L-istorbju tas-skiet


Il-Milied huwa l-festa tal-kontradizzjonijiet. Huwa l-festa ta’ żewġ affarijiet li, mad-daqqa t’għajn, jidhru tant ‘il bogħod minn xulxin. Imma, meta mħaddta flimkien, tant jagħmlu sens.

Fis-skiet ta’ Betlehem, ‘il bogħod mill-għagħa u l-fanfarunati ta’ Ġerusalemm, twieled il-Messija. Il-moħħ tagħna, ta’ bnedmin, jgħidilna li l-Messija kellu jitwieled Ġerusalemm. Il-Belt tas-Sultan il-Kbir (S 48:3). U mhux Betlehem! Imma, l-iskular bibbliku, jsepses fis-skiet u, bħall-qassisin il-kbar u l-kittieba ta’ żmien Alla-Bniedem, jagħmel referenza għall-profezzija ta’ Iżaija li tgħid: U int Beltlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael (Mt 2:6).

Insomma. Hu x’inhu l-każ, xorta waħda l-Mulej jaħdem bil-mod tiegħu. Huwa jitwieled f’dak is-skiet tal-lejl. U, minflok imorru jżuruh l-imperaturi, hu li hu Alla tas-Slaten u Sid tas-Sidien (S 136:3), jispiċċa mdawwar b’persuni mill-aktar rozzi. Ir-rgħajja. Iva ħbieb! Spiċċa fil-kumpanija ta’ nies li kienu mdorrija joħduha kontra kull annimal feroċi basta jipproteġu l-imrieħel tagħhom.

Dan hu Alla tagħna li, f’dan il-Milied, se niffesteġjaw bil-ferħ kollu l-miġja tiegħu fostna bħala bniedem. Kif għedt, huwa Alla tal-kontradizzjonijiet. Ma twelidx f’palazz. M’għamilx ħafna pubbliċità bin-nies tal-art. Anzi! Twieled fl-umiltà u fil-ħlewwa. Li taf toffri familja, koppja mill-aktar sempliċi u mfawwra bl-imħabba. U, fuq kollox, twieled fis-skiet.

Dan il-fatt lili tant jaffaxxinani! U, l-aktar fiż-żmien li qiegħdin ngħixu fih. Kemm saret faċli tagħmel pubbliċità! Veru? Kemm saret faċli li xxandar mal-erbat irjieħ tad-dinja dak li tkun qed tagħmel! Biżżejjed tmur fuq it-televiżjoni, f’gazzetta, fil-YOU TUBE, fil-Facebook, fl-Instagram, fit-Tweeter u f’ma nafx jien. Kemm saret faċli issemma leħnek u tagħmel lilek innifsek magħruf u magħrufa! U, fuq kollox, tgħid dak li trid u li jogħġbok! Irrilevanti, sintendi, minn jekk dak li tgħid jagħmilx sens inkella jkunx paroli fil-vojt fil-veru sens tal-kelma!

Imma hu twieled fis-skiet. Kważi kważi inkiss inkiss. Imma kellu għalfejn jitwieled hekk? Seta’, li kieku ried, twieled f’dawn iż-żminijiet. U, li kieku għamel hekk, żgur li kien isejjaħ lil tax-xandir ħa jiġu bil-cameras tagħhom u jġibu kollox live! Imma hu, li hu l-komunikazzjoni perfetta, ried li jikkomunika lilu nnifsu mod ieħor. Ikkomunika lilu nnifsu lilna fl-imħabba ta’ koppja, raġel u mara. Magħżulin minnu biex ikunu ommu u missieru quddiemna l-bnedmin. U dan għamlu biex napprezzaw aktar iva ż-żwieġ u l-familja kif iridhom hu, l-għaqda dejjiema ta’ raġel u mara li, frott imħabbithom, huma l-ulied li jnisslu.

Imbagħad, hekk kif twieled, marru ħdejh ir-rgħajja tal-inħawi ta’ Betlehem. Xi ġmiel is-solidarjetà! Li tant iġġib magħha ferħ! U paċi! Għax, il-vera solidarjetà, ġejja iva mir-rieda tajba. Jiġifieri minn dik ir-rieda li trid biss il-ġid! Li trid biss is-sewwa! Li trid biss il-ġid ta’ dak li jkun! Li trid dak li l-Mulej irid għal dik il-persuna u dawk il-persuni!

Madankollu, din l-istorja, li ġrat fis-skiet tallejl, kienet iddestinata li tinstama’ mal-erbat irjieħ tad-dinja. U tinstema f’kull żmien. F’kull epoka. F’kull waqt tal-istorja. L-għaliex, din l-istorja, hi waħda ta’ mħabba pura. Dik l-imħabba li ma fittxet qatt dak li hu tagħha. Is-sabiħa hi li għalkemm din l-istorja seħħet f’tant skiet u satra xorta waħda faqgħet kullimkien bl-għajjat tagħha. Dan l-għaliex, is-safa tagħha, tant kemm hu kbir li ħadd u xejn ma jista’ jżommha milli tixxandar. U min jipprova, b’xi mod, jagħlqilha ħalqha, għax hi l-verità fiha nnifisha, jasal żmien fejn tagħlaqlu ħalqu hi stess!

Kuraġġ ħija! Kuraġġ oħti! Agħlaq il-ħalq ta’ min imaqdrek u ta’ min m’għandux demm miegħek, billi tħobbu u tħobbha bil-fatti! Tibżax jekk għalissa jkollok tirċievi l-ostilità tal-kliem vojt inkella kull xorta ta’ ostitilità minn min ma jniżżlikx. Imma, u dan tgħallimhuli l-esperjenza tal-ħajja, speċjalment dik tal-isptar, min tibqa’ tagħmillu l-ġid, avolja ma jifilħekx pinġut u pinġuta, is-skiet tal-għemejjel tajba tiegħek, l-aktar ta’ talbek, għalih, isiru ġamar jabqad fuq rasu (Rum 12:20). Oh kemm qal sewwa l-Appostlu: Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb (Rum 12:21).

M’hemmx storbju agħar minn dak tas-skiet! Is-skiet issiket l-istorjbu!