Grazzi Charlie!


Dan l-aħħar tħabbret il-mewt ta’ Charlie Baldacchino, imlaqqam “il-Kino” u eks impjegat tal- Kumpanija Union Print.

Lil Charlie ma kontx nafu personalment qabel ma daħal l-isptar. Fil-fatt, bdejt insir aktar u aktar midħla tiegħu meta, f’dawn l-aħħar xhur, beda jidħol regolarment l-isptar għall-kura. Biss, l-ewwel ħaġa li lili impressjonatni ħafna dwaru u li żgur ħa nibqa’ inġorr miegħi tul ħajti kollha, meta l-Mulej ifakkarni fiha, hi żgur il-kumment introduttiv li bih introduċa ruħu miegħi. Jiena dak li nikkoreġilek l-artikli.

Dan il-kumment se nibqa’ ngħożżu l-għaliex naf kemm Charlie kien ħaddiem ta’ veru. Charlie kien ġurnalist li jħobb il-mestjer tiegħu. Kien ħaddiem li x-xogħol kien jidħollu bir-ras. Għalhekk kien jagħmlu minn qalbu u mingħajr ħafna kalkoli. Min jaf kemm sagrifiċċji għamel biex jagħti l-mija fil-mija fis-servizz tiegħu għall-oħrajn. Mhux l-ewwel darba li kien jibqa’ għaddej jaħdem mhux biss fil-ħin tal-brejks imma wkoll wara l-ħin normali tax-xogħol. Basta, biex nuża’ frażi li kien iħobb juża San Kamillu de Lellis, ipoġġi qalbu fix-xogħol ta’ jdejh.

Dan il-fatt sempliċi imma profond lili, bħala Patri, jġagħlni tabilħaqq nirrifletti fuq l-importanza tad-dedikazzjoni. Xi ġmiel hux meta persuna tkun impenjata daqshekk, b’ruħha u ġisimha, f’dak li f’qalbha ġiet imsejħa li twettaq! Għax id-dedikazzjoni għall-konvinzjoni, li tiġi immaturata fil-kuxjenza ta’ dak li jkun, tabilħaqq tlibbes bid-dinjità ix-xogħol li wieħed ikun qed jagħmel fil-kawża tiegħu.

Ma nistax ukoll ma niftakarx fl-ewwel laqgħat li kelli ma’ Charlie fl-isptar. Is-sinċerità u l-qalb miftuħa tiegħu lili għallmuni fuq li għallmuni. Għax x’inhi l-ħajja ħbieb mingħajr is-sinċerità u l-qalb miftuħa? Għax, kuntrarju għal dak li jaħsbu xi wħud, is-sinċerità m’hijiex biss le li jien ta’ żaqqi f’fommi. U allura nispara ‘l barra dak li għandi fl-istonku tiegħi u daqshekk. Qisni kelli xi balla fuq l-istonku. Le! Is-sinċerità timplika wkoll tfittxija kunxjenzjuża għall-verità. U min għandu l-gazz li jidħol għal din it-tfittxija wieħed ma jistax ma jaqlagħlux il-kappell b’rispett u b’ammirazzjoni kbira. Għalhekk, grazzi Charlie li anki f’dan ir-rigward lili għallimtni fuq li għallimtni!

Din il-mixja tiegħi ma’ Charlie setgħet issir possibbli l-għaliex persuni li kienu tant iħobbuh ma naqsux li jieħu ħsiebu anki mill-aspett spiritwali. Persuna nkunu tassew nħobbha meta ma nittraskuraw qatt lill-ġisem, lill-moħħ u lir-ruħ tagħha. Nieħu l-opportunità li minn hawn, u minn qalbi, nirringrazzja lil dawn in-nies li, b’tant imħabba u rispett lejn Charlie, baqgħu jinfurmawni meta kien ikun l-isptar. L-għajnuna siewja ta’ dawn in-nies lili tagħtni kuraġġ ta’ sur biex, minkejja s-sigħat twal li jkolli ta’ ħidma fl-isptar, u, fuq kollox, bil-grazzja tal-Mulej, stajt nkun hemm għal Charlie meta kellu bżonn l-għajnuna fqira tiegħi. Jibqgħu mnaqqxa f’qalbi ż-żjajjar tiegħi lilu. Il-ħin li konna nqattgħu flimkien kien tabilħaqq prezzjuż. Iva. Konna nitħaddtu ta’ żewġ aħwa flimkien u anki t-talb li kien isir mhux biss miegħu imma wkoll ma’ dawk li kienu jkunu fil-kamra magħna, kien ta’ ġid kbir għalina ilkoll. Nibda’ minni l-ewwel wieħed! Kemm ġid il-Mulej għamel fis-swali diversi li kien fihom Charlie fl-isptar!

Meta l-mument kien wasal għal ħuna Charlie li jħalli din id-dinja għal għand il-Missier li ħalqu, l-Iben li fdieh u l-Ispirtu s-Santu li kien qed iqaddsu, jum wara jum, għalina kien waqt tassew iebes. Madankollu, anki jekk kien hemm in-niket, dan il-mument kien ukoll waqt fejn l-imħabba, ir-rispett u d-dedikazzjoni għelbu bil-bosta dak kollu li jġibu magħhom kemm il-mard u, finalment, il-mewt. In-nies kollha li baqgħu ma’ Charlie, ibda’ minn Tony u spiċċa fl-aħħar persuna, ilkoll kienu ta’ sostenn kbir għalih. Bħalma hu, bl-eżempju kuraġġuż tiegħu, kien ta’ għajnuna kbira għalina ilkoll. Il-paċi u s-serenità tal-qalb li ilkoll ħassejna wara li ħalliena hi turija ta’ dan.

Wara tant u tant esperjenzi ta’ swied il-qalb li naffaċċja magħhom ta’ kuljum, bħala wieħed mill-kappillani fl-isptar Mater Dei, inħoss li għandi ngħid ħaġa importanti ħafna lil kull Malti u Maltija, Għawdxi u Għawdxija: Ejjew nfittxu li nħobbu lin-nies l-għaliex jmorru malajr. U dan qed ngħidu mhux sempliċiment l-għaliex qalu l-poeta qassis Pollakk, Ian Twardowsky, imma l-għaliex il-ħajja dan kontinwament tgħallimhuli! Ejjew nibżgħu għar-relazzjonijiet tagħna ma’ xulxin! Ejjew iva insewwu u nibnu ħa nfejqu. U qatt, qatt, u qatt, ma nżommu konflitti bejnietna. Ibda’ minn dawk ta’ ftit sigħat u jiem u spiċċa minn dawk li jdumu jkarkru x-xhur u s-snin! Proprju l-għaliex il-ħajja tgħaddi malajr!

Grazzi Charlie ta’ ħajtek, tad-dedikazzjoni, tas-sinċerità, tal-umiltà, u tal-qalb kbira u miftuħa tiegħek! Il-Mulej jagħtik il-mistrieħ ta’ dejjem. Itlob għalina. Itlob għalija. Nitolbu għalik. U nitlob għalik għażiż ħabib! Grazzi Charlie!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.