Il-Ħajja Ikkonsagrata


Kull 2 ta’ Frar, Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej Ġesù fit-Tempju, issir ukoll iċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħajja Ikkonsagrata. Għalhekk, f’dan il-Jum għażiż,  jien, bħala wieħed mill-ikkonsagrati tal-Mulej, ħassejt il-ħtieġa li npoġġi bilqiegħda u nferra’ ftit minn qalbi, magħkom, xi riflessjonijiet li l-Ispirtu s-Santu qed jagħtini għal dan il-Jum.

L-ewwel nett, ħa m’għandu jassumi għalih xi monopolju li hu xi “espert” jew “esperta” fil-qasam tal-ħajja ikkonsagrata. Dan l-għaliex il-ħajja ikkonsagrata m’hijiex kwistjonijiet ta’ kemm wieħed jaqra, jagħmel korsijiet, jikteb teżijiet, artikli u kotba, jagħmel konferenzi fuqha u jaf jippriedkaha. Kemm hi faċli li wieħed iparla fuq il-ħajja ikkonsagrata! Li wieħed jiġi aġevolat minn uħud biex jippresta ruħu! Imma mbagħad, bħall-karozza mingħajr petrol jew diesel, jibqa’ imwaħħal fejn hu. Għax għeruq ma jkollux!

Ejjew inkunu ċari ħbieb: għeruq il-ħajja ikkonsagrata qiegħdin fit-talb u fit-tbatija. U, jekk tassew trid tkun taf x’inhi l-ħajja ikkonsagrata staqsi lil min jobdi, jaħdem u jbati għax jobdi. F’kelma waħda, lil min jagħti ħajtu għal min iħobb. Fost ħafna nies li kelli l-grazzja nagħmilha magħhom fil-ħajja ikkonsagrata żgur li ma nistax ma nsemmix b’ismu lil Patri Joe Saliba OFM Cap. Għalija, lil hinn minn x’jgħidu l-kotba, l-artikli, it-teżijiet, il-konferenzi u d-dokumenti fuq il-ħajja ikkonsagrata, meta rajtu jieħu l-aħħar nifsijiet quddiemi, fuq il-presbiterju fil-Kappella ta’ Mater Dei, b’dik it-tbissima ħelwa tiegħu, hu u jgħaddi minn din id-dinja għall-oħra, għall-ħajja ta’ dejjem, intbaħt kemm Patri Joe Saliba OFM Cap veru għex il-ħajja ikkonsagrata kif talabha minnu Ġesù.

Patri Joe kien bniedem li jingħata. U jingħata mingħajr ħafna punti u virgola. Kemm hawn ikkonsagrati li jingħataw bl-eżatt! Donnu jingħataw bil-fractions, 1.2345 eċċ. Xi dwejjaq! X’mewt! U x’saħta jġibu madwarhom dawk li jimxu bl-eżatt fil-ħajja ikkonsagrata! Tarahom jinżlulek imsarnek f’saqajk! U mela l-ħajja ikkonsagrata hi xi kompetizzjoni fejn wieħed jingħata bl-eżatt? Nifhem! Fil-fond hemm il-biża’ li jkun hemm min jieħu l-opportunità u jgħaffeġ bla ħniena fuq l-oħrajn. U x’jimpurtah jekk iġiegħel ibatu lil ħutu! Dan hu skandlu kbir! U, il-ħasra hi li dan it-tip ta’ skandlu jibqa’ għaddej qisu mhux hu għax mhux wieħed minn dawk l-iskandli li jolqot l-ewwel faċċati tal-aħbarijiet!

Il-ħajja ikkonsagrata hi rilevanti l-għaliex hi komunità msejħa mill-Missier biex timxi fuq il-passi ta’ Ġesù Ibnu u Ħuna. Għedt komunità. Bit-tlajja’ u l-inżul tagħha. Ejja nerġgħu ngħidu l-kelma: Komunità! U mhux komuniżmu! Il-komunità sabiħa! Għandna bżonnha daqs il-ħobż. Wara kollox il-Mulej innifsu hu komunità. Il-komunità Trinitarja, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Imma komunità, minnha nnifisha, tirrispetta, tinkoraġixxi u tieħu ħsieb lill-individwi kollha li jagħmluha. Mela, f’komunità qatt u qatt m’għandu jkun hemm il-klikek tal-ipprivileġġjati u l-ippreferuti u dawk ta’ taħt il-madmad. Ta’ min hu infurmat b’kollox u ta’ min hu sajjem minn kollox. Ta’ min xejn ma japplika għalih u ta’ min il-liġi tapplika biss għalih.

F’komunità kulħadd għandu jħossu milqugħ. U qatt milqugħ biex jiġi użat. Jew migdum bl-iskuża tal-komunità u tal-komunjoni. Huwa sabiħ li ssir emfażi fuq it-talb. Imma x’jiswew it-talb, ir-rikrejazzjoni u l-atti komuni jekk il-komunità tkun imsewsa bil-klikek, bl-antipatiji u bit-tgergir minn wara dahar xulxin? Il-komunità m’għandha qatt u qatt toħnoq l-individwu. Għax, jekk dan iseħħ, allura veru li l-komuniżmu għadna ma ħlisniex minnu!

Il-ħajja ikkonsagrata hi ħajja ta’ sagrifiċċju. Għadni ma ltaqjt ma’ l-ebda komunità reliġjuża li fiha m’għandiex il-martri tagħha. Minix qiegħed ngħid għal min jeqred biex jieħu dak li jrid. Inkella jgħir. U jaqa’ fil-mibegħda u l-vendetta. Le! Qiegħed ngħid għal dawk il-membri li, mal-ewwel bżonn, dejjem issibhom ħa jagħtu d-daqqa t’id tagħhom. Dawn il-membri tassew huma ta’ min ifaħħarhom. U, jekk dawn il-membri mhux dejjem isibu lil min jagħmlilhom kuraġġ minn ġewwa, u dan iseħħ għal diversi raġunijiet, fosthom l-għira u l-għatx għall-kontroll, l-Ispirtu s-Santu jfaħħarhom permezz tan-nies komuni. Iva! Għax, irridu jew ma rridux nemmnuha, l-Ispirtu s-Santu jaħdem permezz tan-nies komuni. Dawk li ma studjawx. Għax dawn m’għandhomx lil min jilgħaqu jew jogħġbu biex jieħdu xi favur. Dawn jgħidu dak li jħossu li l-Ispirtu s-Santu qed jgħidilhom biex jgħidu.

Ir-rigal tiegħi għall-Jum il-Ħajja Ikkonsagrata huwa din is-silta li Ġesù tani mid-Djarju ta’ Santa Fawstina u li issa nixtieq naqsamha magħkom.

Illum kont qiegħda nitkellem mal-Mulej u Hu qalli, Hemm erwieħ li ma nista’ nagħmel xejn magħhom. Dawn huma erwieħ li l-ħin kollu joqogħdu josservaw lill-oħrajn imma ma jafu xejn x’inhu jiġri ġewwa fihom stess. Il-ħin kollu jitkellmu fuq l-oħrajn, ukoll fil-ħinijiet ta’ skiet assolut, li hu riżervat sabiex huma jitkellmu miegħi biss. Erwieħ imsejknin, huma ma joqogħdux jismgħu kliemi; jibqgħu vojta minn ġewwa. Ma jfittxunix ġewwa l-qalb tagħhom stess, imma fi tpaċpiċ vojt, fejn lili qatt ma ssibni. Huma jħossu vojt ġewwa fihom, imma ma jagħrfux il-ħtija tagħhom stess, filwaqt li erwieħ li fihom Jiena nsaltan bis-sħiħ dejjem iġegħluhom iħossu rimors. Minflok ma jikkoreġu lilhom infushom, il-qlub tagħhom jintefħu bl-għira, u jekk ma jiġux f’sensihom, jibqgħu jgħoddsu iktar ‘l isfel. Qalb, li s’issa hi għajjura, issa tibda timtela bil-mibgħeda. U huma jkunu diġa’ f’xifer l-irdum. Jgħiru għar-rigali li Jiena nagħti lill-erwieħ l-oħrajn, imma huma stess la huma kapaċi u lanqas iridu jilqgħuhom (Djarju, 1717).

Nissuġġerixxi li kull komunità u persuna ikkonsagrata f’Malta u f’Għawdex taqbad dan il-kliem ta’ Ġesù u tagħmlu fi gwarniġġ u tagħtih lil kull membru tal-komunità. Kopja ta’ dan il-kliem għandha titpoġġa wkoll fil-kamra tal-ikel, tar-rikrejazzjoni u fil-kappella.

Jekk il-ħajja ikkonsagrata tfiq minn dan il-kankru nemmen li għandha futur sabiħ f’pajjiżna u kullimkien.