L-Isqof Mario Grech fil-Festa ta’ San Franġisk de Sales

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 24 ta’ Jannar 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Festa ta’ San Franġisk de Sales, Patrun tal-ġurnalisti f’Quddiesa għall-Kittieba u l-Ġurnalisti Għawdxin, fil-Knisja tas-Sultana tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, Victoria.

Id-Dieta Medjatika

Meta llum biex nieħdu ħsieb saħħitna hawn daqshekk attenzjoni dwar id-dieta, huwa importanti li nagħtu kas ta’ x’inhi d-dieta medjatika ta’ żminijietna. Huwa fatt magħruf li l-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali għandhom seħer qawwi fuq il-bniedem. Flimkien mal-familja u l-iskola, il-midja hija aġent b’saħħtu fit-tiswir tal-bniedem u tas-soċjetà. Mhux ta’ b’xejn il-midja tissejjaħ the fourth estate! Dak li jixxandar jew jiġi stampat iħalli l-effett fuq il-qalb u l-moħħ tal-bniedem. Għalhekk mill-għażla tal-ingredjenti li jużaw is-sidien u l-edituri ta’ dawn il-mezzi tal-komunikazzjoni jiddependi x’tip ta’ bniedem qiegħed jinħema fil-forn.

Ħarsa ħafifa lejn l-aħbarijiet li jixxandru tikkonfermalna li hemm preferenza għall-ġrajjiet negattivi u koroh. Rari tisma’ jew taqra aħbar pożittiva, għax kif jgħidu t-Taljani, il bene no fa rumore. Jidher ovvju li l-operaturi tal-midja jimxu mar-regola “if it bleeds, it leads”. Fil-fatt, meta t-tagħrif li jwasslu jkun dwar każi fejn joħroġ id-demm, kemm f’sens letterali u kemm f’sens metaforiku, il-kurżità u l-aspettattiva jogħlew u l-qligħ jitkattar. Biżżejjed wieħed josserva kemm f’pajjiżna tingħata importanza lill-aħbarijiet mill-qrati, allura aħbarijiet dwar ġlied, tagħjir, malafama, serq, vjolenza, kunflitti, qtil… Ħafna drabi l-headlines u l-breaking news ikunu dwar diżastri, fallimenti, skandli, u l-bqija.

Meta qed niġu mgħallfin prevalentement b’dik li tissejjaħ kronaka sewda, qed tiġi mwassla l-verità kollha? Għax biex tingħad il-verità sħiħa hemm bżonn li jingħata aktar spazju għall-aħbarijiet pożittivi li ċertament huma aktar kotrana minn dawk negattivi. Spiss jiġri li aktar tolqotna s-siġra li taqa’ milli l-foresta li qed tikber mingħajr ħafna storbju! It-tajjeb ukoll għandu d-dritt li jixxandar; imma b’xorti ħażina, good news is no news! Barra minn hekk, ġieli jkun hemm min jipprova jieħu vantaġġ minn aħbar negattiva.

Mhux qed ngħid li l-ġrajjiet negattivi ma għandhomx jiġu mxandra; imma qed nipproponi li jkun hem aktar bilanċ f’dak li jiġi kkomunikat billi jiġu koperti iktar ġrajjiet pożittivi li huma straordinarji fl-ordinarjetà tagħhom. Coverage bilanċjat jaf ikun kostruttiv kemm fuq livell personali u kemm fuq dak kollettiv. Ġrajjiet sbieħ u pożittivi għandhom qawwa jagħmlu ħoss u jnisslu interess daqs u aktar minn inċidenti suwed, iktar u iktar fis-soċjetà ta’ żmienna meta hawn ħafna x’jista’ jnissel biża’, sfiduċja u nuqqas ta’ determinazzjoni. Proposti ta’ esperjenzi umani pożittivi kapaċi jistimulaw ħafna tajjeb f’dawk li jirċievu l-aħbar.

Għalhekk nappella lill-ġurnalisti biex ikunu xandara tal-bxara t-tajba u hekk jibbilanċjaw id-dieta medjatika. Ħafna mit-tajjeb li huwa nżejjen bih ġensna jinsab mistur, u għalhekk wieħed irid ifittxu biex joħorġu fid-dieher; imma ġaladarba dan jixxandar, l-effetti tajbin huma żguri u jibqgħu fit-tul. Fil-ħajja tagħmel ħafna iktar ġid kuċċarina għasel milli bettija ħall.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading