Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li jmiss se jsir fil-Portugall fl-2022


Fost ċapċip kbir u l-entużjażmu tas-seba’ mitt elf ruħ preżenti fil-Park Ġwanni Pawlu II għall-quddiesa tal-aħħar tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, tħabbar li l-Jum Dinji li jmiss se jsir fil-Portugall. Se tkun fil-fatt il-belt ta’ Liżbona, il-kapital tal-Portugall li se tilqa’ fl-2022 il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li jmiss. Is-salib tal-Jum Dinji se jerġa’ lura fl-Ewropa wara li kien fi Krakovja l-Polonja fl-2016.

wyd2022-320x213Il-Knisja Kattolika fil-Protugall tgħodd mad-disa’ miljun ruħ li huma mgħammda u fiha 21 djoċesi. Din se tkun it-tieni darba tal-Papa Franġisku fil-Portugall għaliex kien diġà mar f’Mejju tal-2017 fl-okkażjoni tal-pellegrinaġġ fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima għaċ-ċentenarju mid-dehriet tal-Madonna.

Għalkemm m’hemmx is-sekulariżmu ta’ ħafna pajjiżi oħra Ewropej, fil-Portugall bdiet tinħass ċerta indifferenza u għalhekk il-preżenza tal-Papa se tkun okkażjoni għaż-żgħażagħ li jħossuh qrib tagħhom u li jsaħħu l-esperjenza tagħhom tal-fidi.

Fil-Knisja fil-Portugall hemm tradizzjoni qawwija ta’ Kattoliċiżmu iżda hemm ukoll għatx għal tiġdid u għalhekk il-pajjiż huwa lest li jilqa’ l-istedina tal-Papa Franġisku biex il-Knisja tkun waħda fqira, li tmur lil hinn mill-konfini tagħha u li tkun evanġelika.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.