17 – Dejjem Jiena l-Vittma!


Għad-dwejjaq li jkollok, inti drajt twaħħal f ’ħaddieħor, u fiċ-ċirkostanzi jew fid-destin, fix-xorti, f ’Alla? Forsi għandek “il-mentalità tal-vittma”? Kif tista’ tkun taf?

Hemm persuni li jkun abbuża minnhom xi ħadd. Huwa normali li dawn iħossu lilhom infushom bħala vittma. Tifhimha din, u tagħdirhom jekk iħossuhom vittma. Ħasra, u mhux sewwa, jekk ikollok tgħix ħajtek hekk. Wieħed għandu jfittex l-għajnuna ta’ xi ħabib kalm u matur, jew ta’ xi “grupp ta’ sostenn,” jew ta’ xi psikologu jew counsellor imħarreġ f’dan.

17.jpg

Jekk inti persuna bħal dawn, b’għajnuna bħal dik tkun tista’ toħroġ mit-toqol tal-mentalità tal-vittma, u tħossok qed terġa’ tieħu kontroll lura fuq ħajtek u fuq il-futur tiegħek. Dan kollu mhux faċli, iżda importanti li tagħmel hekk, għax sakemm ma toħroġx mill -mentalità tal- vittma, ma tkunx tista’ tkompli ħajtek bid-dinjità u b’mod ħieles, kif għandu jkun.

Iżda hemm bosta persuni oħra li ma kinux abbużati iżda xorta jilbsu l-mentalità tal-vittma, u ma jinżgħuha qatt. Fil-każ tagħhom dil-libsa tkun libsa falza, bħal meta wieħed jilbes uniformi ta’ pulizija meta ma jkunx pulizija.

Ma nafx jekk inti stess, jew xi ħadd li tħobb, intomx qed tagħmlu hekk. Imma li naf huwa li dawk li jagħmlu hekk ma tantx ikunu kuntenti – infatti x’aktarx ikunu miżerabbli, jitħassru lilhom infushom, iwaħħlu f’dak u fl-ieħor, konvinti li d-destin qed jgħakkishom apposta. Jekk tassew għakksek xi ħadd, kemm se ddum tħalli lil dik il-persuna tkun sid tal-ħajja ġewwinija tiegħek? Qis lilek innifsek survivor (dak li baqa’ ħaj), mhux vittma. U jekk qed tilbes libsa falza bla ma kien tassew għakksek ħadd, kemm se ddum tagħmel ħsara lill-kwalità ta’ ħajtek?

Naturalment, wara li taqra dan l-artiklu, lil dawk li tinduna li qed ibatu bil-mentalità tal-vittma, m’għandekx tiġġudikahom. Anki jekk m’intix nisrani – u forsi ma temminx bl-imħabba u li m’għandekx tiġġudika, kif jemmnu l-insara – għandek tkun taf li dawk il-persuni, aktar ma tikkundannahom jew tirrabja magħhom, aktar agħar. U jekk ma tifhimx x’qed jiġrilhom, kif ser tgħinhom?

“Benefiċċji” ta’ din il-mentalità?

Jekk inti għandek il-mentalità tal-vittma, inti x’aktarx b’hekk tkun qiegħed tgawdi ċerti “vantaġġi” jew “benefiċċji”, fosthom
dawn:

• forsi tħoss li għandek mhux biss raġun imma wkoll id-“dritt” (biex ngħidu hekk!) li tilmenta
• forsi ħaddieħor jitħassrek jew forsi jagħdrek, u jagħtik l-attenzjoni li tixtieq

• forsi tista’ tiskappa xi risponsabbiltà lejn ħaddieħor (u lejk innifsek!)

• forsi titpaxxa tgħid l-istorja tiegħek lil kulħadd, u taħseb li b’hekk inti għandek x’tirrakkonta, u b’hekk sirt persuna interessanti (għax forsi qabel qatt ma kont taf min int!)

• forsi din il-mentalità tgħattilek sentimenti oħra aktar fil-fond, bħar-rabja, li forsi tibża’ tiffaċċjhom (iżda jekk ma tiffjaċċjahomx, ma tinħelisx minnhom!)

• forsi għandek skuża biex titpaxxa titħassar lilek innifsek.

(Din il-lista adattata minn sorsi bħal Mateo Sol u oħrajn.)

Kull waħda minn dawn il-“benefiċċji” tkun qed iżżommok lura milli tinħeles mill-mentalità tal-vittma. Jekk issib ruħek liebes il-libsa tal-mentalità tal-vittma, forsi lbistha bla ma taf bħala riżultat ta’ xi trawmi ta’ meta kont żgħir. Jew forsi ilbistha għax ma kontx taf kif iżżomm id-dinjità tiegħek meta għakksek

xi ħadd abbużiv. Hu x’inhu l-każ, qed tinduna, però, li dawn il-“benefiċċji” flok ġid qed jagħmlulek ħsara?

Jista’ jkun ukoll – u din hija problema serja ħafna – li b’dil-libsa inti qed iġġiegħel lil ħaddieħor jagħmel dak li trid int. Tkun qed timmanipula lil ta’ madwarek, forsi l-aktar għeżież tiegħek, u għalhekk tkun qed tħarbtilhom ħajjithom! Forsi qed tuża il-libsa tal-mentalita’ tal-vittma sabiex iġġiegħel lil xi ħadd ikun dipendenti fuqek, jew sabiex inti stess issir dipendenti fuq ħaddieħor – din tkun marda psikoloġika.

Il-libsa tal-mentalità tal-vittma tkun qed iżżommok f’ħajja limitata u kerha. Qed iżżommok milli tilħaq il-milja ta’ ħajtek. Qed iżżommok fid-dellijiet flok f’raġġi ta’ dawl imbierek fejn

tkun tista’ tgawdi u tgħin lil ħaddieħor igawdi l-ħajja. Ibatu: ir-relazzjonijiet tiegħek, kemm tkun kapaċi tagħti kontribut tajjeb (il-produttività tiegħek), il-possibbiltà li tafda u tiġi afdat, u l-kuntentizza tiegħek u ta’ dawk ta’ madwarek.

Kif tinduna?

Jekk għandek xi wħud mill-kwalitajiet li diġà semmejna, jew xi wħud minn dawn il-kwalitajiet li ġejjin, staqsi lilek innifsek – jew lil xi ħabib tal-qalb – jekk intix liebes il-mentalità tal-vittma:

• dejjem tewden (bil-kliem, bil-ħsieb, jew bil-video!) fuq dak li għamlulek, u kważi tieħu gost tagħmel hekk

• ma jkollokx ħeġġa biex tinbidel

• tqis lilek innifsek bla kapaċitajiet

• moħħok biex tiddefendi lilek innifsek, u meta jikkritikawk b’mod għaqli, xorta tirreżisti – anzi tirrabja u ttattakka lil dak li jkun

• qatt ma tammetti li għandek tort jew li għamilt żball, u qatt ma tħoss il-bżonn li titlob skuża

• tiddejjaq u tweġġa’ meta ma ssibx simpatija

• ma tafx tilbes iż-żarbun ta’ ħaddieħor, jiġifieri ma tafx tempatizza

• tilmenta, dejjem twaħħal f’ħaddieħor

• tara, u tistenna, biss il-ħażin u l-ħażen

• tispiċċa fil-kumpanija ta’ dawk li jilmentaw u jħossuhom vittmi

• lill-maħbubin tiegħek tattakkahom u twaħħal fihom

• ma taħsibx li tista’ tibdel iċ-ċirkustanzi tiegħek

• ma tħossx ir-risponsabbiltà li tibdel iċ-ċirkustanzi tiegħek
• ma tkunx trid tara l-problemi tiegħek minn xi lenti oħra.

• twassal lilek innifsek f’sitwazzjonijiet li jagħmlulek il-ħsara

– u dan bla ma tkun trid (jew forsi, b’mod mistur, inti tassew hekk tkun trid?)

(Din il-lista adattata minn sorsi bħal Bob Alaburda, Mateo Sol u Wikipedia u PsycholoGenie)

Kif Tinħeles, jew tgħin lil ħaddieħor jinħeles?

X’tagħmel biex tgħin lil persuna li għandha il-mentalità tal-vittma? Diffiċli li ngħidu soluzzjoni waħda, għax dan jiddependi minn fatturi bħal dawn: jekk dil-persuna hijiex inti stess; jekk il-problema hijiex gravi biżżejjed li jkun hemm bżonn professjonist bħal counsellor, terapista, psikologu, eċċ; jekk hux tassew li kien hemm trawma kbira fl-imgħoddi; jekk il-persuna hijiex qrib tiegħek bħal maħbub, żewġek, partner, eċċ; u jekk inti stess għandekx ċerti kapaċitajiet għal xogħol bħal dan, eċċ. Per eżempju, jekk tassew kien hemm trawmi kbar fil-passat, importanti li tkun taf li hemm ċans li meta tipprova żżurhom f’moħħok, b’hekk terġa tkun trawmatizzat. Professjonist ikun jaf x’għandu u x’mgħandux jagħmel. Naturalment, qabel ma tgħin lil ħaddieħor trid tgħarbel sew jekk intix liebes l-istess libsa inti wkoll.

Iddeċiedi jekk hemmx bżonn tirrikorri għand servizz professjonali. Jekk le, u jekk taf tagħmel riċerka serja bl-internet minkejja l-perikli ta’ dan, fittex taħt “victim mentality” u ipprova qis liema websajts u awturi huma serji u jaqblu mal-valuri tiegħek.

Tinsiex li dak li jkun liebes il-libsa falza tal-mentalità tal-vittma forsi ma jafx li l-libsa hija falza. Stenna li ser ikun hemm ħafna reżistenza – anki jekk qed taħdem fuqek innifsek. Mhux faċli tgħin lil ħaddieħor f’din il-ħaġa. U tinsiex il-“benefiċċji” li semmejna ta’ dil- libsa. Taqax fin-nases li l-libsa għandha mwaħħlin magħha. Iżda xorta uri mħabba.

Iżda dejjem tista’ (u għandek) twarrab il-kundanni kollha minn qabel. Min hu rassenjat għal ħajja miżerabbli u ta’ bin-nieqes mhuwiex se jilqa’ suġġerimenti malajr; iżda ħafna drabi, fil-fond, ikun hemm xi ftit impenn lejn ħajja sana – huwa dan li trid tibni fuqu. Uri imħabba! Uri mogħdrija – issa qed tara ftit mid-diffikultajiet tal-“kundizzjoni tal-bniedem.” Għall-istess raġuni, jekk il-libsa falza tkun ilbistha inti stess, ittrażmetti mogħdrija – mhux ħasra – lejk innifsek.

Min – b’mogħdrija, ġentilezza u kawtela kbira – jgħin lil xi ħadd jinża’ l-libsa falza tal-mentalità tal-vittma ikun jeħtieġlu jagħmel xogħol għaqli u jagħti sostenn fit-tul.

 

Dan l-artiklu huwa wieħed minn sensiela ta’ Artikli bit-tema: Inħeles Minn Ġewwa. Għodda biex tgħin lilek innifsek meta jkaxkruk sentimenti tqal. Publikazzjoni ta’ Servizz għall-Ħelsien Emozzjonali Fondazzjoni St Jeanne Antide.