Bħalisssa qed tagħmel il-kesħa!


Taqblu miegħi li bħalissa, f’pajjiżna, aqta’ kemm qed tagħmel kesħa! Tgħid fetaħ il-freezer? Min jaf? Li naf hu li ħafna, fosthom jien, aqta’ kemm iħossuhom mirżuħin bil-bard! Għax kollu santu ċajt! Il-kesħa dejjem kesħa! U allura, u bir-raġun, li int u jien ngħidu, għalenija, Kemm kesaħ!

Imma din il-biċċa, ta’ daqskemm kesaħ, turina ħaġa oħra wkoll ħbieb! Kemm hawn min, għal xi raġuni jew oħra, jgħix fil-kesħa! U, jekk jogħġbok, jgħix fil-kesħa, mhux fix-xitwa. Imma anki fl-eqqel tas-sajf. Waqt li ħaddieħor ikun qed jegħreq fuq li jegħreq fl-ilma. U meta kulħadd ikun galor taħt l-air condition! Hawn min f’qalbu u f’qalbha aqta’ kemm teżiżti kesħa kbira! Dik il-kesħa li ma tmurx malajr. Kif ġieb u laħaq! Anzi! Hija l-istess kesħa li, skont il-poeta Dante, tħaddan l-istess tron ta’ dak ta’ denbu twil fl-infern.

Kerha ħbieb il-kesħa tal-mibegħda siekta. U kerha l-għaliex, l-ewwel vittma tagħha, m’huwiex le għal min din il-kesħa hi indirizzata. F’envelopp mingħajr bolla. Għall-kuntrarju! L-ewwel vittma tagħha hu min jbejjitha f’qalbu u f’qalbha! Issa dan lili l-isptar dejjem ifakkarhuli għax jagħtiehuli pront pront fuq imgħarfa tad-deheb! Kemm il-ħajja hi qasira! Forsi uħud, bħalissa, waqt li qed jaqraw dawn il-ħsibijiet li l-Mulej qed jagħtini dalgħodu, f’qalbhom, waqt il-boqqa tal-kafè u t-tè u l-gidma tal-ħobża mixja tal-Malti jew ta’ ma nafx ta’ liema ġens, qed jgħidu: Iva dan dejjem l-istess jikteb? Ħbieb, int u jien mhux kelma waħda ngħidu u tant kemm nippretendu li jgħidulna u li nirċievuha? U, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt jekk xi ħadd ifettillu jxellifilna? Għax, u fil-fatt, mhux kelma waħda li lilna tagħtina l-ħajja? Mhux il-kelma MĦABBA, int u jien, għandna bżonn?

U kemm insemmuha din l-imbierka kelma! Għax tassew hi mbierka! U mbierka fil-veru sens ta’ kelma! Mur warrab din il-kelma ħabib u ara x’issib? Xejn għajr kesħa! Kesħa! Kesħa!… Il-wiċċ jibjad. Isir tal-irħam. Il-ħarsa, minflok ta’ bniedem u bniedma, issir ta’ dak. Iva. Ta’ dak ta’ taħt San Mikiel. Avolja taf tiddakkar mill-pulitizza. Imma, fl-essenza, ta’ dak tkun!

Kemm tagħmel ħsara din il-kesħa ħbieb! Kemm treżżaħ qlub! Kemm tmarrad persuni! Kemm tiftaħ feriti! U, ġieli, din il-kesħa tiġi minn min suppost li jaf aħjar. Abbli tiġi minn min jippriedka. Bħalma taf tiġi minn xi ġenitur jew min xi ħadd li hu responsabbli ta’ ħafna nies. Imma, il-kbir Ġesù, il-qaddis Ġesù, il-ġenju Ġesù, iqaxxarha mill-qiegħ nett il-ħaġa. Kif jaf hu! Insomma, a la Ġesù! U dan jagħmlu meta jgħid: Mhux kull min jgħidli, ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet! (Mt 7 :21). Smajtu Patri? Smajtu Dun? Smajtuha Swor u Eċċellenza? Smajtha Marì u Ġanni? Int, Dr, smajtha? U, int Profs? Smajtha? Ġenitur u onorevoli, smajtuha iċċaqċaq?

Eh ħbieb! Kemm hu faċli d-diskors! Għax id-diskors bħal butir! U ejja issa nkunu sinċieri! Din mhix kwistjoni ta’ kif wieħed jippreżenta ruħu. U lanqas le m’hi kwistjoni ta’ x’impressjoni l-bniedem jista’ jagħti. L-impressjoni, bħalma ittella’ il-pressjoni tista’ tniżżel il-pressjoni! Il-bniedem jikxef min hu mill-essenza li toħroġ minnu. Jiġifieri minn qalbu! Mela ejja, almenu għal darba, inkunu aktar konkreti! Ejjew inkunu umli taħt l-id setgħana tal-Mulej. U, nerġa’ ngħid, almenu għal darba, ejjew inkunu sinċieri magħna nfusna! Ejjew ninħallu! Ejjew inħallu lill-Mulej iħollna! Ejjew nissaħħnu bl-imħabba li tfisser maħfra!

Ma tagħmilx sens ħbieb inqatta’ ħajti b’qalb tal-ġebel għal min naqasni. Ma tagħmilx sens li ngħaddi l-jiem kollha ta’ ħajti nikkomplotta kontra min għamilli l-ħsara. Għaddew il-gwerer bierda. Għaddew iż-żminijiet tal-ispiji. Għaddew l-għexiren tas-snin meta, ta’ bnedmin, konna niddelettaw bil-microchips tal-ispjunaġġ. U, fuq kollox, spiċċa ż-żmien tar-rikatt bil-pulit.

Le ħbieb! Ejjew inxammru jdejna u naraw x’nistgħu nagħmlu biex infiequ mill-mibegħda fina li, bħal kesħa, tidħlilna fl-għadam tal-ispirtu tagħna u letteralment therriehulna. Nifhem li jkun hemm id-differenzi. Imma allura? Mhux għalhekk aħna sbieħ x’kull waħda? Għax ilkoll differenti! Wara kollox ejjew inħarsu lejn id-differenzi ta’ bejnietna b’mod mill-isbaħ biex nidħlu fid-dinja ta’ xulxin. Imma żgur mhux biex naqilbuha ta’ taħt fuq u, waqt li nqattċu lil xulxin minnha, imbagħad nagħmluha kif jidhrilna aħna. Dak qatt! Ejjew li, mill-laqgħa tagħna ma’ xulxin, nħallu lill-Mulej jgħinna ħa nibnu xi ħaġa tassew sabiħa. Xi ħaġa li tagħmilna familja.

Għalhekk, l-appell sempliċi tiegħi, ta’ Patri, hi li nwaqqfu l-gwerrer bierda li ilhom għaddejjin is-snin fostna. Ejjew nibdew nitħaddtu flimkien. U, fuq kollox, ejjew nitgħallmu nirrispettaw lil min ma jaqbilx magħna billi nagħtuh spazju ħa jgħix il-konvinzjonijiet tiegħu, iddettati mill-kuxjenza tiegħu, b’ħafna serenità. Sakemm, u ovvjament, dak li jemmen fih ma jmurx kontra t-tajjeb fih innifsu u kontra l-ġid komuni.

Il-ħajja ħaġa tgħallimni ħbieb: x’ġid hemm lest għalija meta ninfetaħ għall-ieħor u għall-oħra! Mela, ejja nxammar il-kmiem u nħalli lill-Mulej jibdilni permezz ta’ dik il-persuna li, għal ħafna snin, jien bnejtilha l-ħajt. U dak il-ħajt li, biex ngħid il-verità kollha, kien bil-wisq agħar u agħar minn dak ta’ Berlin.

Wara kollox, baqagħlna kemm baqagħlna ħajjin, ejjew nivvalorizzaw lil xulxin. Għax, iva, mingħajr xulxin ngħixu fis-Siberja tal-ħażen. Imma, flimkien, ngħixu r-rebbiegħa tal-paċi, tat-tolleranza, tas-solidarjetà u tar-rispett tal-kuxjenzi ta’ xulxin. Liema kuxjenzi jagħmluna aktar u aktar viċini lejn nies li ma jaqblux magħna u ma jaħsbuhiex bħalna! Mela ejja issa nidħlu flimkien fil-microwave tar-rikonċiljazzjoni!