Il-Knisja tistagħna bix-xhieda tal-Laboratorju tal-Paċi


Is-Sibt 12 ta’ Jannar 2019. Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, Laboratorju tal-Paċi, Ħal Far.

Forsi narawha stramba li Ġesù, f’waħda mill-ewwel ġrajjiet tal-ħajja pubblika tiegħu, mar biex jitgħammed. Mar għand Ġwann il-Battista, li kien jgħammed lin-nies bl-ilma biex ifisser il-ħajja ġdida li daħlu għaliha wara li jistqarru dnubiethom. Ġwanni għażel l-ilma għaliex l-ilma jsaffi, inaddaf u jagħti l-ħajja. U għalhekk n-nies li kienu jersqu lejh biex jitgħammdu setgħu jifhmu l-iskop tal-magħmudija.

037.154755001904
Ritratt: Knisja.org

Ġesù mar hu wkoll biex jitgħammed. Imma hu ma kellux bżonn il-maħfra tad-dnubiet, u għalhekk tidher stramba għall-ewwel bħalma Ġwanni nnifsu ra ħaġa mhix f’lokha. Imma Ġesù mar jitgħammed mhux minħabba d-dnubiet tiegħu, imma biex jidħol fl-istess ħajja tan-nies imtaqqlin bid-dnub, biex jieħu fuqu d-dnubiet tagħhom u jeħlishom.

Għalhekk, meta Ġesù resaq biex jitgħammed, ta tifsira ġdida lill-magħmudija. Dakinhar dehret ċara l-missjoni ta’ Ġesù li jeħles lill-bniedem mid-dnub u l-ħażen billi jsir ħaġa waħda mal-bniedem. F’dan il-mument, deher ċar l-iskop ta’ ħajtu li jkun salvatur tal-bniedem, ta’ kulħadd.

Dan kien ikkonfermat mil-leħen tal-Missier: “Int ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”, fil-preżenza tal-Ispirtu s-Santu. Il-qofol qiegħed sewwasew f’dan il-kliem li nstama’ fil-magħmudija ta’ Ġesù.

Imseħbin ma’ Alla
Il-magħmudija ta’ Ġesù tfakkarna fil-magħmudija tagħna. Aħna wkoll tgħammidna, aktarx ilkoll meta konna għadna trabi. Meta konna għadna żgħar ħafna, il-ġenituri riedu jagħtuna l-isbaħ u l-aħjar u għalhekk ħaduna biex nitgħammdu; imbagħad meta kbirna, ikkonfermajna din l-għażla tal-ġenituri tagħna. Bil-magħmudija, Alla seħibna fil-ħajja tiegħu bil-qawwa tal-grazzja tiegħu, mhux għax b’xi mod kien mertu tagħna. Alla tana ħajja ġdida u skop speċjali għall-ħajja, biex nissieħbu ma’ Ġesù fil-missjoni tiegħu ta’ salvazzjoni.

Bil-magħmudija, lilna wkoll Alla qalilna : Int ibni l-għażiż, int binti l-għażiża; fik sibt l-għaxqa tiegħi. Aħna msejħin biex ngħixu l-magħmudija tagħna. Imma b’liema mod ngħixuha?

Ngħixu bħala nies għeżiez għal Alla
Ngħixu l-magħmudija meta ngħixu bħala nies għeżiez għal Alla, li fina jsib l-għaxqa tiegħu. Alla jrid jibqa’ jgħidha għalina. Il-qawwa tiegħu tagħtina l-għajnuna biex ngħixu l-wegħdiet tal-magħmudija: li ngħidu le għall-ħażen u iva għat-tajjeb, le għad-dnub u iva għall-grazzja, le għall-kultura tal-mewt u iva għall-kultura tal-ħajja, le għall-egoiżmu u iva għall-imħabba bħala għotja ġeneruża. Huma dawn l-għażliet personali li permezz tagħhom ngħixu l-magħmudija tagħna u nkunu nistgħu ngħixu bħala wlied għeżież għal Alla.

Inxerrdu u nwasslu l-għożża ta’ Alla
Ngħixu l-magħmudija meta bħal Ġesù nwasslu l-imħabba u l-għożża ta’ Alla lill-oħrajn bi kliemna u bix-xhieda ta’ ħajjitna. Alla jgħid ‘fik insib l-għaxqa tiegħi’ lil kull bniedem sa mill-ewwel mument tat-tnissil. Jgħid dan lil min hu abjad jew iswed jew kulur ieħor, lil min hu żgħir u kbir, lil min jgħix f’din in-naħa tad-dinja u lil min ġej mill-Afrika jew mill-Asja. Lilna, li sirna ħaġa waħda miegħu fil-magħmudija, isejħilna biex nagħmlu l-istess u nqisu lil kulħadd għażiż bla distinzjoni ta’ razza, ta’ lewn jew ħaġa oħra, għax kull bniedem hu xbieha ta’ Alla.

Ngħixu l-għożża ta’ Alla bħala Knisja
Ngħixu l-magħmudija billi nkunu membri ħajjin tal-familja ta’ Alla li hi l-Knisja, u fi ħdan din il-Knisja ngħixu l-għożza ta’ Alla. Il-magħmudija ssejħilna biex nagħrfu r-responsabbiltà tagħna u nagħtu sehemna fil-Knisja. Il-Laboratorju tal-Paċi qed jagħti dan il-kontribut sabiħ fi ħdan il-Knisja f’Malta. Flimkien mal-ħidma għall-paċi, qed jieqaf ma’ min għaddej minn tbatija kbira, ma’ dawk il-persuni minn pajjiżi differenti li kellhom jitilqu minn pajjiżhom u fittxew il-kenn. Hawnhekk dawn in-nies sabu espressjoni tal-qalb tal-Knisja f’Malta. Il-Laboratorju tal-Paċi ra fihom lil Kristu ħaj u preżenti, għax hu stess qal: “Dak kollu li tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti tkunu qed tagħmluh miegħi”. Ma qalx biss: tkunu qed tagħmlu xi ħaġa sabiħa, ta’ ġid; imma qal aktar: tkunu qed tagħmluh miegħi. Il-Knisja tistagħna b’xhieda sabiħa bħal din.

Aħna u niċċelebraw il-festa tal-Magħmudija tal-Mulej, nirringrazzjawh li seħibna ma’ Ġesù b’rabta daqshekk kbira bil-magħmudija tagħna u fuqna wkoll qal il-kliem: Int ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi. Nitolbuh biex ngħixu dan f’ħajjitna, u nwassluh lill-oħrajn, b’mod li l-Knisja, permezz tagħna, tkun tassew il-familja li fiha ngħixu u nsibu l-għożża u l-imħabba.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.