Jien s’hawn nista!


F’dawn l-aħħar xhur ir-Revdu Prof. Patri Salvinu Caruana OSA, għadu kemm ippubblika ktieb mill-isbaħ dwar ir-riformatur tas-seklu sittax Martin Luteru.

Ngħiduha kif inhi! Li taqtagħha li tikteb ktieb dwar ir-raħeb ta’ Santu Wistin Tedesk, Martinu Luteru (1483-1546), fi żmien iċ-ċelebrazzjonijiet tal-500 sena mir-Riforma, tkun qed tistedinha. Dan l-għaliex minn naħa issib ruħek tgħum f’baħar bla qiegħ ta’ kitba dwaru filwaqt li minn naħa l-oħra taf ukoll tkun qiegħed tiġbed għal fuqek dwal mill-iktar qawwija. Taf ukoll tasal sabiex il-kitba tgħaddi minn għarbiel li t-toqob tiegħu mhux dejjem ikunu xorta. Ovvja! Ta’ xi wħud ikunu kbar filwaqt li t’oħrajn jafu jkunu mill-idjaq.

Madankollu, il-ħila mogħtija lilu mill-Mulej, wasslet lill-Professur Patri Salvinu Caruana OSA li, fi ftit kapitli, seħħlu jagħti ħjiel mill-aqwa u mill-aktar preċiż dwar id-dinja li ssawwret ftit t’għexieren ta’ snin. Jiġifieri tal-kuntest li fih deher fostna Martinu Luteru. F’kelma waħda, Patri Salvinu seħħlu jagħti ħjiel tal-qagħda tal-Ewropa, tal-Ġermanja, tal-Knisja Kattolika, kif ukoll tal-Ordni tal-irħieb ta’ Santu Wistin fis-sekli 15 u 16. Wara li sawwar bijografija ta’ Luteru, Patri Salvinu fassal ukoll tliet kapitli li fihom ta’ ħjiel ta’ x’fissru r-Riforma, il-Kontro-Riforma, u l-Konċilju ta’ Trentu. F’erbgħa żidiet, Patri Salvinu daħal fl-irqaqat tat-tifsira tal-95 Teżi ta’ Luteru, ta’ Luteru u l-Lhud, ta’ Luteru u l-Anabattisti: riforma fir-Riforma; u ta’ Luteru u t-Torok. Fuq l-eżempju ta’ Santu Wistin Missieru, Patri Salvinu fassal ukoll Retractatio.

Luteru hu l-bniedem mill-iktar mistħarreġ. Huwa kien wieħed minn dawk il-ftit li tant u tant inkiteb dwarhom fil-ġrajja tal-Kristjaneżmu u anki f’dik tal-politika reliġjuża f’Art Twelidu, il-Ġermanja, u kif ukoll fl-Ewropa. Fi ftit kliem, min jikteb dwar Luteru jrid tassew jifhem li meta qiegħed jikteb fuqu jkun tabilħaqq qed jikteb dwar bniedem li fit-testment tiegħu tas-sena 1542, stqarr dwaru nnifsu, issa li kien sar mill-iktar magħruf fis-sema, fl-art, imma wkoll fl-infern!

Luteru beda jitqiegħed fid-dawl ta’ ħellies tal-poplu Ġermaniż mit-tjassir ta’ Ruma u l-papat. Barra minhekk, Luteru beda jitqies ukoll fid-dawl ta’ dak li ġab il-ħelsien tal-kuxjenza mjassra u mwerwra minn għadd ta’ miti u biżgħat. Ħafna jista’ jitfisser u jiftiehem aħjar dwar il-persuna u l-moħħ ta’ Luteru fid-dawl tal-atmosfera ta’ qtigħ il-qalb li kienet issaltan fis-seklu ħmistax, l-iktar minn dak ta’ kemm kien qrib tmiem id-dinja. Hu fatt ukoll li Erażmu ta’ Rotterdam, u xi oħrajn ta’ żmienu, għadda, ftit jew wisq, minn dan kollu. Biss dan, flimkien ma’ oħrajn bħalu, għażel u, fil-fatt, baqa,’ fidil lejn il-Knisja Kattolika.

Patri Salvinu kiteb li sakemm kien għadu ħaj Martinu kien hemm min deherlu li kien bniedem kbir u qaddis. Uħud ħasbu li Alla kien bagħat lil Luteru sabiex itejjeb u jsaffi l-Knisja. Madankollu oħrajn rawh bħala aġent mibgħut mix-xjaten tal-infern sabiex ifarrak u jeqred il-Knisja. Imqar dwar il-karattru tiegħu hemm firda kbira fl-idejat. Hemm min sostna li Luteru kien dħuli, qalbu tajba u ċajtier. Oħrajn seħtuh għax qalu li kien bniedem kburi, ta‘ wiċċu sfieq, makakk, wikkiel u rozz għall-aħħar! Fl-Ilsien Malti baqa’ t-titlu ta’ supperv bħal (daqs) Luteru! Imma fejn hi tabilħaqq is-sewwa dwaru?

Fl-għeluq il-ktieb, l-awtur żamm ukoll quddiem għajnejh il-fatt li llum anki l-Protestanti qegħdin jintebħu li Luteru wettaq żbalji. Minn naħa l-oħra, il-Kattoliċi qegħdin jintebħu dwar il-fatt li mhux dejjem ingħatat stampa tiegħu mingħajr għadd kbir ta’ dellijiet koroh għall-aħħar. Hu għaldaqstant wara li wieħed ikun ta daqqa t’għajn lejn kitbietu, kliemu, u tagħlimu, li, qajl qajl, dak li jkun jista’ jiżen aħjar dak li nkiteb dwaru tul il-ħajja ta’ dawn l-aħħar 500 sena.

Fl-apprezzament tiegħu dwar dan il-volum “Jien s’hawn nista'” (Martinu Luteru). Riforma jew riforma?” Mons. Prof. Hector Scerri, Viċi-Dekan tal-Fakultà tat-Teoloġija tal-Univeristà ta’ Malta u President tal-Kummissjoni Ekumenika tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, kiteb hekk:

“Patri Salvinu, Professur emeritu tal-Patristika fil-Fakultà tat-Teoloġija tal-Università ta’ Malta, għoġbu jwassal lill-qarrejja Maltin u Għawdxin kapulavur ta’ ktieb li jqiegħed lil Luteru fil-mixja soċjo-politika u reliġjuża li għex fihom, u li wara wasslu lir-raħeb ta’ Santu Wistin sabiex iwelled moviment li nfirex bħan-nirien f’kull rokna tal-Ewropa. Kif l-Awtur innifsu fisser fid-daħla, huwa ried jagħti ritratt fidil kemm jista’ jkun tar-riformatur Luteru, hekk li jingastah fil-mixja usa ta’ dak kollu li seħħ. Imbgħad, Patri Salvinu ma riedx jaqa’ għan-nasba li jfissru fid-dawl ta’ “huma” u “aħna”, kif seħħ ftit għexieren ta’ snin qabel it-taħdid ekumeniku sinċier u miftuħ…

Isem il-ktieb huma kliem li jingħad li tlissnu minn Luteru. Wara li ġie skumnikat, Luteru kellu jiddefendi ruħu fid-Dieta ta’ Worms (1521). Huwa għalaq kliemu billi stqarr: ‘Jiena konvint minn kliem il-Kotba Mqaddsa li għaliha jiena appellajt, u l-kuxjenza tiegħi inħatfet mill-Kelma ta’ Alla; ma nistax, u ma rridx immur lura fuq ebda ħaġa, l-għaliex li tagħmel xi ħaġa kontra li tgħidlek il-kuxjenza ma jaqbilx għalina, u lanqas ma għandna nagħmluh. Fuq dan jien mhux sejjer niċċaqlaq. Ma nista’ nagħmel xejn għajr dan. Hekk Alla jgħinni.’”

Bħalma jgħin lilek għażiż qarrej u qarrejja meta tieħu f’idejk dan il-ktieb li, bit-tagħrif li fih, il-kitba mexxejja u stil li jqanqlek, jgħinek tifhem, tapprezza, tgħożż u titlob biex ix-xewqa ta’ Ġesù, li dawk kollha li jemmnu fih jkunu ħaġa waħda bejniethom, isseħħ ma ddumx!