Asia Bibi, omm ta’ ħamsa meħlusa


L-Erbgħa 30 ta’ Jannar 2019: Filwaqt li l-Qorti Suprema tal-Pakistan il-bieraħ ikkonfermat is-sentenza li permezz tagħha  Asia Bibi inħelset minn akkuża marbuta  mal-Liġi dwar id-Dagħa, skont rapport tal-aġenzija kattolika Aid to Church in Need bħalissa f’dan il-pajjiż hemm ftit anqas minn 200 persuna oħra akkużati b’reati marbuta mal-istess Liġi dwar id-Dagħa.

asiabibi_230418.jpgFather James Channon, Direttur taċ-Ċentru tal-Paċi ta’ Lahore li jippromwovi r-relazzjonijiet inter-reliġjużi, qal li riċerka li saret mill-Knisja Kattolika turi li hemm 187 każi għaddejjin kontra Kristjani akkużati b’dagħa liema akkużi jistgħu jwasslu għall-pieni ta’ ħabs u saħansitra mewt.

Ma’ dan in-numru jridu jiżdiedu xi każi oħra fosthom dak ta’ Asia Bibi li s-sentenza li ħelsitha kienet konfermata mill-ġdid wara li kienet kontestata.

L-aġenzija tal-aħbarijiet “Zenit” ikkwotat lil Fr Channon li “anke issa, wara li nħelset, din il-mara għadha fil-periklu. Islamisti radikali qed jippruvaw isibuha biex joqtluha u għalhekk bħalissa qed tingħata protezzjoni mill-Istat.

Dan is-saċerdot tkellem dwar it-tbatija ta’ ħafna nies akkużati fuq il-Liġi tad-Dagħa, anke meta dawn jinħelsu. “Il-Liġi dwar id-Dagħa tkisser il-ħajja ta’ dawk li jkunu akkużati. Kull darba li xi nisrani jkun akkużat b’dagħa, l-insara kollha tar-reġjun ikunu akkużati miegħu u jkun hemm ħafna vjolenza kontra l-insara”.

Fost il-187 każ pendenti fil-Qrati hemm dak ta’ koppja miżżewġa li qed jistennew li tkun esegwita kontrihom is-sentenza tal-mewt wara li nstabu ħatja li bagħtu messaġġi mimlija dagħa. Iċ-ċansijiet li jeħilsu mill-mewt huma żgħar ħafna.  Imma anke jekk jinħelsu huma u uliedhom ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu fil-Pakistan għax il-fanatiċi Musulmani jippruvaw joqtluhom.

Father Channon faħħar ix-xogħol tal-aġenzija Aid to Church in Need li qed tgħin lill-insara fil-Pakistan billi tibni knejjes, tħarreġ katekisti, toffri kopji tal-Bibbja għat-tfal u letteratura nisranija oħra u tgħin lis-sorijiet, qassisin u lis-seminaristi.

B’mod partikolari faħħar ix-xogħol ta’ ACN fil-promozzjoni tar-relazzjonijiet inter-reliġjużi f’pajjiż fejn l-insara huma biss anqas minn 4 miljuni li hu 2% biss minn pajjiż ta’ 186 miljun musulman, pajjiż mifni b’attività ta’ estremisti militanti.

Rapport min-Newsbook

Fil-filmat ta’ hawn taħt, Philip Ozores, Segretarju Ġenerali tal-ACN jitkellem dwar din ir-rebħa tant importanti ta’ Asia Bibi.

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.