Mit-talb għall-qalb!


Inkun għaddej mill-kurituri tal-isptar Mater Dei. Bil-ġiri! L-għaliex, il-bżonnijiet f’dan l-isptar ta’ bla tmiem, huma ħafna fuq li ħafna. U, kif għadu kemm jgħallimni l-Mulej, sewwasew ħdejn sodda ta’ pazjent f’dawn l-aħħar jiem: Il-Mulej, u warajh il-poplu Malti u Għawdxi, tassew iva li jixraqlu fuq li jixraqlu s-servizz tiegħi bħala kappillan sempliċi fl-isptar!

Qed ngħid dan mhux l-għaliex jien xi ħadd speċjali tafux! Lanqas xejn! Iċ-ċoqqa li nilbes aktar tagħmilni ħaddiem komuni. Mingħajr il-magħruf penz! Għax jien nilbes il-boilersuit u mhux xi ilbies imlellex. Biex nidher ħa ngħammex. Hekk! Għax-show! U, biex issa nirritorna mill-ġdid għall-ewwel biċċa tas-sentenza li l-Mulej għadu kemm jagħtini grazzja li nikteb, il-Mulej tassew li jixraqlu fuq li jixraqlu s-servizz tiegħi. L-ewwel nett, l-għaliex hu s-Sid u s-Salvatur ta’ kulħadd (mela tiegħi l-ewwel wieħed. Jien, li aqta’ kemm għandi bżonnu!). Filwaqt li, it-tieni nett, il-poplu Malti u Għawdxi, l-għaliex kull Malti u Maltija, Għawdxi u Għawdxija, huwa iben u bint l-aktar għażiż u għażiża tal-Mulej, hu u hi l-għażiż ħija u l-għażiża oħti!

Il-ġurnata niftakarha sewwa. Fil-fatt, niftakar li kont għadni kemm mort nassisti persuna li kienet għadha kemm ħalliet din id-dinja. Liema dinja l-isptar jurini fiċ-ċert, u bl-akbar ċertezza indiskuttibbli, li hi Wied tad-Dmugħ. Qalbi ġiet minfuda tara dik is-sitwazzjoni ta’ telfa. U, telfa wara telfa, ma stajtx ma nħossnix jien ukoll niexef minn ġewwa. Nerġa’ ngħid: Tassisti l-ħin kollu nies li, wara ftit, jmutu. Inkella tisma’ u tilqa’ kontinwament u mingħajr serħan ta’ xejn dak id-dulluvju ta’ niket dejjem igelgel mill-familjari tagħhom, u, fuq kollox, li tisma’ wkoll l-uġiegħ li jgħaddu minnu sħabek, il-membri tal-istaff tal-isptar, mhux ċajta tafux! U dan kollu iseħħ fi skiet li taqtgħu b’sikkina! Mela ferm u ferm ‘il bogħod minn kull camera tat-televiżjoni u mikrofonu tar-radju!

Madankollu, issa li bżaqt dan id-diskors ħa ngħidha iva kif inhi ħbieb! Dan qed ngħidu mhux għax nippretendi l-camera u l-mikrofonu tafux! Min jaħdem bħali, bil-boilersiut, fl-għalqa tal-Mulej, jaf eżattament x’qiegħed ngħid. Imma li xi ħadd jindejna ruħu itaptaplek fuq spalltek u, imqar, anki jekk se joħroġha minn bejn snienu, jgħidlek: Kuraġġ! Kompli sejjer hekk ħi! tkun tridha! U tabilħaqq li jkollok bżonnha! Mhux hekk? Kos hux! Mela, filwaqt li hu tassew sabiħ, ta’ fejqan, u, iva, attrajenti, li nitħaddtu fuq l-akkumpanjament tan-nies ejja ma ninsewx lil min qed jakkumpanjahom. Ejjew ma ninsewx li l-akkumpanjament fih tabilħaqq prezz xi tħallas! Mela ejja nirrikonoxxuh! U nakkumpanjaw, b’ħafna gratitudni, ġenerożità, umiltà u mogħdrija lil min qed jakkumpanja!

Intant… U, hekk kif ħriġt minn din is-sitwazzjoni ta’ uġiegħ li, firda bħal din biss taf iġġib lil min ikun ikkonċernat, fettilli immur sal-kafeterija. Almenu ħa nieħu ftit kafè hemm. Xejn xejn il-cappuccino jikkonforta lill-Kapuċċin!

Waqt li kont qed nikkjuwja, bil-għan li nieħu l-cappuccino, ħa nserraħ ftit dik id-dieqa li qalbi ġarrbet meta rat lil dawk l-imsejknin familjari jitkissru għall-mewta tal-għażiża tagħhom, ħsieb sabiħ xegħel f’moħħi u dawwal lil qalbi! Għalkemm il-ġurnata, tista’ tgħid, ma għenet xejn, (għax ħi kienet waħda imsaħħba mill-kbar nett!) il-Mulej xorta xegħelli l-ispot light tiegħu. U x’ma jixgħelulhiex ħi! Daqskemm ma jixgħelux lilek! Daqskemm iħobbni! U jħobbok!

U hemm, waqt li kont qed nikkjuwja, għall-kafè, ħdejn il-kanna l-ħoxna l-kaħla, dlonk ġie id-dawl mis-sema! Min jiżra’ fit-talb ifejjaq il-qalb! Il-aħwa x’messaġġ dak ħbieb! WOW! Min jiżra’ fit-talb ifejjaq il-qalb! Sabiħ dan il-messaġġ! Għodu għodu! Wara li kont għadni qed nagħmel l-aħħar tmattira fir-ritwal tat-tmattir. Li jieħu l-ħin! Tahieli l-kelma Leli! It-talb! Li tassew jfejjaq il-qalb!

F’dak il-ħin ma stajtx ma naqsamx dan il-ħsieb mal-persuna li kien hemm quddiemi. Kemm hi tajba din Patri! qaltli. Tajba ħbieb! U tajba ħafna! Għax dik ma kinitix xi ħaġa ikkuppjata. Imma kienet ġejja direttament minnu! L-Ispirtu s-Santu! L-Ispirtu tal-għerf u d-dehen. L-Ispirtu tat-Tiġdid. L-Ispirtu li, fil-Knisja, dejjem iqajjem nies biex jaqduh. Għax il-Mulej jaħseb għall-poplu tiegħu. Jaħseb għall-futur. Ma jintrabat ma’ ħadd ħalli jintrabat ma’ kulħadd. U hekk jaqdi lil kulħadd. Iwessa’ id-doni tiegħu. Ħalli hekk, il-poplu tiegħu, ikollu min jikkofortah. U jieħu tassew ħsiebu.

Imma stenna ħej! Dik it-taqbila li l-Ispirtu s-Santu tani ma kinitx għalik biss. Li issa qed tismagħha. Għall-ewwel darba. Dik it-taqbila kienet, iva, għalija l-ewwel wieħed! Għax jien din it-taqbila għandi bżonn niftakarha fuq li niftakarha! Għalhekk, lil Leli, staqsejtu b’liema talb għandi nfejjaq ‘il qalbi. Meta titweġġa’. Għax inweġġagħha jien. Jew inkella għax iweġġagħhieli dak, dik u dawk. It-tweġibiet kienu tnejn: L-ewwel, il-Kurunella tal-Ħniena Divina. It-tieni, id-diska mill-isbaħ li tistgħu issibuha fuq You Tube, You Say ta’ Laurie Daigle. Il-link għal din il-kanzunetta mill-isbaħ u ta’ fejqan kbir hu: https://www.youtube.com/watch?v=oZvKJl1kK8g

Iva ta! Meta jweġġagħuli qalbi jew inweġġagħha jiena stess se nibda’ nitlob il-Kurunella tal-Ħniena Divina għal min weġġagħni u anki għalija nnifsi. Li nkun weġġajt lil qalbi stess. U, it-tieni, se nisma’ b’ħafna u ħafna attenzjoni u naqra u naqra sewwa, il-lirika ta’ din il-kanzunetta, YOU SAY.

Wara, u qabel kollox, li jgħodd hu: Dak li taħseb u tgħid fuqi int Mulej Ġesù! Mela, x’ma nemminx ħi li bit-talb titfejjaq il-qalb!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.