Tliet Ċrieket


Dan l-aħħar ġie f’idejja ktieb tassew ħelu miktub mis-soċju tas-Soċjetà tal-Mużew Joseph Falzon. Isem il-ktieb hu wkoll interessanti u li jiġbed l-għajn: Tliet Ċrieket u rakkonti oħra.

Lil Joseph ilni issa nafu għal ħafna snin. Sa minn meta kont soċju tal-Mużew lil Joseph minn dejjem niftakru bħala għalliem ħabrieki u anki bniedem li jaqra ħafna. Il-qari għalih huwa l-ħobżna ta’ kuljum. Aktar u aktar dak il-qari li jitfa’ dawl qawwi fuq l-istat attwali tas-soċjetà u ‘l fejn din is-soċjetà se taqbad triqtha.

F’dan ir-rigward għoġobni ħafna l-kumment inċisiv ta’ Paul P. Borġ u li jinsab sewwasew fuq il-qoxra tal-ktieb, eżattament in-naħa ta’ wara. Fih stajt nara ritratt ħaj ta’ min tassew Joseph Falzon. Jikteb Paul P. Borġ: “Joseph Falzon hu osservatur soċjali; jaqa’ f’dik il-kategorija ta’ kittieba li jafu jimirħu fis-soċjetà tal-lum bla beda daqq ta’ trombi, jaf jara d-dawl fejn id-dawl qiegħed jitbaxxa; jaf jara l-weġgħa fejn il-weġgħa qed tikber, jaf jara s-sinjali ta’ kollass soċjali meta l-forzi tal-moderniżmu, tax-xjenza u tat-teknoloġija taħt l-umbrella tal-progress inevitabbli fis-soċjetà, jgħakksu dawk l-elementi li l-bniedem kien tgħallem iħaddan bħala linji gwida morali”.

Meta qrajt dan il-kumment profond tbissimt. Għax lil Joseph dejjem hekk nafu: jaqra u josserva r-rejaltà mgħejjun minn dak li jaqra u anki mill-fidi tiegħu. Għalhekk l-osservazzjoni li jagħmel Joseph tmur ħafna lil hinn minn sempliċiment osservanzi. Anzi! Joseph josserva biex jara kif mid-dlam ikun jista’ joħroġ id-dawl. Minn niket il-ferħ. It-tama minn sitwazzjonijiet li, mad-daqqa t’għajn, jidhru li ma fihomx tama.

Imbagħad, ħaġa oħra li dejjem innnutajt f’Joseph kienet il-fiduċja li għandu fl-istess umanità li hija feruta. Muġugħa. U, iva, mitlufa wkoll. Joseph ma jikkundannahiex. Anzi! Dejjem jislet minnha l-għatx li għandha għall-verità. U proprju fuq dan huwa jiffoka u jkabbru. Xhieda ta’ dan huwa r-rakkont li jitħaddet dwar Marlon li “kien iffissat fuq persuntu u fuq saħħtu” (p.306). Għalkemm “imur il-gym u joqgħod attent x’jiekol” (p.306) Marlon xorta waħda żarietu l-marda tal-kanċer.

Mad-daqqa t’għajn l-istorja tidher tabilħaqq traġika għall-aħħar. Għax verament hi traġika li raġel, b’mara u tifla, kien se jħalli din id-dinja hekk! F’radda ta’ salib! Madankollu ara kif il-fissazzjoni li kellu fuqu nnifsu inbidlet f’devozzjoni lejn il-veru sens tal-ħajja: il-verità li hemm maħżuna fiha. Jikteb Falzon:

“Ġimgħatejn wara li daħal l-isptar, Marlon induna li ħajtu kienet waslet fit-tmiem. Kulħadd għandu għajnejh f’wiċċu. Ma kienx bniedem injorant u kellu ħbieb tiegħu li għaddew mill-istess passjoni li kien għaddej hu. Xi ħaġa li għaġġbet lil martu u lil bintu u ‘l-ħbieb tiegħu kienet kemm kien rassenjat. Qatt ma sabuh irrabjat jew jibki. Kien donnu fil-paċi u mhux indannat. Issa kien wasal mument diffiċli għalih. Xtaq ikellem lil martu u ‘l bintu flimkien” (p.307). Filwaqt li nħalli lill-qarrej jiskopri hu kif dan ir-rakkont żvolġa fil-kitba ta’ Falzon l-imprevedibbli iseħħ. L-għaliex, nemmnu jew ma nemmnux, il-ħajja hi mimlija sorpriżi. U, mimlija sorpiżi l-għaliex imżejna bil-qawwa tar-rakkonti!

Ir-rakkont! Il-qawwa tar-rakkont! U tassew li fil-ktieb, Tliet Ċrieket u rakkonti oħra, hemm tabilħaqq f’hiex wieħed jixxala f’dan ir-rigward! Dan l-għaliex l-awtur jimraħ bl-istrument tar-rakkonti fiż-żewġ taqsimiet tal-ktieb tiegħu. Fil-fatt, fl-ewwel taqsima tal-ktieb, l-awtur jitħaddet minn nostalġija tiegħu tat-tfulija. Hawnhekk ir-rakkont jieħdu fl-ewwel xrar ta’ mħabba, meta beda jikber, iż-żjara tiegħu fl-Indja u l-famuż seminar tal-ixkora. F’din l-esperjenza ħelwa imma dettaljata u mimlija tilja tagħlim wieħed ma jistax ma japprezzax x’hemm fl-ixkora altruwista meta mqabbla ma’ dik egoista. Għalhekk, ir-riflessjoni x’qed nitfa’ fl-ixkora tiegħi?, li wieħed isib miktuba b’tant ħila minn paġna 20 sa 22 tal-ktieb, tagħmel sens tassew kbir.

Meta jitħaddet mix-xbieha tal-ixkora Falzon jitkeb hekk: “Ħajjitna bi bħal xkora mimlija bis-snin jew biż-żmien. Iż-żmien mhux f’idejna għal kollox imma nistgħu ntawluh jew nagħmluh sħiħ billi niedu ħsieb saħħitna u ma nqassruhiex aħna b’idejna stess billi ninfaqgħu bis-sigaretti, ix-xorb, id-drogi u l-ikel żejjed. X’se nitfgħu f’din l-ixkora hu f’idejna u tinfetaħ fil-mument tal-mewt x’ħin nidhru quddiem il-Ħallieq ‘wiċċ imb wiċċ’ (1 Kor 13:12)… Irrid inkun sinċier miegħi nnifsi u nistaqsi: x’nixtieq li noħroġ minn din l-ixkora meta mmut? Għemejjel tajba jew vizzjijiet u dnubiet?” (p.20-21).

Mir-riflessjoni dwar l-ixkora tal-egoiżmu u l-altruwiżmu diġà joħroġ ċar kemm hi qawwija u persważiva l-esperjenza. Forsi mhux ta’ b’xejn li Falzon, eżattament fuq il-qoxra tal-ktieb tiegħu, jitħaddet mill-esperjenza bħala qtugħ minn dak li hu sigur u vjaġġ fl-oċejan tal-ħajja. Kemm hi sabiħa l-kwotazzjoni li juża’ minn Lynsay Sands: “Mhux iż-żmien huwa l-aqwa għalliem, imma l-esperjenza. Wieħed li jgħix ħajja twila imma li qatt ma jitbiegħed minn daru biex jesperjenza l-ħajja, imut bla ma jitgħallem xejn. Tfajjel li jkun għex u sofra, ikun egħref minnu bil-bosta”.

Ir-rakkont! L-esperjenza! L-għejxien tal-ħajja! U, iva, il-qawwa tar-riflessjoni! Dawn huma l-komponenti ewlenin li nara f’dan il-ktieb tassew sabiħ u li ta’ min ikollu kopja tiegħu mhux biex jinħażen mal-kotba l-oħrajn fuq l-ixkaffa imma biex jiġi mpoġġi ħdejn il-komodina u jinqara naqra naqra kuljum. Lil min tħobbu u tridlu l-ġid akkwistalu kopja ta’ Tliet Ċrieket u rakkonti oħra, miktub minn Joseph Falzon u ħallieh jara ħajtu fid-dawl li joffri dan il-ktieb sempliċi, mexxej imma għalliem ħafna.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.