Il-gidma


Iż-żmien bejn il-Milied u l-Ewwel tas-Sena, tas-sena 2018, se nibqa’ niftakru għomri. Dan l-għaliex, f’waħda minn dawn il-jiem għeżież ta’ festi, (li jibqgħu sejrin 12-il ġurnata u mhux jgħaddi l-Milied u nżarmaw kollox), dabbart gidma ta’ kelb. Jew, aħjar, kelba!

Ifhem! Kieku nixtieq ninsieha din l-istorja. Għax, u ħa ngħidilkom kif inħossha, mhix xi storja sabiħa. U lanqas taċ-ċajt. Almenu l-qatgħa li ħadt żgur li ma kinitx ejja ħa mmorru! Għalkemm ma ngħidx li għaddietni s-suffejra tafux! Imma x-xokk dejjem xokk jibqa’! U żgur li mhux xi rtokk! Intant! Forsi kieku nixtieq ninsieha din il-biċċa. Imma kif nista? Jekk, jiena u nikteb, quddiem wiċċi, għandi l-ġerħat li għamluli n-nejbiet ta’ din il-ħlejqa tal-Mulej? Biex ma ngħidhiliex xi ħaġa oħra?

Veru! Annimal annimal dejjem jibqa’. Imma ħej ejjew nidħlu responsabbli għalih. U mhux, meta jseħħ l-inċident, ninfaqgħu f’kundanni f’dak li ġara. Bħallikieku biex nevitaw il-problemi ta’ wara. Għalhekk, il-prevenzjoni aħjar mill-kura. Imma, u wara kollox, minn din l-esperjenza xorta tgħallimt li, tagħmel kemm tagħmel prevenzjoni, inċident xorta jaf iseħħlek. U jħallik bla kliem ukoll! Niftakar sidt din il-kelba tgħidli: Tmissix! U jien ma missejtix! Anzi! Qgħadt il-bogħod minnha. Imma, x’ħin tawwalt idejja lejn il-mejda ż-żgħira biex nieħu xi ħaġa l-kelba qaltli: Issa le Patri ħi! Qbiżtli l-linja! U veru! L-għaliex, f’radda ta’ salib, aqta’ kif ħatfitli l-pala ta’ idi l-leminija!

Waħda minn nejbiet daħlet naqra aktar ‘il ġewwa mill-oħrajn ħbieb. U, tiżgħux, għax intbaħt b’dak li ġara tafux! L-għaliex minnha bdiet ħierġa xmara żgħira tad-demm! F’dak il-ħin uġiegħ ma ħassejtx. Anzi! Bdejt nistaqsi lili nnifsi: X’ġara? Oh ħbieb! Ma kelliex għalfejn nistaqsi aktar. L-għaliex, it-tweġiba, malajr ħadtha! Dak id-demm li ħareġ aqta’ kif ġabni f’sensija! U, mal-ħarġa tad-demm beda l-hemm! Għax il-mewġa tal-uġiegħ bdiet ġejja!

Imnalla sidt il-kelba għamlitli l-ispirtu u iddiżinfettatli l-ferità! Mingħajr ma naf kif moħħi mar lura fis-snin. Sewwasew ta’ meta kont għadni djaknu, fil-parroċċa ta’ San Ġwann. Eżattament fit-tberik. Anki dakinnhar kont dabbart gidma minn kelba! U, jekk jogħġbok, dik id-darba, il-kelba kienet ħaditha bir-rankatura u gidmitli l-joint tas-seba’ l-kbir tal-pala ta’ idi x-xellugija. Nirringrazzja lill-Mulej li, dakinnhar, eżattament kif kont spiċċajt it-tberik, it-twajjeb Fra kien ħadni nieħu t-tilqima kontra t-tetnu.

Kemm tassew l-esperjenza hi għalliema tal-ħajja hux! Għalhekk, meta dabbart din il-gidma, u din id-darba rrid inlaqqamha “l-gidma ta’ żmien il-Milied u l-Ewwel tas-Sena”, moħħi mar fuq l-imbierka mistoqsija: Tgħid immur nitlaqqam? Kif staqsejt din il-mistoqsija lil sidt il-kelba din, pronta pronta, qaltli li xahrejn qabel kienet għadha kemm laqqmet il-kelba kontra r-rabbja. U, din it-tilqima, l-effett tagħha idum tal-anqas sena.

Kemm ħadt ir-ruħ meta smajt dan ħbieb! Almenu issa stajt nissokta ngħix b’serenità u b’paċi kbira f’qalbi! Anki jekk ma nistax ma nittawwalx, minn ħin għall-ieħor, lejn l-erba’ ġerħat li għamlitli s-sinjorina kelba. U, biex nislet frażi tal-arċisqof Scicluna meta tħaddet mill-erba’ toqbiet li għamlulu meta daħal fl-isptar fiċ-Ċili, anki jien issa għandi erba’ ġerħat bħalu. Hu semmiehom San Mattew, San Mark, San Luqa u San Ġwann. Filwaqt li jien semmejthom għall-erba’ virtujiet kardinali, jiġifieri l-għaqal, il-ġustizzja, il-qawwa u l-qjies. Issa dawn il-virtujiet insejħulhom kardinali l-għaliex huma l-perm, il-bażi, is-sisien, il-pedament, li fuqhom hi mibnija l-ħajja morali.

Kos hux! Jiena u nikteb ġieli qed inħoss l-uġiegħ. Ikolli ngħid tal-ħatfa t’idi mill-kelba! Ikrah jaws hux! Imma kull deni ħudu b’ġid tafux! L-għaliex, meta nħoss dik il-weġgħa, inkella dik il-ġibda, dak ma jfissirx sempliċiment xogħol ix-xedaq tal-kelba. Li qed jissarraf fi tbenġila. Le! Dan ifissser li ż-żrara tal-għaqal qed tgħidli: Patri! Kemm qed tagħraf il-veru ġid tiegħek? U kemm dan il-ġid qed tagħżlu b’mezzi tajba biex tiksbu? Kemm int GĦAQLI?

Imbagħad, meta nerġa’ nħoss ġibda oħra, din id-darba niftakar fil-ġibda tal-ġustizzja. U l-ġerħa, lili, qed issaffarli, biex tgħidli: Patri! Kemm qed tagħti tabilħaqq lill-Mulej dak li hu tiegħu? U lill-proxxmu tiegħek dak li jmiss lilu? Kemm qed tkun ĠUST? Il-ħmura tal-gidma qed terġa’ iġġibni in se! Għax issa qabdet titħaddet l-ġerħa tal-qawwa! U din, lili, qed tgħidli: Patri! Kemm qed tibqa’ sod biex tagħmel it-tajjeb minkejja d-diffikultajiet li jkollok tħabbat wiċċek magħhom? U, fl-aħħar nett, in-nefħa tal-gidma qed tfakkarni fl-aħħar ġerħa. Li, u ħa ngħidilkom, mhix inqas gwappa mit-tlieta l-oħra ta’ qabilha! Patri! Kemm qed trażżan il-pjaċiri tas-sensi tiegħek u fl-użu tal-ġid tal-art? Kemm qed tgħix fil-QJIES?

Mela, u, kif jgħidu t-Taljani, tutto sommato, il-gidma li dabbart fakkrittni li għandi mmarkati fuq il-pala ta’ idi l-leminija, l-id li l-Mulej juża biex jikteb, l-ikoni tal-erba’ virtujiet kardinali. Għalhekk grazzi għażiż arċisqof li bl-erba’ evanġelisti tiegħek fakkartni li jien għandi mnaqqxa fija t-tifkiriet tal-erba’ virtujiet kardinali! U, wara kollox, jekk dawn it-tifkiriet li għandi fuq il-pala ta’ idi l-leminija isirux ħajja jew jibqgħux biss gidmiet jiddependi minni jekk ningħalaqx fil-biża tal-gidma jew inkella nħalli lill-Ispirtu s-Santu jdawwar il-biża li niġi migdum f’qawwa kbira li niġi maħbub u hekk inxerred din l-imħabba miegħek, ma’ dik, dak, dawk u l-oħrajn!

Ara ftit kemm gidma taf tiddawwar f’barka! Anki l-gidma ta’ … kelba!