Evanġelju tat-Tnejn 28 ta’ Jannar 2019


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 3, 22-30

Ippruvaw jispjegaw dak li ħadd ma seta’ jifhem u ppruvaw jispjegawh skont il-preġudizzji li kienu niżlu bihom minn Ġerusalemm. U ħarġu ta’ ħmir b’argument loġiku u sempliċi. Jista’ l-kelb idur għal denbu, imma qatt jista jilħqu?

Dinid-delgazzjoni mibgħuta minn Ġerusalemm kienet magħmula minn nies li riedu jogħġbu lill-imgħallmin tagħhom, anke bit-tama li jogħlew fil-grad meta jaslu lura bl-r-riżultat tal-istħarriġ tagħhom. Biex jagħmlu hekk riedu jagħtuhom ir-risposti li xtaqu u jikkonvinċu lin-nies dwar il-ħażen li kien jeżisti f’Ġesù. Kieku llum ngħidu li ħolqu aħbarijiet foloz biex iwettqu l-aġenda, mhux daqstant moħbija tagħhom, għax kien jidher ċar ħafna l-ħsieb tagħhom x’kien.

Il-ħsieb tagħhom imqanqal mill-intenzjonijiet ħżiena tagħhom mhux biss għalaq il-verità għalihom iżda bih riedu jagħlqu l-verità għal ħaddieħor. Anzi jista’ jkun ukoll li huma raw il-verità, iżda ridu jgħawġuwha u jdawruha għall-għanijiet ħziena tagħhom; jekk ma jirnexxilniex noqtluh għallinqas noqtlulu l-fama biex in-nies, li kienu qed igawdu minnu, ma jibqgħux jafdaw fih.

Be-el żebul huwa s-sid td-dar fil-għoli. Ba-al huwa l-alla ewlieni fil-mitoloġiji tal-ġnus tal-lvant tal-Mediterran, li wħud minnhom ġew Malta u ġabuh magħhom. Fit-tradizzjoni lhudija huwa wieħed mill-iktar xjaten importanti, wieħed mill-prinċpijiet tagħhom. Meta d-delegazzjoni li ġiet minn Ġerusalemm bdew jgħidu li Ġesù ssieħeb ma’ Be-elżebul biex jeqridlu s-saltna tiegħu stess, (nafu minn siltiet oħra li dawk maħkuma minn spirti ħżiena kienu jafu Ġesù min kien u kien jafu li ġie biex jeqridhom) kienu qegħdin jgħidu ħmerija kbira li Ġesù jispjegalhom b’mod sempliċi u ċar. Saltna mifruda fiha nnifisha ma żżomx fuq saqajha.il-firda qatt ma hi sinjal ta’ qawwa, lanqas fis-saltna ta’ dak li l-firda jaħlef biha u jużaha biex jirbaħ.

Din is-silta tiftħilna għajnejna dwar tlitt affarijiet.

Il-preġudizzju jdgħajfilna u jagħlqilna moħħna. Jekk f’moħħna ndaħħlu preġudizzjuinkunu qed nagħmlu suwiċidju ta’ maturità li tiftħilna moħħna għal rejaltajiet oħra, anke jekk huma rejaltajiet li ma naqblux magħhom jew ma jogħġbuniex.

It-tixrid tal-preġudizzji tagħna jagħmilna qattiela tal-ħsieb tal-oħrajn u mhux bixx inkunu qed ninfluwenzawhom bil-ħażen tagħna imma nimmanipulawhom ukoll, nisirqulhom il-libertà tal-ħsieb u l-għażla. Bihom mhux biss noqtlu lil dawk li ninfluwenzaw, iżda nkunu qed neqirdu wkoll il-fam ali min il-preġudizzju huwa kontrih. Inpaċpċu ħafna favur dak jew l-oħra, iżda ftit li xejn nindunaw li kelma waħda li ngħidu jista’ jkollha effet ikraħ u ħażin bħal dan.

Il-firda ma hi tajba għal ħadd. B’mod indirett Ġesù qed juri l-valur tal-għaqda. Jekk tnejn mifruda minn xulxin, jistgħu biss iduru għal xulxin mhux jaħdmu id f’id. Il-firda ma ġġibx ġid u qawwa. Il-firda ddgħajjef u tagħnel il-ħsara. Dak hu l-ispirtu ħażin.