16 – Nista’ Ngħix fil-Mogħdrija?


Trid tkun persuna li tagħder? Jekk tgħix fil-mogħdrija tkun qed tgħix fil-paċi miegħek innifsek. Jekk tgħix fil-mogħdrija, tgħix kuntent u ħieles. Jekk tgħix fil-mogħdrija, ħaddieħor ifiq permezz tiegħek. Forsi kulħadd jagħder kultant. Iżda sabiex tgħix fil-mogħdrija tinħtieġlek bidla. U għal din il-bidla hemm bżonn ta’ ċerti attitudnijiet u ħidmiet.

16

Dak il-“jien,” li ssoltu naħsbuh li aħna aħna, x’aktarx ikun moħħu fih innifsu. U x’aktarx iħoss ruħu separat, maqtugħ minn ħaddieħor u mid-dinja tan-natura. Għalhekk la nkunu komdi magħna nfusna, u lanqas ma’ ħaddieħor. Meta nirrelataw ma’ ħaddieħor, għandna t-tendenza kbira li nikkritikaw (f’moħħna), niġġudikaw, u li nibżgħu milli jista’ jiġri. Forsi dawn it-tendenzi joħorġu mill-insigurtà tal-“jien” tas-soltu, kull meta naraw li ħaddieħor mhuwiex “bħalna” jew ma jaħsibhiex “bħalna”. Tendenza oħra hija li meta nagħmel xi ħaġa għall-ġid forsi nagħmilha biex nieħu sodisfazzjon jien, jew biex nidher ħelu. Dawn it-tendenzi jħajruna biex nattakkaw, u biex niddefendu lilna nfusna.

Dawn it-tendenzi jżommuna milli jkollna qalbna miftuħa. Bilfors nibqgħu hekk? Le, imma sabiex ma nibqgħux hekk, jeħtieġ ċerti prattiċi ta’ kuljum. “Prattika” hawn tfisser xi drawwa li tagħmel apposta b’moħħok, qalbek, jew ġismek biex issostni u ssaħħaħ ċertu tip ta’ ħajja. Dan bħal meta wieħed ikun qed jitgħallem il -pjanu jew xi sport: jeħtieġlu jipprattika, għax inkella ma jasalx. Il-prattiċi li jgħinuna ngħixu b’qalbna miftuħa ma jesiġux sforzi kbar il-ħin kollu, iżda sforz żgħir kontinwu. Dan ikun sforz biex nagħmlu l-prattika, biex ma ninsewx.

Liema prattiċi hemm bżonn? Ipprova dawn li ġejjin. Niftakar li ħaddieħor ma jaħsibx bħali. X’għandu differenti?

Hu jkun qed iħares minn tieqa oħra, mhux mit-tieqa li qed inħares minnha jien. Ukoll niftakar li f’ħaddieħor hemm affarijiet oħra li mhux bħal tiegħi: it-trobbija, il-kontroll fuqu nnifsu, il-problemi li jkollu, il-valuri li jiggwidawh, il-qawwiet u d-dgħjufijiet tiegħu. Madankollu, ħaddieħor jiswa’ daqsi, u jiswa’ ħafna, għax huwa wild Alla.

Inkun konxju-attent, jiġifieri ħafna drabi matul il-jum NINDUNA xi nkun qed naħseb, x’inkun qed inħoss, nara, nisma’, nagħmel eċċ, u x’ikun qed jiġbidni minn ġewwa biex nagħmel dan. Din il-prattika tgħinni biex ngħix il-mument, u biex ninduna bit-tendenzi ġewwinija li jkaxkruni. Ninduna bil-modi li bihom jien inkun drajt inħares lejn ħaddieħor u lejn id-dinja.

Per eżempju, ninduna kull meta f’moħħi qed nikkritika kull ma nara u nisma’. Il-kritika li nagħmel awtomatikament hija xkiel. Iżda meta jkun hemm bżonn li nikkritika, dak mhux xkiel. Eżempju ieħor: ninduna kull meta f’qalbi jkun hemm għira għal dak li għandu xi ħadd ieħor. Issoltu mhux dejjem nammettu dan magħna nfusna. Meta niduna li il-ħsieb jew l -aġir tiegħi influwenzati mill-għira diġà, bil-fatt li indunajt, saret bidla siewja fija. Jekk jien nidra nkun konxju-attent, ninduna meta nkun qed inxekkel jew nissabutaġġja is-sliem ta’ qalbi u l-attitudni tiegħi lejn ħaddieħor.

F’kelma waħda, jekk nidra nkun konxju-attent nibda nara l-ostakli li ma’ jħallunix nigħix fis-sliem miegħi innifsi u fil-mogħdrija lejn ħaddieħor. B’hekk inkun nista’ niħfief, nithenna, u inkun stabbli – mingħajr ħafna drammi w teatrini. Bħala bonus, min ikun konxju-attent jinduna wkoll li f’affarijiet żgħar, fil mument ta’ issa, jinstab hena u sliem mingħajr sforz jew infiq ta’ flus: cagħqa, siġra, tbissima, żiffa!

Inrawwem dejjem il-paċenzja u sliem il-moħħ, u għal dan l-iskop nitgħallem nirrilaksja regolarment. Hemm ħafna metodi – nagħżel wieħed jew tnejn u nipprattikhom sikwit, ħalli inqas ikun hemm ċans li, bit-tensjoni li jkolli, ninfexx f’ħaddieħor. Tajjeb li jkolli xi forma ta’ meditazzjoni ta’ bla ħsieb, bħal meta nagħmel xi minuti nħares lejn oġġett jew lejn xena sabiħa bla ma naħseb – nara biss. Matul dawn il-ftit minuti, inċedi b’ġentilezza kull ħsieb li jiġi sew jekk hu sabiħ jew ta’ pjaċir, u sew ukoll jekk hu ħsieb ikraħ jew ta’ dwejjaq. Jekk inkun qed inħares lejn fjura u jiġini ħsieb, matul dawk il-ftit minuti ninduna bil-ħsieb li ġie, u nċedih billi nerġa’ npoġġi l-attenzjoni tiegħi fuq il-fjura.

Nipprattika l-umiltà, u wkoll ninduna x’tendenzi jkolli li ma jmorrux ma’ l-umiltà – per eżempju li nitkabbar (anki f’moħħi) jew niftaħar.

Naħfer (anki lili nnifsi!) Dak il-leħen ġewwieni rrabjat li jgħid “kollu tort ta’ dik!” huwa ħsieb li għandi ninduna bih u nċedih, mhux ngħożżu u nħaddnu miegħi. Jekk weġġgħek xi ħadd, ipprova fieq mill-weġgħa – jew waħdek jew bl-għajnuna ta’ xi ħadd – u b’hekk ikun aktar faċli li taħfer. Min jaħfer, bħal ma għamel Ġesù, ikun qed juri karattru sabiħ u qawwi. It-talb jgħin f’dan. Min jaħfer, xorta jekk hemm bżonn jista’ jieqaf għad-drittijiet tiegħu, jew għal ġustizzja, u dan ikun jista’ jagħmlu bla ħdura tal-qalb u bla intenzjoni ta’ tpattija.

Nitlob għal dawk ta’ madwari, dawk li m’inix komdu magħhom, dawk li ma nafhomx, u għall-bnedmin kollha. Dan nagħmlu billi nittrażmettilhom ħsieb ta’ mħabba u barka . Jalla jinħelsu, jalla jkunu kuntenti, jalla jkollhom imħabba. Iva, l-ħsibijiet jaffettwaw lil ħaddieħor – u anki lili stess!

Semmejna dawn il-prattiċi li huma tajbin biex iwasslu għal ħajja ta’ mogħdrija:
Tiftakar li ħaddieħor jara differenti

Tkun konxju-attent
Paċenzja u sliem-il-moħħ
Tkun umli
Taħfer
Tbierek lil kulħadd.

Kif qed tara, l-ebda waħda minn dawn il-prattiċi mhija tqila biex tagħmilha. Iżda trid tagħmel l-isforz biex tiftakar tagħmilhom. Kif għidna fil-bidu, jekk tgħix fil-mogħdrija lejn ħaddieħor tkun qed tgħix fil-paċi miegħek innifsek. Ġismek x’aktarx jaħdem aħjar, u ħajtek fil-familja, fuq ix-xogħol, u mal-ħbieb x’aktarx imorru ħafna aħjar. Dawn il-prattiċi jidhru biss sens komun, hux?

Li kieku jipprattikawhom aktar nies, ikun hawn ħafna anqas ġlied, problemi soċjali, u gwerer, u jkun hawn ħafna inqas mard tal-ġisem u tal-moħħ u tbatija.

Dan l-artiklu huwa wieħed minn sensiela ta’ Artikli bit-tema: Inħeles Minn Ġewwa. Għodda biex tgħin lilek innifsek meta jkaxkruk sentimenti tqal. Publikazzjoni ta’ Servizz għall-Ħelsien Emozzjonali Fondazzjoni St Jeanne Antide.