Minix xi qaddis u qaddisa!


Kemm-il darba ħbieb tgħiduhieli din! L-aktar wara xi taħdita flimkien! Fl-isptar. Fuq dawk l-imberkin imwejjed l-oranġjo. Tal-kafeterija tafux! U mhux tar-restorant. Kif soltu nħobb ngħid. Minħabba li inħawwad il-kafeterija mar-restorant! Mela, grazzi Mulej li qed tagħtini l-grazzja li noqgħod għall-korezzjoni! Almenu ta’ kelma! Mir-restorant għall-kafeterija! Intant …

Inkun hemm. Għodu għodu. Wara xi lejl imdamdam bix-xogħol. Għax illejl il-Mulej ħalqu biex norqdu u mhux naħdmu. Intant … Jew inkella wara l-ġurnata ta’ qabel fejn il-Mulej jagħtini l-grazzja naħrat letteralment l-isptar Mater Dei bil-mixi. (U hemm x’taħrat tafux! Daqshiex fih! Alla jbierek!) U allura, wara illejl, inkun hemm isfel. Fil-kafeterija. Fl-ewwel mejda li nsib tistennieni. U tagħtini wkoll dik it-tehmiża. U hemm imur. Il-Patri. Għajjien għax il-Mulej tah grazzja li jaħdem. U hemm jintefa’. Bit-tazza tal-kafè quddiemu. Tal-cappuccino. Bħalu! U bid-duħħan ħiereġ minnha! Imsieħba, ovvjament, bil-brioche taċ-ċikkulata! Għax l-għejja mhux bil-ħlewwa trid titrattaha ħi?

U aqta’ kemm nibda’ nidħak f’qalbi f’dak il-waqt ħbieb! B’dak id-duħħan ħiereġ mit-tazza tal-kartun tal-kafè. Għax, f’dawk il-waqtiet, nibda’ niftakar fid-duħħan li ħareġ mis-sagrifiċċju ta’ Noè. Dak is-sagrifiċċju li ma setax ma jiġix aċċettat mill-Mulej. Għax il-Mulej mhux ta’ subgħajh f’ħalqu tafux! Kif ġieli naħsbuh u jpinġuhulna! Eh! Daż-żgur! Għalih mhux kollox jgħaddi! Iħenn kemm trid! Imma ħej ejja ma nippruvax nitmellaħ bih! Għax, it-tmellieħa tiegħi, issir daqqa ta’ ponn ġo l-istonku tiegħi stess! Mela ejja ma nilgħabhiex tal-hero mal-Mulej! Ejja nżomm posti!

Hekk jgħidu ż-żewġ versi sbieħ bibliċi meħuda mill-ktieb tal-Ġenesi: U Noè bena artal lill-Mulej , u ħa minn kull annimal safi u mit-tajr safi, u offra sagrifiċċju tal-ħruq fuq l-artal. U l-Mulej xamm ir-riħa ħelwa u għoġbitu; u l-Mulej qal f’qalbu: “Ma nerġax iżjed nisħet l-art minħabba l-bniedem, għax qalb il-bniedem miġbuda għall-ħażen sa minn ċkunitu, u ma nerġax iżjed naħbat għall-ħlejjaq ħajjin kollha bħalma għamilt” (Ġen 8:20-21).

Xi ġmiel ta’ vrus ħbieb! Mela l-Mulej, bħali u bħalek, meta jara li l-qalb qed tinfetaħ jibdel id-deċiżjonijiet li jkun ħa. Ma jibqax irrabjat. Għax, dak li jkun, jibda’ jirraġuna miegħu. Jibda’ jumilja ruħu. Jibda’ jiftaħ qalbu! U int, jekk xi ħadd jieħdok bil-kelma t-tajba, jurik qalbu, jurik ir-rieda tajba tiegħu, sejjer twarrbu? Sejjer ma tagħtix kasu? U żgur li tagħti kasu! U żgur li tmur pass, tnejn, tlieta, mija, elf u ma nafx kemm miegħu! Għax tista’ tiftiehem. Imma kif iġagħlek iġġib ruħek min ħa joqgħod iħaqqaqha meta għandu tort? Min jaħseb li kollox idur madwaru? Min hu stinat u jagħmel dak li tgħidlu rasu? Mela aħseb u ara l-Mulej kif iġib ruħu! Kos hux! Ejja l-Mulej ma noħdux for granted! Jekk ma rridux li nispiċċaw ħażin!

U mbagħad, fis-skiet, waqt li nkun qed nieħu l-kafè, tiġi int ħdejja. U jien, il-Patri, aqta’ kemm nieħu gost bik! U ngħidlek: Poġġi ħi! Mela! Poġġi! Lili hemm issibni! Fil-kafeterija! Ħalli ngħidu kelma! Ħalli nisimgħek! Bħalma naf li tismagħni int! Għax jien, bħalek, qed ngħix. U għandi demm bħalma għandek int. U int, hekk kif tħossok daqshekk milqugħ u milqugħa minni, l-għaliex ikun il-Mulej li jkun qed jilqgħek fija, midneb, tinfaqa’! U tinfaqa’ waħda sew! Għall-ħdud u l-festi kmandati! U wara li toħroġ mill-istonku tiegħek dak li jkun qed itaqqalek tibda’ tirrakkuntali kemm tagħmel affarijiet tajbin. U mbagħad, għax int għandek ħabta kif tirrakkonta u lili ssaħħarni, tgħidli: Imma minix xi qaddis u qaddisa!

U hawn iċċarrattli ħalqi! Għalkemm mhux żaqqi. Avolja għandi bżonn li żaqqi tiċċarrattli biex is-sonża li għandi tinħalli xi naqa’! Min fid-dinja ma jiżbaljax? Min ma jidnibx? Imma int qaddis u qaddisa! Min? Jien? Daqskemm nagħmel dnubiet? Mela! Int! Għax int mgħammda! Fik hemm l-Ispirtu s-Santu jaħdem! Mela x’differenza hemm bejn il-qaddisin u jien? Ħeqq! Il-qaddisin ħallew l-Ispirtu s-Santu JINDAĦLILHOM FIL-ĦAJJA PERSONALI U PRIVATA TAGĦHOM! Il-qaddisin ħallewh itellagħhomlhom. Iqabbiżomlhom. Il-qaddisin dejjem taw raġun lill-Ispirtu s-Santu u qatt ma iġġustifikaw lilhom infushom.

Għax l-Ispirtu s-Santu bħaż-żrara fiż-żarbun! L-Ispirtu s-Santu ma jħallinix nissutta t-tajn. Ngħid kontra n-nies li bilkemm jitgħattew u dawk li għandhom il-libsa twila. Anzi! L-Ispirtu s-Santu jgħallimni nħobbhom lil dawn u mhux numbrahom! U l-Ispirtu s-Santu jurini li għandi naħfer. U jgħallimni nħobb ukoll. Mhux biss lil dawk li għandi grazzja magħhom imma l-aktar lil dawk li ma nniżżilx. U l-Ispirtu s-Santu jurini biex nagħmel il-ġid. Imma nagħmel dan mhux biex inħossni tajjeb u tajba. Inkella nkun egoist u egoista grass u grassa! Le! L-Ispirtu s-Santu jgħallimni nħobb bis-sagrifiċċju.

U bilħaqq, l-Ispirtu s-Santu jitfagħni nqerr, immur għall-quddiesa tal-Ħadd u dik ta’ kuljum, nitlob ir-rużarju u l-Kurunella tal-Ħniena Divina u jgħinni nevita ħajja doppja. Għax l-Ispirtu s-Santu idamdamni ħi! Għax ineħħieli l-fsied li ġġib ħajja giddieba fejn niġġustifika kollox. Għax hekk jaqbilli!

Naf li jien midneb! U midinba! Imma jien qaddis u qaddisa! Għax l-Ispirtu s-Santu fija jgħix!

Mela, Spiritu s-Santu, damdamni waħda int ħi! Ħa ngħix u mhux neżiżti, qisni l-ibbalzmat u l-ibbalzmata! Amen.

Awgur San u Santa … !

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.