Wara il-ġranet fid-djoċesi jibda l-JDŻ: żgħażagħ mid-dinja kollha “jfittxu ħafna tweġibiet”.


Panama – Aktar minn 30,000 pellegrini żagħżagħ minn madwar id-dinja, diġa waslu  fil-Panama għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ (JDŻ) li beda uffiċjalment fil-5 ta’ filgħaxija nhar it-Tlieta 22 ta’ Jannar, biċ-ċerimonja tal-ftuħ u l-Quddiesa. It-tema magħżula hija: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek ” (Luqa 1:38).
Skond l-organizzaturi, il-parti l-kbira taż-żgħażagħ li waslu għal JDŻ ġew mill-Kolombja, mill-Polonja, mill-Brażil, mill-Istati Uniti, mill-Messiku u mill-Gwatemala. Waslu wkoll żewġ bastimenti li kienu salpaw minn Franza u l-Polonja.

Iktar minn 14-il elf żagħżugħ u żagħżugħa ħadu sehem fil-“Jiem fid-Djoċesi” li saru fit-tmien ġuriżdizzjonijiet ekkleżjastiċi tal-Panama u f’bosta djoċesi tal-Kosta Rika, mis-16 sal-20 ta’ Jannar. Dawn il-jiem kienu maħsuba biex familji Nsara jilqgħu liż-żgħażagħ, u jgħinuhom iħossu “merħba u affett” filwaqt li “introduċewhom għar-rikkezza tal-kultura lokali”, kif spjega lill-Agenzia Fides Emmanuel Sandoval, ko-ordinatur tal-grupp ta’ Bethangirû-Papaboys Paraguay.

Matul dawn il-jiem, ġew organizzati attivitajiet ta’ natura spiritwali, missjunarja, solidali u kulturali, bl-intenzjoni, kif imfissra mill-kumitat organizzattiv, “li titħalla din l-esperjenza tkun wirt, għall-JDŻ futuri, li jiggwida liż-żgħażagħ sabiex ikunu dixxipli missjunarji”. “Taqsam ma’ grupp ta’ żgħażagħ il-kultura tagħhom, l-użanzi tagħhom, il-lingwa, il-ferħ tagħhom u, fl-istess ħin, juruhom il-valuri kbar u l-ħwejjeġ sbieħ ta’ kull komunità parrokkjali, dan huwa skambju li jibqa’ u se jiftakruh fil-futur”, fil-kliem tal-Arċisqof José Francisco Ulloa, Arċisqof ta’ Panama, f’konferenza stampa. L-Arċisqof enfasizza wkoll li għall-ewwel darba pajjiż viċin, il-Kosta Rika, qed jieħu sehem fl-organizzazzjoni ta’ pre-JDŻ, u billi ż-żewġ pajjiżi involuti huma żgħar, “ippermetta li jkollna kuntatti mhux anonimi iżda personali bejn il-pellegrini, il-familji u ż-żgħażagħ lokali, esperjenza li għaddejt minnha jiena wkoll”.

Hu u jiġbor fil-qosor l-esperjenza taż-żgħażagħ fil-grupp tiegħu, Emmanuel Sandoval iħossu żgur li l-aspettattivi tagħhom huma “għoljin ħafna”. “Ġejna nnfittxu ħafna tweġibiet. Nemmen li diġà sibna bosta. Qegħdin nitolbu li dak li Alla jrid isir, sabiex inkunu nistgħu naraw dak li jixtieq jurina, u qegħdin nistennew ħafna ferħ, ħafna talb u ħafna fraternità fost iż-żgħażagħ tad-dinja kollha”.

Il-komunitajiet Lhud u Musulmani laqgħu wkoll il-parteċipanti żgħażagħ fil-JDŻ, frott ta’ kollaborazzjoni fraterna li ilha teżisti mhux ħażin. Is-sinagoga tal-belt ta’ Panama laqgħet il-Pollakki żgħażagħ, filwaqt li l-moskea tal-Colón kienet fiha madwar 400 Ċilen, Brażiljani u Arġentinjani. Propju fl-Arġentina, fi Buenos Aires, u fl-Istati Uniti (fid-djoċesi ta’ Fort Wayne-South Bend, fl-Arċidjoċesi ta’ Seattle u f’dik ta’ Galveston-Houston) qegħ din jorganizzaw irtiri b’mod paralleli mal-JDŻ għaż-żgħażagħ li ma setgħux imorru fl-istmu tal-Panama.

Ħajr: Agenzia Fides