Żebbeġ ‘il quddiem!


Meta xi xhur ilu l-Mulej tani l-grazzja li nżur is-santwarju Marjan ta’ Medjugorje persuna qaltli dan il-kliem: Il-Kuruna tar-Rużarju żebbiġha ‘il quddiem u qatt b’lura!

Għal uħud dan il-kumment jidher li ma jfisser xejn. Forsi bla togħma. Abbli, u mad-daqqa t’għajn tiegħu, dan il-kumment jaf jidher għal kollox superfluwu wkoll. Imma ħej meta toqgħod tixtarru sewwa, bil-mod il-mod, ittiegħmu, ngħidu aħna, issib kemm fih verità! U verità tal-veritajiet!

L-ewwel nett, il-verb “żebbeġ” diġà qed jgħid ħafna! Ovvja! Jekk għandi l-Kuruna tar-Rużarju bilfors li, irrid jew ma rridx, ikolli nżebbiġha! Ħeqq! Xi tridni nagħmel? Niġri fuqha jew? Togħġobni t-tiżbiġa ħbieb! L-għaliex hawnhekk, mela fid-dominju tar-Rużarju, m’aħniex qed nitħaddtu fuq xi ħaġa ta’ suq ħa mmorru! U, ngħid jien, kif tista’ ir-Rużarju titolbu suq ħa mmorru? Illum ngħid li minnu nnifsu r-Rużarju qatt, qatt u qatt mhu se jħallik titolbu suq ħa mmorru! Dan l-għaliex ir-Rużarju huwa l-kontemplazzjoni tal-ħajja ta’ Ġesù Kristu! U, ngħid jien, liema ħajja tista’ tassew tgħixha suq ħa mmorru? Mela moħħi u moħħok għandu r-rem meħtieġ biex jipproċessa ħajja ta’ persuna hekk? F’nifs wieħed?

Dan il-ħsieb daħħalni, ħelu ħelu, fir-rejaltà miġnuna li qiegħdin ngħixu fiha illum. Ibda’ minn pajjiżna. Kemm sirna nemmnu li ħajjitna irridu ngħixuha suq ħa mmorru? Imma, u fis-sewwa kollu, nistgħu ngħixu ħajjitna hekk? Ejja ħa mmorru? Bil-għaġla? Bil-ġiri? Bil-gass mal-pjanċa? Mela kif kont qed naħseb fuq dan kollu ħaġa telgħetli f’moħħi u dawlitli lil qalbi: ejja ma nkomplux inkissru saħħitna ta’ moħħna, ġisimna u ruħna bil-ħrafa tal-multitasking! Għall-erwieħ jaħasra! Fl-aħħar ħarġet! U se ngħid l-għaliex!

Dejjem u safejn naf jien, it-terminu multitasking jintuża biss għall-computer. Fil-fatt, dan it-terminu jfisser xogħol magħmul minn ħafna xogħlijiet f’daqqa li jagħmel computer. Nerġa’ ngħid: dan ix-xogħol isir biss minn computer! U qatt mill-bniedem! Tad-demm u l-laħam! Għax il-bniedem ma jistax jagħmel elf oġġett f’daqqa! U, min ħaseb li dan jista’ jagħmlu kif ġieb u laħaq, l-għaliex, u m’għandniex xi ngħidu, bela’ bħall-mazzun il-ħrafa tal-multitasking, għax qatagħha li dak li computer jista’ jagħmel jista’ jagħmlu hu jew hi bħala bniedem u bniedma, illum ngħidlu u ngħidilha, bil-karità kollha, li aħjar jerġa’ u terġa’ jaħsbiha u taħsibha darbtejn. Qabel ikompli jgħassed. U tgħassed. Naħseb li ħadd minna, li hu tassew f’sensieh u jħobb mhux biss lil ħajtu iżda wkoll dik tal-familja tiegħu, ma jixtieq li jispiċċa f’Mater Dei, mixħut fuq sodda b’wiċċu ‘il fuq u b’ monitor tal-qalb li jeżaminalu kull taħbita ta’ qalbu! Ikolli ngħid li ħadd minna ma jrid jispiċċa pazjent fir-repart tal-qalb. Biex ma nsemmux, u dan veru allaħares qatt, għalkemm mhux darba jew tnejn li ġara quddiem għajnejja stess, ir-Resuscitation Unit! Għax tkun waqfietlu qalbu! U qalbha!

Mela, biex dan l-inkwiet nevitawh, irridu nżebbġu ħajjitna! Irridu ngħixuha bil-mod ‘il mod! Bil-kalma! Irridu napprezzawha. Intogħmu l-esperjenzi tagħha li ngħaddu minnhom. U hekk, dawn l-esperjenzi, waħda waħda, bħaż-żibġa tal-Kuruna tar-Rużarju, jissuktaw jiffurmaw il-kapitli tal-perjodi ta’ ħajjitna. Dik ħajjitna li, hi wkoll għandha l-misteri tagħha. U li, permezz tar-rabta ta’ dawn il-misteri flimkien, tifforma wkoll il-misteru wieħed li jissejjaħ il-ħajja.

Inżebbġu ‘il quddiem! Ma nistgħux le nibqgħu imwaħħlin ma’ dak li lilna tefagħna ‘l isfel. Dak li, meta niftakru fih, joħolqilna dwejjaq, frustrazzjoni u diżappunt. Ma nistgħux le nibqgħu nduru u ngħaqdu fix-xejn fl-esperjenzi tal-passat. Wara kollox il-ħajja, jekk tabilħaqq irridu ngħixuha ta’ bnedmin, irridu jew ma rridux, il-ħin kollu qed tgħajtilna biex inżebbġuha. Jiġifieri, il-ħin kollu qed tfakkarna biex ma nħallu xejn li lilna jħallina ilsiera u bil-ktajjen m’għonqna.

Għax il-ħajja ġiet maħluqa biex tofroq il-Ħajja. Jiġifieri l-Baħar Etern. Il-misteru ta’ Alla nnifsu. U, iżjed u iżjed, aħna bħala Maltin u Għawdin, dan żgur li ma nistgħux naħarbuh. L-għaliex fid-DNA tagħna hemm il-vjaġġ. L-Odissea. Dak il-vjaġġ allura li, jiena u int, ikoll irridu nissuktaw inwettqu. U liema vjaġġ se jħallina mwaħħlin fejn qiegħdin? Mhux kull vjaġġ huwa mixja? Mixja ‘l quddiem?

Issa hawn tiġi l-bużillis! Aħna, fit-taħdit tagħna, ngħidu: Qabel konna mod ieħor! Kemm konna aħjar! U dan ngħiduh, sintendi, għall-valuri. Li, wħud minnhom, qiegħdin jitnaqqru sewwa. Mela jien kif nista’ nżebbeġ ‘il quddiem jekk xi valuri illum m’għandnix inħaddanhom? Hi x’inhi r-raġuni?

Ejjew ngħiduha kif inhi: li nżebbeġ ‘il quddiem ma jfissirx li ma mmurx għall-valuri li kelli fl-imgħoddi. Il-valuri dejjem valuri jibqgħu. Jinbidel kemm jinbidel iż-żmien. Imma l-kuntest li fih qiegħdin ngħixu illum m’huwiex dak ta’ dari. U l-ħajja trid, iva, tkompli. Għax il-ħajja, minnha nnifisha, hi storja li tkompli. Mela ħa nifhem ħaġa importanti: nibqa’ inżebbeġ ‘il quddiem. Nibqa’ nivvalorizza l-ħajja. Nibqa’ nimxi maż-żmien. Iżda mhux li narmi dak li hu ta’ valur. Il-valuri nsalvahom għalkemm nibqa’ nadatta ruħi għaż-żmien li qed ngħix fih.

U hekk, pass wara pass, il-ħajja tiżżebbeġ. U tiżżebbeġ bil-pass tagħha. U b’ħafna dixxerniment, ferħ u avventura. Wara kollox, u dan tajjeb li nfakkruh, il-ħajja hija qasira wisq biex ngħixuha bil-pass tan-nemla. Minn naħa l-oħra, hi twila wisq biex ngħixuha bil-pass tal-fenek li jgħaġġel. Mela, m’hemm xejn isbaħ mit-tiżbiġa. Żibġa b’żibġa. U hekk, bir-rittmu tagħha, il-ħajja tkompli tgħinna ngħixuha. Inkella tgħixna hi għax tgħaddi minn fuqna u tħallina tal-post!

Għinni Mulej ngħix ħajti bit-tiżbiġa tal-fiduċja tiegħi fik li int qatt mhu ħa tħallini waħdi. Amen.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.