18 – Inpattihielu!


Xi għorrief u nies spiritwali indunaw li meta aħna jkollna bżonn nitgħallmu xi ħaġa, ningħataw id-diffikultajiet li għandna bżonn.

Huma ndunaw li l-kuntlarjetà hija l-għalliema tajba tagħna. Tajjeb għalhekk li nindunaw xi tkun qed tipprova tgħallimna, din l-għalliema, meta l-affarijiet ma jiġux kif irriduhom, jew meta xi ħadd jagħmlilna azzjoni ħażina, u nħossu ġibda jew leblieba biex inpattuhielu.

18Minn fejn ġejja il-ġibda lejn it-tpattija?

Il-“jien” tas-soltu tagħna huwa miġbud mir-rieda (a) li nħossni li niswa’, sigur, u sod fija nnifsi (jiġifieri li ma jkollix insigurtà); (b) li nkun irrispettat; (c) li inkun setgħani. Jekk naħsbuha ftit, naraw li, minn dawn it-tlett ġibdiet, joħorġu s-sentimenti tqal: 1. l-għira, 2. l-umiljazzjoni, 3. il-weġgħa, u 4. s-sens ta’ telfa. Għira, meta xi ħadd narah aktar sod jew irrispettat jew setgħani minni. Umiljazzjoni, meta xi ħadd iwaqqagħni għaċ-ċajt, iġiegħelni nistħi u għalhekk inħoss li ma nistax inkun sod fija nnifsi u irrispettat. Sens ta’ telfa, meta xi ħadd jeħodli xi ħaġa u għalhekk … (din tista’ tkompliha inti.)

Meta nħossu dawn is -sentimenti, forsi rridu nwaħħlu f’xi ħadd, u nirrabjaw. Ir-rabja x’aktarx tiġi meta ma nistax nilħaq il-bżonnijiet emozzjonali tiegħi. U forsi minn dan it-twaħħil u din ir-rabja toħroġ il-ġibda lejn it-tpattija, ġibda ta’ minn meta konna tfal ta’ sitt snin. It-tfal żgħar jaħsbu “Min iweġġagħni jeħtieġli nweġġgħu!”

Dan huwa l-ħsieb, jekk tista’ tgħidlu ħsieb, ta’ għajn għal kull għajn u sinna għal kull sinna. Kif kien jgħid il-lider magħruf Amerikan Martin Luther King, dan il-ħsieb iwassal għal dinja tal-għomja u ta’ bla snien.

Iżda mhuwiex il-ħsieb li jmexxi l-ġibda lejn it-tpattija. Huma l-emozzjonijiet – is-sentimenti li semmejna – u l-mod kif inħalluhom ikaxkruna.

X’jiġrilna meta npattu?

Minn riċerka interessanti xjentifika (Carlsmith K., May 2008) Journal of Personality and Social Psychology, Vol. 95, No. 6) naraw li min ma jpattix, wara jħossu aħjar milli jħossu dak li jpatti. Ukoll, min ipatti, qabel ma patta kien mingħalih ser iħossu tajjeb wara li jpatti. Imma fil-fatt, skont ir-riċerka, min ipatti jħossu ħażin, wara. Ukoll, dawk li ma jpattux jinħelsu minn ġewwa aktar malajr. Iżda dawk li jpattu jdumu ħafna (wara li jpattu) marbutin bil-ktajjen ta’ mrar u dwejjaq u thewdin.

Konfuċju, għalliem u filosfu Ċiniż magħruf tal-antik, kien qal “qabel ma taqbad it-triq tat-tpattija, l-ewwel ħaffer żewġ oqbra.” Qabar wieħed għal dak li ser tweġġa’ bit-tpattija… u qabar ieħor għalik! U dan biex ma nsemmux ukoll il-fatt li dik il-persuna li pattejtilha tal-azzjoni ħażina tagħha naturalment ser tipprova tpattilek għat-tpattija tiegħek. U l-imrar ikompli. Din tat-tpattija żgur mhix it-triq tal-ferħ u s-sliem.

U Minflok it-Tpattija?

Ma nżommx f’qalbi? Iva, imma aħdem ukoll sabiex il-kuntlarjetà, bħall-azzjonijiet ħżiena ta’ ħaddieħor, tweġġgħek
inqas u inqas. Kif, dan?

Idra induna bir-rabja fik meta jagħmlulek azzjoni ħażina. L-aħjar kieku jirnexxilek tinduna b’dir-rabja fik bla kundanni u ġudizzji ta’ ħadd u ta’ xejn. Trid ħafna prattika biex tkun kapaċi tagħmel hekk! Imbagħad, induna minn fejn ġejja (ġewwa fik) din ir-rabja. Probabbli ġejja, kif għedna, minn sentiment bħal 1. għira, 2. umiljazzjoni, 3. weġgħa, jew 4. sens ta’ telfa. Liema?

Idra ifhem, dak is-sentiment (1, 2, 3 jew 4) li għandek, mil-liema mit-tlett ġibdiet tal-jien tas-soltu ġej. Ġej (a) għax irrid inkun inħossni niswa’, sigur, u sod fija nnifsi? Jew dak is-sentiment ġej (b) għax irrid inkun irrispettat? Jew (c) għax irrid inkun setgħani? Ikteb xi skoprejt. Dan il-ħsieb diġà jneħħi ħafna mill-ġibda għat-tpattija, u jgħinek ukoll tirrabja inqas, tifhem lilek innifsek, u ssir sid tiegħek innifsek.

Dan il-metodu ngħidulu “il-Metodu li Tara u Tifhem.” Jekk tużah, naħseb li tifhem x’qed tgħallmek dik l-għalliema għarfa li jisimha il-Kuntlarjetà!

Forsi tinduna, b’dan il-metodu, li għandek xi bżonnijiet speċjali li qatt ma ġew moqdijin, sa mit-tfulija jew minn xi żmien ieħor fl-imgħoddi. Umiljawk il-ġenituri? Weġġgħek xi ħadd fit-tfulija? …

Diġà pass kbir, li tinduna. Issa, aħdem fuq dan fik innifsek, forsi ma’ ħabib/a matura u kalma. U jekk hemm bżonn, fittex għajnuna minn xi għaqda jew professjonist.

Naħfer? Bla dubju!

Insir aktar spiritwali? Iva! Għal dawk li jimxu wara Ġesù u jafdaw f’Alla, forsi diġà jafu jgħixu. Jekk inti m’intix waħda jew wieħed minn dawn, aqra, isma’, tkellem, u ifhem spiritwalità tal-adulti. Forsi mhux biżżejjed dak li tgħallimt meta kont tifla jew tifel tal-iskola.

Bil-mod-il-mod tibda tinduna li inti m’intix biss il-jien tas-soltu, separat minn ħaddieħor, bl-istorja ta’ dak li ġralek u l-ħsibijiet u s-sentimenti tiegħek. Bil-mod-il-mod tibda tinduna li il -ġenetika spiritwali tagħna mhix separata minn ħaddieħor! Minn dak il-punt ‘il quddiem, kollox jibda bil-mod jaqa’ f’postu. Tidħol il-mogħdrija. U t-tpattija ma tiġix f’qalbek. Bilkemm tfeġġ f’moħħok!

Dan l-artiklu huwa wieħed minn sensiela ta’ Artikli bit-tema: Inħeles Minn Ġewwa. Għodda biex tgħin lilek innifsek meta jkaxkruk sentimenti tqal. Publikazzjoni ta’ Servizz għall-Ħelsien Emozzjonali Fondazzjoni St Jeanne Antide.

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.