Bdew iwaddbu t-tagħbija l-baħar


Illum, l-10 ta’ Frar, hi l-Festa tan-Nawfraġju ta’ Missierna San Pawl fuq Gżiritna. Illum infakkru wkoll il-magħmudija ta’ Malta tagħna. Għax illum hija l-Festa tal-ftuħ il-għajnejn ta’ missirijietna minn San Pawl għall-fidi vera u li tagħti l-ħajja. Il-fidi f’Sidna Ġesù Kristu Sidna.

Kollox sew! Dan il-fatt jista’ inissel fina sentiment ta’ ferħ. U ta’ kburija wkoll! Mhux ċajta tafux li, minn tant pajjiżi fil-Mediterran, in-naqra ta’ gżira tagħna ġiet magħżula mis-Sema biex lilha tiġi mħabbra l-fidi. Mhux ċajta li, l-Appostlu Pawlu, il-kbir Appostlu, il-Mulej ippermetthielu li jinkalja fuq Gżiritna. Anki jekk hu kien ta’ fehma oħra. Tant hu hekk li qabel inkalja fuq Gżiritna qal lill-baħrin: Ħbieb, kien imisskom smajtu minni u ma tlaqtux minn Kreta; kontu teħilsu minn din il-ħsara u dan it-telf (Atti 27:21).

Imma anki f’sitwazzjoni kerha bħal din, minnha wkoll taf toħroġ it-tama. U, din it-tama, tinstab eżattament fil-vers ta’ wara, fi kliem Pawlu stess, meta qal: Imma issa nwissikom biex tagħmlu l-qalb, għax ħadd minnkom m’hu se jitlef ħajtu; il-ġifen biss jintilef (Atti 27:22). Hemm hi t-tweġiba tal-Mulej! Aktar u aktar quddiem il-qtiegħ il-qalb tal-bniedem li malajr jaħseb li għalih, issa, spiċċa tabilħaqq kollox. Għal dan il-bniedem li jibża, il-Mulej jgħidlu biex jagħmel l-qalb. Għax, jekk jittama fih, mhux ħa jintilef! Jintilef biss dak li mhux ta’ fejda għalih. Li, illum hawn u għada le!

Din l-esperjenza ta’ tempesta, li sseħħ fil-baħar tagħna, il-Mediterran, il-mare nostrum skont ir-Rumani, hija wkoll l-esperjenza tiegħi u tiegħek. Aħna wkoll, bħal San Luqa li qed jirrakkonta dan ir-rakkont drammatiku, u sħabu, fosthom San Pawl, nistgħu ngħidu li t-tempesta ħabbtitna (Atti 27:18) wkoll. Anzi, u din nazzarda ngħidha, kemm it-tempesti qed iħabbtuna! U jħabbtuna ’l hawn u ’l hemm!

Il-ħasra hi li, mingħajr ma nkunu nafu, nispiċċaw ngħaddu mill-istess esperjenza li għadda minnha l-ġifen ta’ Pawlu. Jiġifieri li nkunu mgħobbijin! U kemm hawn minna li aħna mgħobbijin! Kemm nfettqu u nagħmlu plejtu fuq il-piż żejjed. Ħallieha li għandna raġun inkunu ftit iebsa magħna nfusna. Ħeqq, li jkollna ftit piż żejjed xi nġorru żgur li mhux taċ-ċajt. Żgur li l-Mulej ma ħalaq lil ħadd gwardarobba. Jew ċanġun. Inkella tank tal-erbgħin. Dawn nużawhom biex nibnu, ngħammru lil djarjna u biex naħżnu l-merkanzija. Imma qatt biex insiru bħalhom aħna!

Il-biċċa hi li ħafna minna, biex ma ngħidx ilkoll kemm aħna, minn ftit u minn wisq, qed nitqalu wisq! Qed nitgħabbew iżżejjed! L-ewwel nett b’xogħol li jista’ jistenna. Iva! Hawn xogħol u xogħol. Ċertu xogħol nistgħu nħalluh għal drabi oħra. Mela kif bilfors irrid nagħmel kollox issa? U f’daqqa? Impossibbli!

Imbagħad, u din hi tassew ħasra l-għaliex is-saħħa mentali tagħna qed tmur fin-nofs, ħafna qed iħossuhom imtaqqla bil-ħsibijiet. Kemm hawn min dgħajjef is-saħħa mentali tiegħu u tagħha bil-ħsibijiet. Kemm sirna ninkwetaw u nkissru rasna fuq ix-xejn! U anki fuq il-ħafna wkoll! Nifhem li uħud mis-sitwazzjonijiet ma tistax ma taħsibx fuqhom. Iżda li nkisser rasi b’tali mod li nibbalzma ruħi u ma nitħarrikx din gravi ħafna ħej!

Min jaf hux l-għaliex qed jiġrilna hekk? Forsi l-għaliex qed nintemgħu l-gidba li ħajjitna, biex tkun ‘normali’, trid tkun bilfors mingħajr problemi? Fil-fatt, u issa irridu nkunu tassew sinċieri magħna nfusna u quddiem il-Mulej, ħajja bħal din, bla problemi ta’ xejn, fil-verità, teżiżti? Ħafna qed jirrikorru għal ma nafx kemm-il ħaġa bit-tama li jinħelsu mill-problemi li l-ħajja toffrielhom ta’ kuljum. Naħseb li ħafna aktar milli nwaħħluha f’rasna li rridu ngħixu ħajja bla problemi nagħmlu tajjeb ħafna jekk nibdew nitolbu aktar. Għax bit-talb biss jista’ l-Mulej iwaddbilna t-tagħbtija tagħna l-baħar u hekk nkunu nistgħu naslu qawwijin u sħaħ lejn id-destinazzjoni tagħna, Ġerusalemm tas-Sema.

Ħajja bla problemi ma teżiżtix. Anzi! Il-problemi jikbru jistgħu u mhux jonqsu! Mela ejja nitħejjulhom bit-talb. U hekk, tkun kemm tkun qalila t-tempesta, tkun il-qawwa tal-Mulej fina li, għax niftħulu qalbna bit-talb u nħalluh jaħdem fina, jkun jista’ jagħtina s-saħħa li nwaddbu t-tagħbija tagħna l-baħar.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.