L-imprevedibbli!


Kemm-il darba isseħħli! U isseħħlek! Inkunu ippjanajna ħaġa. U, forsi wkoll, nkunu ippjanajnieha ferm u ferm tajjeb. Imma, u proprju f’dak il-waqt, f’dak il-jum, tant mistenni minn kulħadd, ibda minni u minnek, iseħħ xi ħaġa li tħassar dik l-attività.

Ir-raġunijiet jistgħu jkunu ħemel! U, diversi, kemm tridhom! Daqqa jafu jkunu ta’ saħħa. Inkella jaf jiżżeffen fin-nofs il-bidla tat-temp. Jew, u forsi hawn hu l-agħar, meta jiżżeffen fin-nofs xi spirtu ħażin tal-għira. Dik l-għira ħbieb li ma tħallix lil dak li jkun jieħu nifs fil-paċi minħabba s-suċċess li persuna jew persuni, ħuħ jew oħtu tad-demm u tal-ispirtu, jkunu qiegħdin jagħmlu. U allura, il-miskin, il-maħkum, il-ġifa, il-vittma tax-xitan, jiġifieri l-għajjur u l-għajjura, iħalli lil dak ta’ denbu twil jagħmlu vittma tiegħu bl-għira li jitfa’ bil-ġiri ġewwa fih u fiha!

Ikunu xi jkunu r-raġunijiet, għal dak li jinqala’, ejjew indaħħluha f’rasna, fil-bidu tas-sena 2019, li l-ħajja hija ġlieda. Wara kollox, li l-ħajja hija ġlieda sal-aħħar. Issa dan ħbieb ngħiduh f’diskorsna stess! Kemm-il darba ngħidu li t-tali u t-talija baqgħu jiġġieldu sal-aħħar! Aktar u aktar waqt il-mard. Eħ ħabib! Il-mard jitlob qlubija liema bħalha. Irridu nissieltulu! L-ewwel u qabel kollox, bit-talb! Għax it-talb huwa għalina ta’ tarka, kurazza, xabla, u għid li trid. It-talb huwa qawwa! Forza ta’ veru!

Mela hawn toħroġ ir-raġuni waħdanija għalfejn għandna nitolbu. Le! U din irrid nifimha darba għal dejjem! Il-ħajja mhux ward u żahar! Se jkun hemm mumenti fejn irrid niġġieled għal kull pass li nagħmel jew li nażżarda nagħmel! Uħud mill-Insara jaħsbu li dak li jkun għandu joqgħod ċiċċi beqqi u ma jagħmel xejn. Għax il-Mulej jagħmel kollox waħdu. Ħa nfakkarhom ftit lil dawn l-aħwa x’qal San Tumas minn Akwinu: Il-grazzja tibni fuq in-natura.

Mela, biex il-Mulej ikun jista’ jiġġieled għalija jiena rrid inħallieh. Ma nistax le nintefa’ hemm, ninkwieta minn filgħodu sa filgħaxija. U lanqas, minn naħa l-oħra, se nistennieh jagħtini dak li rrid fuq platt tad-deheb. Mingħajr ma nagħmel xejn! Kristjaneżmu bħal dan iqarraq bil-messaġġ Nisrani. Dan l-għaliex Ġesù jistenna, minni u minnek, li nikkoperaw mal-grazzja tiegħu. Jistenna li nagħtuh ir-rieda tagħna u nħalluh jurina fejn irridu nagħtuh idejna biex jagħmel il-kumplament Hu.

Bħalissa tiġini quddiem għajnejja l-istorja sabiħa ta’ dak li kien qed jegħreq. Meta l-ilma laħaqlu sal-pali ta’ saqajh għadda xi ħadd minn ħdejh u qallu: Ngħinek? U dan, ixxamplat wieġbu: Le ta! Issa jiġi l-Mulej jgħini. Imbagħad l-ilma laħaqlu sa rkupptejh. Għadda ieħor u qallu: Ngħinek? Qallu: Le ta! Issa jiġi l-Mulej jgħini. L-ilma imbagħad kompla tiela’ sa qaddu. Għadda raġel ieħor u qallu: Ngħinek? Imma dan, konvint li l-Mulej kien se jgħinu Hu, personalment mis-sema, qallu: Le ta! Issa jiġi jgħini l-Mulej! Insomma, wara li l-ilma laħaqlu sa għonqu, għadda xi ħadd ieħor u staqsieh bl-akbar serjetà: Ngħinek? Inkreddibbli! Anki hawn ir-raġel wieġbu: Le ta! Issa jiġi l-Mulej jgħini! F’kelma waħda dan ir-raġel spiċċa li miet. U meta deher quddiem il-Mulej aqta’ kemm ilmenta miegħu. Mulej! Tlabtek għal ma nafx kemm-il darba u int ma għentniex? U l-Mulej wieġbu: Bgħattlek erba’ minn nies u int irrifjutajtni fihom

Attenti ħbieb! F’dawn il-mumenti ta’ paniku ejjew niftħu qalbna u niżnu ftit x’messaġġi l-Mulej ikun qed jgħaddilna permezz ta’ xulxin. Ċert li l-Mulej żgur li mhux ħa jħallina bla
tweġiba. Tweġiba dejjem għandu x’jagħtina. L-għaliex Hu Alla ta’ Abraham, u Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb (Mt 22 :32).

Mhuwiex mela it-tip ta’ Alla tal-injam, tad-deheb, tal-fidda jew tal-bronż. Alla tagħna huwa ħaj! U jkellimna permezz tal-bnedmin ħutna. Ejjew niftħulu beraħ qalbna għal dak li jgħidilna permezz ta’ xulxin!

L-imprevedibbli jurina wkoll kemm il-pjanijiet tagħna m’humiex tiegħU! U kemm il-pjanijiet tagħna, studjati kemm huma studjati, u mgeżwra kemm huma mgeżwra bix-xjenzi umani, jafu jfallu ukoll. U jfallu waħda sew! Iżda l-pjanijiet tiegħU ma jfallu qatt! Tagħna aqta’ kemm huma rinomati! Irfinuti! U tekniċi! Imma ħej, u din il-ħajja tagħllimhieli mill-isptar stess li tant inħobb inkun, ix-xjenza tal-Mulej hi l-veru xjenza. L-għaliex l-iskoperti tagħha ma jintemmux meta nagħlqu għajnejna. Imma, u fil-verità, jibdew x’ħin nagħlqu għajnejna.

L-imprevedibbli jfakkarna kemm aħna l-bnedmin, minkejja s-sofistikazzjoni tagħna, nibqgħu bnedmin. Nibqgħu fraġli ħafna. X’naqbdu ngħidu quddiem mewta zopptu ta’ xi ħadd? Saħansitra fi żminijienta, fejn il-mediċina kibret fuq li kibret? Mhux xorta għandna nħabbtu wiċċna ma’ imwiet li, nistgħu insejħulhom, banali? Mhux xorta għad hawn min imut fuq ħmerija? L-imprevidibbli mela jurini li jien dgħajjef u dgħajfa nibqa’!

Biss l-imprevedibbli huwa wkoll pożittiv. Kemm nies li suppost kellhom imutu u baqgħu ħajjin. Jew inkella kemm nies li kellhom jispiċċaw ħażin u, b’riħet il-grazzja tal-Mulej, iltaqgħu ma’ opportunità sabiħa li bidlitilhom ħajjithom għall-aħjar? Kemm hawn persuni li, l-għaliex iltaqgħu ma’ xi ħadd tal-affari tiegħu u tagħha, hu jew hi li ħajtu u ħajjitha kienet ta’ taħt fuq, issa sabet id-direzzjoni? Mhux anki din hi imprevedibbli?

Il-ħajja tibqa’ dejjem misteru li għandna ngħixuh kull nifs li nieħdu. Xi daqqiet bit-tqanżieħ. F’oħrajn b’ħafna kalma. U, f’oħrajn, naqra hekk u naqra hekk. Hu x’inhu l-każ l-imprevidibbli hu xokk il-ħajja. Li jibqa’ jagħmihielna interessanti, speċjali u mhux ta’ min jaħlieha. Għax, l-imprevedibbli, jagħmel minn ħajjitna qalb tħabbat għal min għandu qalbu tħabbat! Mela, għall-proxxmu tagħna kollu!