Opportunitajiet fil-maltemp


Bħalissa l-influwenza Alla jberikha! Galor! Ejjew sal-isptar u taraw kemm hemm pazjenti mħabbtin biha!

Minkejja l-organizzazzjoni u l-ksir ir-ras biex jissolvew xebgħa problemi irridu nirrikonoxxu ħaġa waħda: aħna bnedmin!

U, nagħmlu kemm nagħmlu biex nippruvaw nfejqu u nikkuraw id-dgħjufija tagħna, anki f’saħħitna, xorta waħda jibqa’ il-fatt li saħħittna hi dik li hi. Minkejja daqshekk avvanzi fix-xjenza xorta iva jibqgħu jiġu dawk il-mumenti u dawk il-ġrajjiet f’ħajjitna fejn, nagħmlu kemm nagħmlu, naħdmu kemm naħdmu, nippjanaw kemm nippjanaw, ma nistgħu nagħmlu propju xejn.

Il-jiem maratona ta’ xogħol li jien u sħabi l-patrijiet qed ikollna, partikolarment f’dawn iż-żminijiet fl-isptar, liema ġranet inħobb insejħilhom jiem ir-Real Madrid, għax letteralment ma tieqafx tiġri l’hemm u l’hawn mal-isptar, jgħallmuni ħaġa importanti: Imbierek u imbierka fil-ħajja min, minkejja daqshekk diffikultajiet, ma jaħrabx mis-sitwazzjoni! Jiena nista’ insib elf raġuni biex, lejn l-isptar, ma nersaqx. Abbli uħud minnhom ikunu veri. Oħrajn imġebbdin. Filwaqt li oħrajn sempliċiment gideb edukat u pulit. Madankollu, u dan qed ngħidu għalija personali, l-għaliex huwa jien li rrid nirrispondi għalija nnifsi quddiem il-Mulej u allura ma nistax le nirrispondi għal ħaddieħor, din is-sitwazzjoni lili qed tgħallimni biex nara d-diffikultajiet li nħabbat wiċċi magħhom bħala riżorsi! Opportunitajiet!

Ġieli niltaqa’ ma’ staff li, bħali, jkollhom ix-shifts tagħhom tar-Real Madrid. Nerġa’ ngħid: mhux l-għaliex preparamenti ma jsirux. U lanqas l-għaliex programmazzjoni ma ssirx. Anzi! Issir fuq li issir! Imma l-umanità tagħna dik li hi: Dgħajfa! U, tant kemm hi dgħajfa, li f’dawn il-mumenti iebsa faċli tikkrolla. L-aktar l-imsejkna ħutna anzjani.

Imma anki f’dawn il-waqtiet diffiċli għalija bħala Kappillan f’Mater Dei il-Mulej qed jgħallimni din: Ħalluni nieħu ħsiebkom waqt dawn il-mumenti iebsa! Kos hux! M’hemm xejn isbaħ minn meta aħna, il-ħaddiema, li naħdmu u niġru mal-isptar, nitgħallmu nieħdu ħsieb xulxin! Sbieħ il-korsijiet! Meħtieġa s-sezzjonijiet għand il-psikoloġi. Imma, u issa ejjew ikollna saqajna mal-art, irridu wkoll nitgħallmu kif nagħtu l-ewwel għajnuna lil xulxin. Kif nieħdu ħsieb xulxin waqt mumenti qawwija ta’ stress.

Dawk il-kurituri tal-isptar, (li nzertaw ftit qosra, veru?), nistħajjilhom jigdmu idejhom għalija imma, u fl-istess ħin, jitbissmuli wkoll. Jigdmu idejhom l-għaliex, imsieken, mhux l-ewwel darba li nsemmihom fil-batal. Aħfruli kurituri! Il-verità ma nistax naħrab minnha! Inkella inkun giddieb. Jew aħjar bla togħma. U nispiċċa mibżuq. It-tieni nett imma, dawn il-kurituri nħosshom jitbissmuli. L-għaliex, fl-argumenti li jkolli magħhom, dejjem minħabba fihom, il-Mulej jagħtini s-soluzzjoni. U liema soluzzjoni?

Min jiltaqa’ miegħi fl-isptar jaf li l-Mulej iħobb jagħtini dik it-talba waqt li nberrikkom biż-żejt tal-paċi (u mhux tas-sagrament tal-morda!). Iva x’inħobb nitlob magħkom? Mhux it-talba: Mulej iċċarġjah u iċċarġjaha bl-Ispirtu tiegħek, l-Ispirtu s-Santu? Kemm hi sabiħa hux! U sabiħa mhux għax qlajtha minn żniedi jien tafux. Iżda l-għaliex hi frott it-tnebbieħa tal-Ispirtu s-Santu stess! Mela, xi ħaġa tiegħu f’tiegħu!

Il-benefiċċju ta’ din it-talba tgħidhuli intom stess: Patri! Kemm għandi bżonn niġi iċċarġjat u iċċarġjata! U jien, bid-daħka, inħobb inweġibkom: U jien ukoll tibżax għandi bżonn niġi iċċarġjat! Tiċċajta! L-aktar f’dawn il-ġranet tar-Real Madrid! Ġranet kompressuri! Imma, meta nitħaddet magħkom b’dan il-mod, inħoss li hemm fejqan kbir għalija u anki għalikom. L-ewwel nett, m’aħniex le naħarbu mir-rejaltà. Fl-isptar hemm xogħol kbir. Xogħol li dejjem jikber. U, dan ix-xogħol, qiegħed jiġi magħmul minn nies li saħħithom hi limitata. Għax nies tad-demm u l-laħam huma. U, meta wieħed jitħaddet mis-saħħa, qed jitħaddet fuq xi ħaġa prezzjuża u dgħajfa. Mela, tajjeb li nkunu rejalistiċi fuqha. U, it-tieni, hemm l-aspett ta’ tama. Hemm arah il-Mulej ħi! Li nieżel bix-shorts u bil-flokk ħa jilgħab il-logħba magħna! Għalih, aktar jixraqlu li joqgħod fuq il-bank hux! Ħa jidderieġi minn hemm! Naħsbu jien u int li naraw sa mneħirna! Għax bnedmin. U bnedmin dgħafja! Imma l-Mulej qaddis sieħbi! Hemm arah! Niżel fil-kurituri tal-Isptar. Ħa jiċċarġjana bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu!

Issa, din l-esperjenza, lili tgħallimni ħafna u ħafna. L-ewwel nett tiġbidli widnejja meta waqajt fil-pessimiżu u qtajt qalbi. Għax ħallejt din l-isfida ssir għalija tsumani. Imma, meta l-Mulej tani l-grazzja li numilja ruħi quddiemu, u ninqata’ mill-misħut Narċisju tal-infern, imbagħad bdejt nara d-dawl. Bdejt nara orizzont ta’ tama u ferħ. Iva, bdejt infieq!

Is-sabiħa hi li, din l-esperjenza, qed tgħallimni x’jiġifieri nkun Patri Kapuċċin. Li nkun man-nies. U għan-nies. Li, għax jien bniedem bħalhom, parti minn kunjomi hu Limited. Imma, għalkemm jien Limited, meta nħalli lilU jieħu over, Hu jagħmilni bħalu: Invincible. Mhux biex naħkem imma biex inservi. Lanqas biex nixxammar imma biex aktar nitbaxxa. Mhux biex nillamta ruħi għax bil-penz imma biex inħaddan ma’ qalbi dik il-boilersuit Kapuċċina.

Imbagħad, meta jsirli l-ħin, ħalluni mmur naqra sal-bar (jew, kif jgħidhuli xi wħud, ir-restaurant) ħa nieħu cappuccino ħbieb. Biex, iva, inkun nista’ nħallieh jiċċarġjani permezz tal-kafè. Ħa nkompli, b’ferħ kbir, naqdikom f’ħutna l-morda. Anki jekk kunjomi jibqa’ Limited.

Kos hux! Kemm hu sabiħ għalija li nkun magħkom fl-Isptar! Għax x’noqgħod nagħmel il-kunvent innewwaħ, ingerger u nimrad?! Kemm hu isbaħ li nara lil Ġesù fikom, intom għeżież morda! Li, fl-esperjenza ta’ Franġisku t’Assisi, kontu intom li begħdtuh u ħlistuh minn Narċisju tal-infern u għamiltuh jixbaħ lil Kristu. Għax, kontu intom iva li għallimtuh li fil-maltempati tal-ħajja hemm biżibilju opportunitajiet! Hemm biżibilju fejqan!