Il-Mulej tani mħabba kbira għalih fil-morda. Qed ngħid apposta tani għax tani dan ir-rigal Hu. U la din xi ħaġa tiegħu u mhux tiegħi ejja numilja ruħi quddiemu u naqdiH fil-morda! Għax hekk sewwa u xieraq!
Dan l-aħħar kont qed indur f’sala partikulari fl-Isptar. Issa jien, minn qaddisi, aqta’ kemm inħobb nitgħallem! Kif jgħallimni San Ġorġ Preca, li fis-Soċjetà tiegħu qabel il-Mulej daħħalni mal-Patrijiet Kapuċċini qattajt l-isbaħ 12-il sena: It-tagħlim (it-tajjeb) hu l-għajn ta’ kull ġid. Għalhekk inħobbu ħbieb jien it-tagħlim. L-għaliex jitfaħli orizzonti kbar f’ħajti!
Issa wara li żort xi pazzjenti f’din is-sala fettilli nagħti titwila lejn in-noticeboard tagħha. U Xi nsib ħbieb? Insib dawn is-sitt kelmiet li lili, almenu f’dak il-jum, aqta’ kemm tawni kuraġġ! Dawn il-kelmiet huma aħfirli, naħfirlek, grazzi, inħobbok, inkellmek u bezzjoni.
L-ewwel kelma, aħfirli! Hawn minna li m’għandux bżonn il-maħfra? Hawn minna li qatt ma rifes xi kallu ta’ xi ħadd? Hawn minna min qatt ma weġġa’ lil xi ħadd? Meta nagħmel eżami sewwa u rigoruż fuqi innifsi jiena nsib li weġġajt lil xi nies. Għalhekk, minn hawnhekk, u mingħajr ħafna kliem fil-vojt, nitlobkom maħfra minn qalbi! Mhux biss. Imma wkoll li nagħmel dak kollu li hu fil-limiti tiegħi biex inpatti bil-ġid li l-Mulej jagħtini nagħmel għall-iżbalji tiegħi. Veru li dan id-diskors huwa iebes. U joħroġli l-għaraq nlissnu. Imma ħej kemm inħossni tassew ninħeles meta ngħidu u ngħixu!
Imbagħad, kelma oħra li rajt u li għamlitli ħemel ġid hi naħfirlek. Għandi naħfer ħbieb! U dan jgħallimhuli Ġesù stess. Bl-eżempju tiegħu! X’qal minn fuq is-salib? Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu (Lq 23:34). Mela ma qgħadx jixxowjali li hu qaddis. Bil-prattika urieni! U sammarni man! Issa, dan Ġesù, lili dejjem lest li jaħfirli. Imma, iżda u però b’kundizzjoni waħda! U din ħa nħallieha fi kliemu stess: Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll. Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom (Mt 6 :14-15). Oqqow! Iridni naħfer ħa ninħafer! Għandi jien xi nxomm quddiemu? Uħħħ! Mela mhux aħjar li naħfer ħa jaħfirli?
It-tielet kelma, lixxa lixxa, li daħlet f’qalbi minn għajnejja minn din in-noticeboard hija grazzi! Kemm hi importanti din il-kelma ħbieb! Tista’ timmaġina bieb mingħajr iż-żejt? U x’jagħmel bieb mingħajr m’għandu żejt? Mhux iżaqżaq! U l-ħoss taż-żaqżieq jagħmel sabiħ? Ma naħsibx! Kemm naf nies li meta l-bieb tad-dar tagħhom iżaqżaq jaraw x’jagħmlu biex jagħmlulu ż-żejt! L-għaliex iż-żaqżieq itellef! Idejjaq! Iva, … iqalla’! U mela bniedem li ma jafx japprezza u ma jafx jgħid il-kelma grazzi ma jħabbilekx il-wires jew? Ma jtellfekx? Ma jqażżekx?
U wara ġietni kelma oħra sabiħa. Kelma li, għal uħud, hija tfexfix. L-għaliex, l-ewwel rejazzjoni tagħha, hija hekk, ta’ tfexfix. Inħobbok! Min m’għandux bżonn jismagħha din il-kelma? Kulħadd! Mill-Papa l-isfel! La issa ħarġet! Imma l-imħabba li qed nitħaddtu fuqha m’hijiex biss dik tas-sodda tan-namrati. Inkella tas-slaleb ta’ Sant’Andrija li naqilgħu fuq il-whatz up, fil-facebook, fil-viber, fl-instagram jew fil-kartolini. L-imħabba li qiegħdin nitħaddtu fuqha tissarraf f’azzjonijiet wkoll. F’akkumpanjament. F’li jien inkun disponibbli għall-persuna l-oħra. L-għaliex, il-persuna l-oħra, għandha bżonn l-imħabba tiegħi. L-attenzjoni tiegħi. L-id tal-għajnuna tiegħi. Il-widna tiegħi li tifhimha.
L-imħabba tissarraf ukoll f’komunikazzjoni! F’li nitħaddtu ma’ xulxin. U biex nitħaddet irrid nitgħallem nisma’ wkoll. Mela ħa nisimgħek l-ewwel u mbagħad inwieġbek fuq li tgħidli. Anki jekk mhux dejjem nagħtik it-tweġiba li tkun tixtieq. Bħalma int, meta tkellimni, mhux dejjem tagħtini t-tweġiba li nkun nixtieq. Forsi int u jien ninsew ħaġa f’ħajjittna: wara l-iskola li nitgħallmu taf li nibqgħu tfal? Taf li ġieli nsabbtu saqajna? U taf li ġieli ndendluh ukoll? Imma ħbieb… Paċenzja! Paċenzja! Paċenzja! … U tibżax! Għax biex tikkomunika, preferribilment wiċċ imb’wiċċ, trid ħafna u ħafna, imma ħafna paċenzja! Għalhekk mela li titħaddet hija arti!
U, fl-aħħar, ġiet il-kelma tal-kelmiet: Bezzjoni! Il-kelma djalettali sabiħa Maltija għall-benedizzjoni. Jew, u biex ikun aktar Malti, il-BARKA! Iva ħej! Din ktibtha b’ittri kbar! Biex żgur niftakru kemm għandna bżonn inbierku lil saħħitna! U lil xulxin! Saħansitra, u kif jgħidilna tajjeb Ġesù, għandna bżonn nbierku wkoll lil dawk li jisħtuna. Bierku lil min jistħetkom (Lq 6:28). U bħalma jgħidilna San Pawl lir-Rumani: Bierku lil dawk li jippersegwitawkom; bierku, u la tisħtu lil ħadd (Rum 12:14). Għax meta nbierek lil min jisħetni jirbaħ fija Ġesù, li hu l-BARKA u mhux ix-xitan li hu s-saħta! Saħta b’barka BISS teligħbha! Mela Saħħti, inbierkek f’Isem il-Mulej Ġesù! Marti, żewġi, ibni, binti, ħija, oħti, inbierkek f’Isem il-Mulej Ġesù! U ħija u oħti, l-għadu tiegħi, inbierkek f’Isem il-Mulej Ġesù!
Dan iffiser ukoll li s-servizz fl-isptarijiet tagħna f’Malta hu delux! Eċċellenti! L-għaliex, fihom, għal min jiftaħ qalbu u qalbha, l-isptarijiet tagħna jgħallmuk tgħix b’differenza! Għax tgħix fil-kotra tal-barka! Tant li ssir BARKA għal ħaddieħor. U dan hu tabilħaqq possibbli bl-għijxien tal-kelmiet aħfirli, naħfirlek, grazzi, inħobbok, inkellmek u bezzjoni.