Evanġelju tal-Ħadd 17 ta’ Frar 2019


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 6, 17.20-26

San Luqa qed jara l-Knisja kif tassew hi diġa fi żmienu. Hija Knisja pproġettata fil-futur u hekk għada sallum minkejja d-dgħufijiet u d-dnubiet kollha ta’ dawk li jagħmluha, dawk li għandhom il-mard tagħhom u mħabbtin mill-ispirti mniġġsa li kultant jieħdu r-riedni f’idejhom, anke fi żmienna, u jaħsbu li qed imexxu huma. San Luqa jurina kif Ġesù ried u għadu jrid li tkun il-Knisja tiegħu f’kull żmien, mibnija minnu f’għaqda mal-Missier magħmula minn nies li huwa għażel, anke dak li jittradih, minn kull ġens u poplu, fil-wita, dawk li jimxu warjah u dawk li huma mxennqa għall-kelma u għall-fejqan tiegħu. San Luqa jurina l-universalità tal-Knisja li l-bnedmin kollha, b’xi mod jew ieħor, min għal raġuni u min għal oħra, jħossuhom miġbudin lejha, jitkellmu dwarha u kurjużi dwar dak li jinsab fiha.

Il-lejl jgħaddih fit-talb. Kien mibgħut biex jagħmel ir-rieda tal-Missier u hekk ried jibqa’ jagħmel sal-aħħar. L-għarfien tar-rieda tal-Missier ma jiġix mix-xejn, lanqas ma jiġi minn dak li wieħed jissoponi, lanqas minn xi rivelazzjoni li sseħħ darba u tieqaf. Ir-rieda tal-Missier Ġesù jistħarreġ dwarha u jagħrafha u jilqagħha fil-lejl fit-talb. Wieħed jistaqsi, jekk hu stess jgħid li hu u l-Missier huma ħaġa waħda, għalfejn ifittex li jitlob, li jingħaqad mal-Missier, jitkellem miegħu u jisimigħu. L-intimità ma’ min tħobb hija l-qofol tal-imħabba li minna tiġi kull enerġija biex tgħix għal dik il-persuna. Il-Konċilju Vatikan II, dwar il-Liturġija, li hija l-qima l-membri tal-Knisja flimkien jagħtu lil Alla u li fiha jisimgħuh jitkellem u jieħdu fihom il-ħajja tiegħu, jgħid li hija l-quċċata u l-fus tal-ħajja ta’ min jemmen. Ix-xewqa tal-imħabba għal Alla twassal il-ħajja ta’ dawk li jemmnu biex tilħaq il-quċċata tagħha, il-milja tagħha, tgħix dak li hu tas-sema minn hawn stess, fuq din l-art, li ħafna drabi tippretendi li hi l-ġenna li ma tintemmx; fl-istess ħin it-talb fil-Liturġija huwa l-fus li miegħu iddur il-ħajja ta’ kull min jemmen. Il-Liturġija mhix ir-riti esterni imma dak li r-riti esterni jfissru u jissimboliżżaw. Hija l-għaqda ma’ Alla fuq il-għoljiet li hija l-quċċata u l-fus tal-ħajja tal-Knisja.

Fl-isfond ta’ din l-għaqda mal-Missier hemm l-għażla ta’ bnedmin li jaħdmu id f’id ma’ Ġesù. Kienu perfetti? Nafu fiċ-ċert li ma kienux. Kienu l-aqwa nies, l-aħjar kandidati, l-iktar lejali, l-iktar edukati, l-iktar iffurmati akkademikament? Żgur li le. Wieħed minnhom ittradih, ieħor ċaħdu, ħafna minnhom għosfru u lkoll kemm huma ħallew it-twerwir jaħkimhom għax kienu bħalna, bnedmin tad-demm u l-laħam. San Luqa meta jitkellem fuq l-arblu tar-razza ta’ Ġesù, il-linja vertikali li turina minn fejn hu ġej, isemmi ħafna nies tajbin iżda jsemmi wkoll nies li kienu magħduda u forsi setgħu kienu hekk ukoll, l-irmixk tas-soċjetà; ried jurina li fir-razza ta’ Ġesù kien hemm iktar minn paljazza waħda. Meta jitkellem dwar dawk li Ġesù stess għażel, il-linja orizzontali tal-kollaboraturi tiegħu daħħal varjetà ta’ karattri kkulurita daqs il-qawsalla. Fit-tnax-il Appostlu nistgħu naraw mhux biss lilna lkoll iżda wkoll lilna nfusna bil-burdati, il-merti, id-dgħufijjiet u l-kapriċċi kollha tagħna. Ħadd m’hu ħażin jew nieqes biżżejjed biex jaħrab is-sejħa ta’ Ġesù. Il-passaturi aħna nużawhom imma meta nużawhom inkunu qe dimmeru lil Alla nnifsu li ma jeskludi lil ħadd.

F’dan l-isfond tal-intimità ma Alla u s-sejħa tal-kollaboraturi ta’ Ġesù, il-Knisja tidher f’wita, fejn m’hemmx għoljiet u ħofor, tidher kbira, folol kbar, minn kull ġens, Lhud u nies mid-dinja kollha ġejjin minn Tir u Sidon, iż-żewġ portijiet fuq il-Lvant tax-xatt tal-Mediterran, bibien għal nies minn kullimkien. Huma n-nies tad-dinja li jiġu biex jisimgħuh u biex ifiqu. Jisimgħuh u mhux bilfors jaċċettawh, imma jiġu; għalfejn għandna ngerrxuhom! Jiġu biex ifiqu; mela huma morda; għalfejn ngħidulhom li biex ikunu magħna jridu jkunu f’saħħithom!

Din hi l-Knisja kif jaraha San Luqa u kif xtaq li tkun, kif emmen li Ġesù riedha tkun.

L-hena mhux relattiv bħall-gost jew il-pjaċir; ma jiddependix mill-gosti tal-individwu u minn dak li jfittex biex jirbaħ għalih innifsu. L-hena huwa stat tar-ruħ li jserraħ lill-bniedem li jġarrbu u jerfgħu f’livell ta’ ferħ li ma jiddepedndix minn dak li jġarrab jew mis-sitwazzjoni li jsib jew iġib ruħu fiha. Ikun minn ikun, iġarrab xi jġarrab l-hena tal-bniedem li jkun merfugħ għal dan l-istat ma jitteħidlu minn ħadd u b’xejn.

Ġesù ma jaqlibx kollox ta’ taħt fuq. Filwaqt li l-bniedem jaħseb li l-milja tal-ħajja hija ħaġa Ġesù jemfasizza li l-milja tal-ħajja li ġġib l-hena jinsab fil-fedeltà lejn dak li hu ta’ Alla u r-rabta tal-qalb miegħu fis-sabar.

Dan il-kantiku x’aktarx li nkiteb fi żmien meta l-komunitajiet insara kienu diġa bdew jiġu ppersegwitati bl-aħrax. Għalina li ma nafux x’jiġifieri persekuzzjoni li twassal għa-telfien tal-proprjetà, tat-twarrib u l-esklużjoni mis-soċjetà, taċ-ċaħda minn impjiegi mal-istat, tal-għarfien bħala ċittadini, tat-telfa ta’ qraba u ħbieb, u saħansitra tal-ħajja, diffiċli nifhmu xi tfisser u allura l-biża’ li ġġib magħha. Nistgħu naraw u naqraw x’jgħaddi minnu ħaddieħor, imma wara ftit ninsew kollox qisu qatt ma kien xejn. Min hu ppersegwitat, għal xi raġuni jew oħra, jgħix f’tensjoni kontinwa, f’biża li ma jieqafx, għalih innifsu u iktar u iktar għal dawk li huma għeżież għalih.

Mhux kulħadd għandu ħila jieqaf dritt u jibqa’ għaddej quddiem sitwazzjonijiet bħal dawn. Uħud jibqgħu imma ħafna jċedu. Meta bniedem jew kommunità huma ppersegwitati minħabba l-fidi, ħaġa waħda tista żżommhom sħaħ u twasslahom biex jissagrifikaw anke l-ħajja tagħhom għal dak li jemmnu fih: l-istess fidi li minħabba fiha huma ppersegwitati. Il-martri li aħna tant niċċelebrawhom bil-kbir għall-ogħla sagrifiċċju li setgħu jagħmlu, huma meqjusa hekk għax il-fidi tagħhom f’Alla u fil-valuri tiegħu tant kienu kbar u qawwija li wassluhom biex bid-deċiżjoni li ma jiċħdux dak li jemmnu fih, juru fihom qawwa li ma tiġix minn xi ħila straordinarja tal-bniedem iżda mill-ħajja ta’ Alla li rawmu biex tgħammar fihom.

Għalhekk San Luqa jemfasizza s-sitwazzjonijiet tal-insara ta’ żmienu u jorbot magħhom l-hena; mhux biss jinkoraġġihom u jqawwihom bi kliem fieragħ iżda qed jurihom il-valur veru, jurihom li s-sitwazzjoni ħażina li qed jgħixu minħabba l-bnedmin, għandha marbut magħha hena li ma jitteħidx. Qed jgħidilhom li minkejja dak li għaddejjin minnu, l-hena li jġarrbu mir-rabta tagħhom ma’ Alla, mhux talli mhux se jintemm, talli jasal għall-milja tiegħu, iwassalhom biex jifirħu u jaqbżu bil-ferħ. Ġenn f’għajnejn il-bnedmin iżda eroiżmu f’għajnjen Alla.

Hemm hena għal min ibati, iżda hemm saħta għal min iġiegħel lil min ibati jew jixtieq it-tbatija ta’ min hu batut, ta’ min hu mġarrab, ta’ min hu mwarrab, ta’ min hu dgħajjef. Sa ċertu punt wieħed jasal biex jifhem, għalkemm mhux jiġġustifika, mibgħeda u xewqat ta’ ħsara għal min jagħmillek id-deni, iżda li tobgħod u tixtieq u tagħmel il-ħsara lil min hu batut u li qatt m’għamillek xejn, tiġbed is-saħta tal-bnedmin u ta’ Alla.

M’hemmx għalfejn immorru ’l bogħod. Ħafna minna naqbżu u nogħlew, b’wiċċna miżbugħ bħall-picti tal-imgħoddi biex mingħalina nbeżżgħu lil xi ħadd, quddiem statwi tal-martri jew ta’ eroj oħra tal-fidi, u mbagħad nintefgħu fuq siġġu komdu b’keyboard quddiemna, imħarsin sewwa fil-kumdità ta’ djarna jew tal-uffiċċji tagħna fejn nitħallsu biex naħdmu, u nirremettu xmajjar ta’ ħdura lejn min kulma nafu dwaru hu li jinsab f’sitwazzjoni mwiegħra. Nista’ nifhem li ma taqbilx ma’ policy, imma li tivvomta l-mibgħeda u allura xxerridha mal-erbat irjieħ tad-dinja, tqanqal l-istinti tal-vjolenza tiegħek innifsek u ta’ ħaddieħor, hija ħaġa li turi safejn il-bniedem jista’ jasal fl-intenzjonijiet malinji tiegħu, b’mod speċjali meta jaħseb li għax qiegħed bejn erba’ ħitan ma jista’ għalih ħadd.

Ġesù jitkellem dwar l-hena ta’ min għaddej mit-tbatija minħabba l-fidi tiegħu. Aħna nistgħu nixhdu għall-frustrazzjoni u d-dwejjaq tagħna li neħduha kontra Alla u dak li Alla hu meta nxerrdu l-mibgħeda anke fuq min mhux biss qatt m’gaħmlilna ebda deni, iżda lanqas biss nafuh.