19- Sitt Passi Biex Issolvi Problema


Insellimlek! Tiftakar meta kellek bżonn tagħmel xi ħaġa daqsxejn diffiċli u ma kontx taf fejn ser tibda? Tixtieq issolvi xi problema biex ħajtek tkun aħjar? Tixtieq toħloq xi ħaġa ġdida sabiex ittejjeb xi ftit id-dinja ta’ madwarek imma forsi qed taraha bi kbira wisq?

19F’ċirkostanzi bħal dawn, tista’ taqsam dak li għandu jsir f’biċċiet iżgħar. U tagħmel kollox biċċa biċċa, pass wara pass. Hekk, ma ttikx rasek! Jekk inti anzjuż, jew anzjuża, dwar il-futur, tajjeb li tieħu r-riedni f’idejk b’xi metodu bħal dan. Parti mill-futur tkun qed toħolqu int. Int u tagħmel dan, jinbtulek ħiliet ġodda u kunfidenza ġdida – tkun qed tissaħħaħ. Jekk tkun qed taħdem ma xi ħadd – ħbieb, ġirien, kumitat, eċċ – kważi bilfors tuża xi metodu ta’ pass wara pass, ħalli kulħadd ikun qed jaqdef flimkien. Ejja naraw metodu magħruf u flessibbli ta’ kif taħdem pass pass biex issolvi problema jew tilqa’ xi sfida.

Fil-qosor: 1. Ikteb il-problema jew sfida x’inhi; 2. Ikxef il-kawżi; 3. Oħloq ħafna soluzzjonijiet possibbli; 4. Agħżel soluzzjoni; 5. Wettaq is-soluzzjoni; 6. Qis it-twettieq.

∞Ω∞

1. Ikteb il-problema x’inhi

Ikteb, fil-qosor kemm jista’ jkun, il-Problema jew Sfida x’inhi.

Eżempji ta’ problema: “Il-pensjoni mhix biżżejjed”; jew “M’għandix ħiliet jew kwalifiki jew esperjenza tajbin għal impieg.”

Eżempji ta’ sfida: “Nixtieq noħloq grupp ta’ sostenn għal min hu bħali”; jew: “nixtieq inħajjar lit-tifla titgħallem l-Ingliż sew”.

2. Ikxef il-kawżi

Ikteb lista: x’inhuma il-Kawżi tal-problema? Kawża tfisser xi ħaġa li ħolqot, jew qed tmantni, il-problema. Jekk minflok problema għandek sfida, il-lista tkun: x’fatturi qed iwassluni biex naffaċċja din l-isfida?

Eżempju ta’ kawża: “Ma nafx nagħmel baġit.” Eżempju ta’ Sfida:
“Nixtieq ngħin”.
[Jekk ikun hemm bżonn, erġa’ lura għall-ewwel pass.]

3. Oħloq ħafna soluzzjonijiet possibbli

Ikteb, bla ċensura, lista ta’ bosta soluzzjonijiet li jiġuk f’rasek, speċjalment dawk li bihom jitneħħew, jittaffew, jew jingħelbu il-kawzi tal-problema. Tagħżilx fost dawn is-soluzzjonijiet f’dan il-Pass. Importanti ħafna li ma tiktibx soluzzjoni waħda biss. Ikteb; iżżommx il-lista f’rasek biss. Ħalli ’l moħħok ikun liberu u kreattiv biex joħloq diversi soluzzjonijiet. Għalhekk, tiċċensurax lilek innifsek għalissa, u tibżax tnizzel xi soluzzjonijiet tad-daħq. Ħu gost f’dan il-pass kreattiv.

Eżempji ta’ Soluzzjoni: “nagħmel kors tal-kompjuter”; jew “noħloq websajt”; jew “napplika għal fondi”; jew “niftħu intrapriża”.
[Jekk ikun hemm bżonn, erġa’ lura għal xi pass minn ta’ qabel.]

4. Agħżel soluzzjoni

(a) Ikteb il-kriterji li bihom għandha tingħażel soluzzjoni. “Kriterji” huma standards jew “rigi” li għandom jintużaw biex tqis kemm hi tajba kull soluzzjoni. B’liema riga ser tqis is-soluzzjonijiet li ġewk f’rasek? Eżempji ta’ “rigi” jew kriterji: Li ma tqumx ħafna flus; li tista’ titlesta malajr; eċċ.

(b) Qis, waħda waħda, is-soluzzjonijiet fid-dawl ta’ dawn il-kriterji. Jekk jiġuk idejat għal soluzzjonijiet oħra, żid soluzzjonijiet ġodda. Tista’, jekk trid, torbot xi soluzzjonijiet flimkien.

(c) Agħżel soluzzjoni.

(d) Aħseb sew: “X’jista’ jmur żmerċ meta nwettaq din is-soluzzjoni?” u jekk ikun possibbli, agħmel dawk il-bidliet fis-soluzzjoni li forsi jnaqqsu ċ-ċans li xi ħaġa tmur żmerċ.

[Jekk ikun hemm bżonn, erġa’ lura għal xi pass minn ta’ qabel.]

5. Wettaq is-soluzzjoni

Agħmel pjan sabiex tiġi mwettqa s-soluzzjoni li għażilt. Fil-pjan ikun hemm l-azzjonijiet li jeħtieġ jittieħdu, u d-data ta’ meta ser jittieħdu.

Waħda mill-azzjonijiet tkun li iżżomm rekord ta’ x’azzjonijiet ittieħdu, u xi progress ikun qed isir.

Wettaq il-pjan, jiġifieri: agħmel l-azzjonijiet ippjanati, u żomm rekord fi ktieb jew fajl apposta.

[Jekk ikun hemm bżonn, erġa’ lura għal xi pass minn ta’ qabel.]

6. Qis it-twettieq

Wara li l-pjan għas-soluzzjoni tiegħek ikun beda jitwettaq, jew ikun ġa twettaq, studja kif sejjer, jew kif mar, il-pjan. Twettaq, jew qed jitwettaq tajjeb? Kien pjan tajjeb biex jilħaq is-soluzzjoni magħżula? Is-soluzzjoni magħżula kienet tajba biex issolvi l-problema, jew biex tieħu f’idejk l-isfida li għandek?

[Jekk ikun hemm bżonn, erġa’ lura għal xi pass minn ta’ qabel.]

Dan l-artiklu huwa wieħed minn sensiela ta’ Artikli bit-tema: Inħeles Minn Ġewwa. Għodda biex tgħin lilek innifsek meta jkaxkruk sentimenti tqal. Publikazzjoni ta’ Servizz għall-Ħelsien Emozzjonali Fondazzjoni St Jeanne Antide.

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.