Il-mossa ta’ Thielemann


Nhar l-ewwel jum tas-sena 2019 kien jum ieħor ta’ xogħol li ma jintemmx għalija. Donnu anki t-tokki tal-arloġġ, l-awguri, in-naqra tal-grokk, u ma nafx kemm-il awgurju smajt ivenven ma’ widnejja ta’ Is-Sena t-Tajba! ma seħħilhomx le jaqilgħuni mir-rutina! Imma stenna ftit ħej? Hekk tajjeb? Altru li tajjeb! Jien, meta nara lill-Mulej Ġesù, kif preżenti fil-pazjenti tagħna, kuntent bija għax qed inservieh fihom, mingħajr ma jistħoqqli, aqta’ kemm inħossni sew! Għax naf li miegħu qed naħżen fis-sod!

Intant! Mela din is-sena ippruvajt nittawwal ftit ħa nara narax, imqar għal naqra, mill-kunċert li jsir fi Vjenna u li jiġi eżegwit mill-Okestra Filarmonika ta’ Vjenna stess. Imma, l-għaliex wara tant xogħol mill-ġurnata ta’ qabel dan ma seħħlix nagħmlu, l-għaliex spiċċajt tabakk bl-għejja, mort minflok nistrieħ għall-kwiet fl-istalla tiegħi. Madankollu, is-serħan, xorta waħda qabadli idi u ħadni ftit sal-YOU TUBE biex insegwi biċċiet minn dan il-kunċert prestiġjuż!

U hemm, għall-kwiet, fil-paċi ta’ kamarti, mistrieħ u mimli barka l-għaliex il-Mulej tani grazzja li naħdem, rajt lil kbir Mro. Christian Thielemann. Iva! Qed nirreferi għal dan is-surmast tassew bravu Ġermaniż u li twieled f’Berlin tal-Punent, nhar l-1 ta’ April 1959. Dan is-surmast m’huwa ħadd għajr is-surmast tal-iStaatskapelle Dresden u d-Direttur tas-Salzburg Easter Festival. Kien propju dan is-surmast, Thielemann, li rċieva mhux anqas minn ħames unuri kbar minn entitajiet mill-aktar prestiġjużi ċivili, mużikali u universitarji tal-Ewropa, li din is-sena mexxa lill-Filarmonika ta’ Vjenna fil-Neujahrskonzert der Wiener Philharmoniker, jiġifieri il-kunċert tal-Ewwel tas-Sena mill-Filarmonika ta’ Vjenna.

Bħas-soltu, il-Wiener Musikverein, li hija s-sala tal-kunċerti u li qiegħdha fil-kwartier Innere Stadt ta’ Vjenna u sede tal-Orkestra Filarmonika ta’ Vjenna, kienet maħnuqa bin-nies. Fil-ħdax u kwart eżatti, ħin Ġermaniż, is-sala Musikverein, imdewda bin-nies, infetħilha s-separju ħa tisma’ il-ġmiel ta’ mużika mill-Filarmonika. U, din is-sena, taħt it-tmexxija tas-surmast Christian Thielemann.

Xi ħaġa li laqtitni mhux ftit f’dan is-surmast u ġenju mużikali Ġermaniż kienet il-mod ta’ kif mexxa il-magħruf Radetzky March. Dan il-magħruf marċ li, tista’ tgħid, jafu kulħadd, kien kompost minn Johann Strauss il-missier. U, kif tgħidilna l-istorja tiegħu, kien iddedikat lill-Field Marshall tal-armata Awstrijaka, Joseph Radetzky von Radetz. Ta’ min jgħid li dan il-marċ indaqq għall-ewwel darba nhar il-31 t’Awwissu tal-1848 fi Vjenna, il-Belt tal-Imperu. Minħabba r-rittmu tiegħu dan il-marċ mill-ewwel ħa fost is-suldati li kienu fir-reġiment u li kienu jqattgħu ħajjithom jimmarċjaw. Madankollu irridu ngħidu wkoll li t-ton ta’ dan il-marċ kien dak ta’ wieħed rebbieħ. Dan l-għaliex il-kompożitur Strauss, il-missier, kien ikkumissjunat jikteb dan il-marċ bil-għan li jfakkar ir-rebħa ta’ Radetzky fil-Battalja ta’ Custoza fl-1848. Kien b’din ir-rebħa fuq it-Taljani li Radetzky xejjen l-ewwel attentat tagħhom għall-Indipendenza mill-Imperu Awstrijak. Fil-fatt, il-marixxal Radetzky seħħlu jirritorna kburi kburi l-provinċji ribellużi kollha fl-Italja ta’ Fuq lill-Imperu Awstrijak.

U wara din il-mixja storika, li anki lili qatgħetli nifsi, ħa nara naqra fejn baqa’ l-imsejken Thielemann. Għax din id-darba ħadnieha naqra fit-tul! Mela, dan l-imbierek ta’ Maestro, hekk kif beda jiddirieġi r-Radetzky March, għamel mossa li bqajt niftakarha! U ngħożżha! Għax aqta’ kemm fiha għerf il-ħajja. Ħafna aktar minn dawk tal-kotba u t-teżijiet!

Meta n-nies bdiet iċapċap fir-ritornell tal-marċ, mill-ewwel Mro. Thielemann tahom is-sinjal biex jisktu. U jċapċpu bil-mod ħafna. Dan l-għaliex, almenu kif ħassejtha jien bħalha wieħed mill-ispettaturi akkaniti għal dan il-marċ, Thielemann wettqu biex dan il-marċ jinżel fil-fond tal-fond u l-qiegħ tal-qiegħ tagħhom stess. Hekk, il-marċ beda jieħu r-rankatura naturali tiegħu fihom ħalli, meta jasal il-waqt, li kien biss kantuniera bogħod, in-nies toħroġ fl-aplawż qawwi biex tiċċelebra l-beat tal-għaġeb tal-marċ stess. Barra minhekk, meta wieħed jiskot ikun jista’ anki japprezza l-ġenju u l-qawwa tal-istrumenti li jkunu qiegħdin jeżegwixxu biċċa tant u tant fina imma li taqta’ u tnaqqax l-ispirtu tal-ispettatur jew aħjar tal-appassjonat mużikali.

Xi ġmiel hux! B’dak subgħu il-werrej, ippuntant ‘il fuq ‘il fuq, quddiem fommu, Mro. Thielemann seħħlu jżomm is-sala Musikverein imsaħħra fl-ora tal-mużika! Għax, it-tmexxija tiegħu, kienet iffukata u ħelwa, determinata imma, fl-istess ħin, rispettuża. Mela kienet tmexxija b’dinjità!

Ħalli jien ukoll niftakar f’din il-mossa sabiħa, għaqlija u mexxejja ta’ Mro. Thielemann. Aktar u aktar meta nkun qed ngħix il-walz ta’ ħajti. Meta jien ukoll inkun qed nimmarċja l-marċ ta’ ħajti. Irrid iva niskot qabel nitħaddet bl-addoċċ. Irrid niskot qabel infattar xi deċiżjoni li wara aqta’ kemm inqatta’ xahri li nkun iddeċidejtha bla kont. Irrid niskot qabel ngħid jew nikteb xi ħaġa fuq xi ħadd u wara jkolli nilgħaq dak kollu li nkun għedt jew ktibt fis-saħna. Irrid niskot qabel ma naqbad u nirrejaġixxi wara li nkun irċevejt azzjoni ħażina.

Għax, meta niskot, inkun nista’ nisma’. U meta nisma’ inkun nista’ nisma’ ħafna aktar minn dak li moħħi u l-emozzjonijiet imċaqalqin u tempestużi tiegħi, webbluni li għandi nisma’ u ninterpreta dak li nisma’. Le! Ħa niskot! Ħa nisma’! U nerġa’ nisma’! Ħalli meta jiġi l-waqt tar-ritornell, tad-deċiżjoni u tal-azzjoni, inkun nista’ nagħmel dan b’deċiżjoni sħiħa. Għax inkun smajt! Għax inkun ħallejt il-beat tal-marċ ta’ ħajti, l-Ispirtu s-Santu, jurini, iqabbadni u jmexxini fit-triq hu!

Oh sieħbi Thielemann! X’mossa għamiltli! U kemm għallimtni biha! Danke schön! Grazzi ħafna!