omm li hi, bħall-ommijiet kollha Maltin u Għawdxin, dejjem jgħix fil-futur. Għax jingħataw! Daqskemm iħobbu! Mela viva l-ommijiet Maltin u Għawdxin!

Imma issa l-istorja hi ferm differenti. U allura issa, minħabba l-mod ta’ ħajja li qed ngħix, huwa jien li rrid naħseb dan b’moħħi. Għall-ewwel ħbatt se naqta’ qalbi. Is-skiet kiesaħ u li ġieli taqgħtu b’sikkina ta’ madwari mhux dejjem iħallini nsib it-tweġibiet li għandi bżonn. Imma l-Mulej tassew tal-ħniena! U jħobbni daqs l-aqwa omm. Jew aħjar, u biex ikun aktar eżatt, daqs l-ommijiet kollha f’daqqa. Wara kollox hekk jgħid fil-kelma tiegħu stess u kif imwassla lilna minn Iżaija: Tista’ mara tinsa t-tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ġufha? Mqar jekk din tinsa, jien ma ninsiek qatt! Ara! Naqqaxtek fuq il-keffa ta’ idejja (Is 49:15-16). U, din il-kelma, tassew li ssir rejaltà li mmissha b’idejja f’ħajti ħbieb! L-għaliex, u ma nafx tassew minfejn, it-tweġiba naraha iva ġejja! Titqabeż minn fuq l-għoljiet! Ġejja! U, tant kemm tiġi, li mhux l-ewwel darba u tnejn li tidħol f’riġlejja u għoddha tkun qalbitni! U dan kollu illum nifhmu! Għad li mhux jien imma l-Ispirtu s-Santu li jmexxini jurini dan kollu! Min mal-Mulej jirriskja billi jagħtih ħajtu u ħajjitha mbagħad l-Imgħallem jurieh x’Alla Hu! Mela, kif tista’ lil Ġesù ma tħobbux?

U l-aħħar verb li l-Mulej tani waqt li kont qiegħed fuq l-istage, kif imwassal lili minn dan l-avviż kummerċjali tat-tminijiet, hu reflect. Irrifletti! Jiġifieri, u skont l-Oxford Dictionary, inwaddab lura mingħajr ma nassorbi, nuri xbieha ta’, nirrappreżenta b’mod fidil u tajjeb, li nġib lill-partijiet rilevanti, li nikkawża impressjoni tajba jew ħażina ta’, li naħseb b’mod profond jew b’reqqa dwar. U, dan kollu, x’kien ifisser għalija? Fil-prattika dan kien ifisser li dak li kont qed naħseb ejja ma nħallihx itir mar-riħ! La kont qed inħoss il-bard dan għalija kien ifisser li kelli nieħu azzjoni. Li kelli nwaddab lura, b’għemili, dak li moħħi kien qed jurini. Xejn xejn nilbes aktar ħwejjeġ fuqi milli kelli f’dak il-waqt inkun qed inġib lil moħħi aktar rilevanti. Għax, il-battikata li ħa meta indenja ruħu jaħseb almenu kien hemm ir-rieda li għarrfet id-dinjità tiegħu billi eżegwiet dak li kien qed jaħseb. U, meta dan iseħħ, aqta’ kemm iħalli impressjoni tajba fuqu! Għax, l-għemil, juri kemm il-moħħ kien ħaseb sewwa fuq il-biċċa xogħol li issa t-temp kesaħ!

Kemm ħsibijiet hux għax it-temp, f’daqqa waħda, inbidel! Imma ħajjitna mhux hekk? Dejjem bis-sitwazzjonijiet li jinbidlu? F’daqqa t’għajn? U ġieli b’daqqa ta’ pinna? Sintendi imma l-għaliex, u minn qabel, ikun hemm pjan maħsub sewwa (Salm 64:7)? Kos hux ! Kemm jgħid sewwa s-Salm fl-istess nifs: min jifhem moħħ u qalb il-bniedem?(Salm 64:7). Għalkemm qabel is-Salm jagħmel dikjarazzjoni importanti u mhux ta’ min jaqbiżha: Ifittxu l-ħażen (Salm 64:7).

Le sieħbi! Ejja ma nfittux il-ħażen! U lanqas ma nfasslu pjanijiet biex inkissru lin-nies! Ejja niftakru fi kliem ta’ talba mill-isbaħ: Mulej, ibqa’ magħna f’dawn iż-żminijiet li dejjem qed jinbdlu! Iva! It-temp jinbidel! Jiksaħ. Jisħon. Jiffriska. Ibatti mis-sħana. Iżda mħabbtu, għalija u għalik, la tiksaħ, la tisħon, la tiffriska u lanqas tbatti. Imma tibqa’ kif dejjem kienet, fil-bidu, issa u għal dejjem ta’ dejjem. Amen!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.