20 – Nista’ Nagħder Lili Nnifsi?


Insellimlek! Tista’ tagħder lilek innifsek, kważi bħal ma tagħder lil ħaddieħor meta jkun qed ibati? Kif jixtiebħu l-mogħdrija lejk innifsek, meta tkun qed tbati, u l-mogħdrija lejn ħaddieħor?

Li jkollok mogħdrija jew kompassjoni lejk innifsek mhux differenti wisq minn meta tagħder lill-oħrajn’. Aħseb dwar kif tinħass l-esperjenza ta’ mogħdrija. L-ewwelnett, biex ikollok mogħdrija għal oħrajn trid tinduna li huma qegħdin isofru. Jekk inti tinjora t-tbatija ta’ ħaddieħor, x’aktarx li m’intix kapaċi tagħder lilek innifsek. F’dak il-każ, forsi titħassar lilek innifsek, iżda dik mhix ħaġa li ser tgħinek. Allura, jekk ma drajtx tagħder, l-aħjar (għalik u għal kulħadd ta’ madwarek) ikun li titgħallem tinfetaħ għall-mogħdrija.

Il-mogħdrija tinvolvi li tħossok imċaqlaq mit-tbatija ta’ ħaddieħor, hekk li qalbek tirrispondi għall-uġigħ tagħhom. Mogħdrija, bl-Ingliż compassion, letteralment tfisser li tbati ma’ dak li jkun. Meta jseħħ dan, tħoss is-sentimenti ta’ ħniena; qalbek tinfetaħ għalih; u jkollok xewqa li tgħin b’xi mod lil dak li jkun qed isofri.

Barra minn dan, li jkollok il-mogħdrija jfisser ukoll li, meta ħaddieħor jiżbalja, inti toffri tjieba jew ġentilezza, u simpatija, u turi li tifhem. Dan kollu minflok ma tiġġudikah u tikkundannah, jew tikkritikah bl-aħrax sabiex int tħossok tajjeb jew aħjar minnu. Jew minflok li titħassru għax, miskin, hu agħar minnek.

Ukoll, meta tkun qed tħoss mogħdrija għal xi ħadd inti tkun qed tinduna li t-tbatija, il-falliment, u l-imperfezzjoni hija parti mill esperjenza tal-bnedmin. Esperjenza li hija fina lkoll.

Dan il-punt, jiġifieri li t-tbatija hija kwalità tal-bnedmin kollha, huwa l-qofol, meta nħarsu lejn il-mistoqsija “tista’ tagħder lilek innifsek?” Meta tkun qed tbati, ftakar li t-tbatija hija parti mill-kundizzjoni tal-bniedem, mhufjdhx tiegħek biss. U induna li bit-tbatija tiegħek qed tħoss dak li jħoss ħaddieħor, dak li jħossu l-bnedmin. Induna li din it-tbatija, u dan il-ħsieb, qed ipoġġuk fi sħubija mal-umanità kollha kemm hi. Dan l-għarfien u dan il-ħsieb huma parti minn kif tagħder lilek innifsek.

Parti oħra hija din: inti tagħder lilek innifsek billi taġixxi miegħek innifsek bħallikieku u daqslikieku qed tagħder lil xi ħadd ieħor li qed ibati. Forsi tkun għaddej minn roqgħa diffiċli, jew tkun fallejt, jew tinduna b’xi ħaġa fik innifsek li ma togħġbokx. Minflok ma tinjora l-uġigħ tiegħek qisu ma ġara xejn, agħmel pawża miegħek innifsek. Għid lilek innifsek: “Tqila din!”. Mhix l-aħħar tad-dinja, iżda kif nista’ nwennes u nindokra lili nnifsi f’dal-mument?

Jien iltqajt ma’ ħafna persuni li, meta jħossu tbatija, jeqirdu lilhom infushom speċjalment bil-ħruxija u l-kundanni lejhom stess. Jekk teħodha qatta’ bla ħabel kontrik innifsek billi tikkritika u tiġġudika lilek innifsek bla ħniena għan-nuqqasijiet jew in-nuqqas ta’ ħila tiegħek, ma tantx ser tagħmel progress, u tfixkel ukoll lil ta’ madwarek.

Iltqajt ma persuni oħra li, speċjalment meta jħossu t-tbatija, jippruvaw iwennsu lilhom infushom billi jilbsu il-libsa tal-vittma sew jekk kien għakkishom xi ħadd u sew jekk le. Miskin jien! Miskin jien! B’li tagħmel hekk ma tantx ser tgawdi, la inti u lanqas ta’ madwarek. Kont naf persuni oħra li, għat-tbatija tagħhom, rajthom jeħduha qatta’ bla ħabel kontra d-destin, ix-xorti, jew saħansitra kontra Alla!

La attakk kontrik innifsek, lanqas il-ħasra, u lanqas ir-rabja ma’ ħaddieħor mhuma tweġiba sana għat-tbatija. Biex tagħder lilek innifsek, trid titgħallem tinża’ il- kundanni, kemm kundanni lejk innifsek, kemm ukoll kundanni għal ħaddieħor. B’hekk qalbek tkun tidra titwessa’. Il-mogħdrija lejn ħaddieħor jew lejk innifsek hija ħidma ta’ qalb wiesa’. Meta tagħder lilek innifsek ikun ifisser li tifhem lilek innifsek bi dħulija w ġentilezza.

Tista’ ‘l quddiem forsi titbiddel b’xi mod li jgħinek tkun aktar f’saħħtek u kuntent. Iżda dan tkun għamiltu għax tieħu ħsieb tiegħek innifsek, mhux għax inti bla siwi jew mhux aċċettabbli kif int, jew għax inti ma tiswiex. Forsi aktar importanti huwa dan: li jkollok mogħdrija lejk innifsek tfisser li taċċetta u tirrispetta n-natura umana tiegħek – natura li vulnerabbli, mhix perfetta, u sikwit tbati. U tfisser ukoll li meta tħoss din il-vulnerabilità, nuqqas, u tbatija, tinduna li bosta bnedmin oħra qegħdin fl-istess ilma, u għalhekk tkun qiegħed f’ċertu sens fi sħubija magħhom.

B’hekk, flok ma tingħalaq fik innifsek meta tkun qed tbati, qalbek titwessa’ u ssir tifhem u tagħder lil ħaddieħor ukoll. Forsi xi darba saħansitra tasal biex tagħder u tħobb lil kulħadd.

L-affarijiet mhux dejjem se jimxulek kif tridhom int. Ser tiltaqa’ ma’ frustrazzjonijiet, sa ġġarrab xi telf, sa tagħmel żbalji, se ssib li ma lħaqtx l-ideali tiegħek, se tfalli, se tweġġa’. Id-dinja m’għandhiex dejn magħna u bl-ebda mod m’għandha ttina xi ħaġa. Din hija l-kundizzjoni tal-bniedem – realtà li għandna

sehem minna aħna lkoll. Iżda minkejja dan inti tiswa’ u l-bnedmin l-oħra, ta’ kull kulur, fidi, u pajjiż, jiswew ukoll. Min jagħder, din tal-aħħar ma jinsijhiex.

U min huwa Nisrani jaf li l-mogħdrija hija Kristu nnifsu.

 

Dan l-artiklu huwa wieħed minn sensiela ta’ Artikli bit-tema: Inħeles Minn Ġewwa. Għodda biex tgħin lilek innifsek meta jkaxkruk sentimenti tqal. Publikazzjoni ta’ Servizz għall-Ħelsien Emozzjonali Fondazzjoni St Jeanne Antide.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.