Il-marki ta’ erba’ nejbiet


Bejn il-Milied u l-Ewwel tas-Sena ma tantx kelli esperjenza sabiħa. Anzi! U biex ngħidiha kif inħossha, kienet esperjenza kerha! U li nixtieq kieku ninsieha. Dan l-għaliex, u għax ma nafx kif, ġejt migdum hekk, ħabta u sabta!

Le! U qed naraha l-ħarsa tiegħek. Ma ġejtx migdum minn xi bummer li jgħid li għandu miljun problemi u ma jkun veru xejn. Anzi! Kliemu jkun biss qerq u qerq bil-bosta. Li jagħmel tant ħsara lil min veru jkollu bżonn l-għajnuna imma, minħabba l-gideb faħxi tiegħu, ipooġieh f’dawk ħażin. Ejjew niftakru li gideb ta’ dan it-tip malajr jinkixef għad-dawl. Imma l-gidma ma kinitx le metaforika. Xejn affattu. Kienet rejali ħafna! U, din il-gidma, ġiet minn kelba. U kemm ħasditni din l-imbierka kelba! Għax sabitni fuq sieq waħda! U, ħej, fajjrithieli!

Kienu ħafna dawk li qaluli: Imma Patri int żgur li ittanjtajtha? Żgur li għamiltilha xi ħaġa? Xejn minn dan! Jien kont hemm, għall-affari tiegħi. Kulma għamilt kien biss li mejjilt idi l-leminija lejn mejda żgħira u, kif ratni nagħmel dan il-moviment, il-kelba donnha li ġiet mitfugħa fuqi bħall-katapulta. All’attacco!

X’qatgħa kbira ħadt ħbieb f’dak il-waqt! L-għaliex qatt f’mitt sena ma kont qed nobsor li se nispiċċa migdum hekk, kiesaħ u biered, minn kelba li tgħix f’dar! Imma dawn l-affarijiet jiġru. U jseħħu tassew. U dan ngħidu jien, fl-ewwel persuna singular. L-għaliex jien stess għaddejt minnha! U, li kieku m’għaddejtx minnha, kieku kif qiegħed hawn, illum, nirrakontahielkom?

Għalkemm il-gidma hi skont kif tiġi migdum u migduma, xorta waħda tweġġa’ tafux. L-ewwel nett, f’din l-esperjenza qarsa, kien hemm ix-xokk kbir li tgħaddi minnu. Niftakar li, wara li dabbartha, lanqas biss kont naf x’laqgħatni! Jew inkella għadda minn fuqi. Imbagħad hemm aspett ieħor importanti li ġie quddiem għajnejja wara din il-ġrajja xejn pjaċevoli: kemm hu mportanti li, lill-annimali, għalkemm għandna nħobbuhom u nagħtuhom dak li għandhom bżonn, biss u b’daqshekk m’għandniex le noħduha for granted u nafdawhom hekk. Kif ġie ġie! Man-nies! Mill-gidma li dabbart il-Mulej għallimni li anki annimal jaf ikollu s-siegħa ħażina tiegħu. It-talbiet ta’ maħfra wara inċidenti bħal dawn huma sbieħ. U ġusti. U apprezzati wkoll. Imma ħej il-gidma dejjem gidma tibqa’. U l-ħaġa hi li gidma ma tafx kif tiġik! Inċident dejjem inċident jibqa’! Jista’ jmur ‘l hawn u jista’ imur ‘l hemm. Mela ejja ma nesponux ruħna u lill-persuni oħra għall-periklu bla bżonn. Il-biċċa trid tiġi minni, is-sid tal-annimal. U mhux inħallieha f’idejn il-mistieden u l-mistiedna.

Biss, almenu din kienet l-esperjenza tiegħi, l-affari tal-gidma urienti li s-solidarjetà f’dawn is-sitwazzjonijiet ma tonqosx ukoll. Il-ħniena tal-Mulej għalija rajtha b’diversi modi u manjieri f’din is-sitwazzjoni. L-ewwel ma irċivejt l-għajnuna kien mill-post fejn iddubbajt il-gidma. Nerġa’ ngħid u ntenni, apprezzajt bis-sħiħ li ġejt imdewwi bid-diżinfettant wara l-inċident. Iżda, wara l-ewwel għajnuna, għamilt kif qaluli xi erwieħ tajba li l-Mulej għoġbu jibgħattli tul it-triq. Iva ħbieb! Kienu dawn li ħeġġewni fuq li ħeġġewni biex immur nittlaqqam. Imnalla li għamilt hekk. Għax, il-gidma tas-sinjorina kelba li laqqat, kienet tfisser għalija tlett tilqimiet u kors ta’ antibijotiċi. Kos hux! Kemm ma kinitx taċ-ċajt! Fi ftit kliem meta tlaqqat xi gidma timliex rasek li dak l-annimal kien imlaqqam. Mur tlaqqam mill-ewwel!

Imma bħalma tgħallmuni ħafna minnkom, xorta waħda lill-Mulej ngħidlu grazzi minn qalbi ta’ din l-esperjenza qarsa! U, ngħidlu grazzi, l-għaliex l-istorja setgħet tiġi ħafna u ħafna agħar. Mela ejja issa niffoka fuq il-pożittiv tal-ġrajja. Mingħajr, u sintendi, ma nagħlaq għajnejja għal dak kollu li ġara.
Jekk l-erba’ ġerħiet li għamlitni l-kelba jfakkruni fl-erba’ evanġelisti, jiġifieri f’San Mattew, f’San Mark, f’San Luqa u f’San Ġwann, u fl-importanza li dawn il-vanġeli jsiru tassew il-ħobżna ta’ kuljum għal ħajti, mhux biss ngħid: kull deni ħudu b’ġid imma nasal li ngħid ukoll li f’dan id-deni iltqajt mal-Mulej innifsu!

Mela, grazzi Mulej li wrejtni li fil-ħajja l-grazzja tiġi minn kullimkien. Anki mill-marki ta’ erba’ nejbiet li stampatli fuq il-pala t’idi … kelba!