Mid-dinja tal-paroli fil-vojt


Il-paroli fil-vojt! Issa għaqqadna l-mija! Hawn aħna! Paroli! Paroli! Paroli!

Issa qed nidraw nisimgħu l-paroli. U paroli kontra paroli. U ġib lil min iparla! Ħa nparlaw! Għax jekk ma nparlawx ma nkunux aħna ħi! Għax issa hekk ġejna! Għall-paroli! Għax veru! Illum kulħadd taha għall-paroli! U, daqskemm nisma’ u nisimgħu paroli, x’waħdadin kemm sar irħis dan il-misħut paroli! Illum donnu kulħadd sar jifhem f’kollox. Kulħadd, f’daqqa waħda, sar professur. U dan, sempliċiment, l-għaliex ipprovdewlu mikronofu wara xhiex jista’ jitħaddet. U titħaddet.

U illum, biex wieħed jiġġustifika l-paroli fil-vojt tiegħu, u l-paroli fil-vojt tagħha, x’ma jagħmilx! X’ma tagħmilx! X’ma jgħidx! U x’ma jgħidx! U kemm tqanżieħ u gideb isir u jinkteb. Basta nħalli wirt warajja. Dak tal-paroli!

Illum iċ-ċentru tal-aħbarijiet sar tista’ tgħid kull post li hawn f’pajjiżna. U meta ngħid kull post tassew kull post tafux! Għax kull kamra, meta tinbena, donnha qed tiġi attrezzata biex tkun il-kamra tal-aħbarijiet! Mela, ibda’ mill-kamra tagħna tal-ikel. Qed nieklu bil-kwiet. Suppost. Imma daħal hu. Il-paroli! U mbagħad ix-xogħol u l-uffiċċju fejn naħdmu. Bilħaqq anki l-bar fejn niltaqgħu u nieħdu drink sar renju tal-paroli. U anki d-disco fejn immorru. U spiċċa, (u din tabilħaqq ngħidha b’qasma ta’ qalb), mis-sagristija, l-uffiċċju tal-kappillan u l-kmamar u l-kurituri tal-kunventi. Anki dawk saru postijiet tal-paroli! X’ħasra hux!

U, fil-kultura tal-gossip li qed ngħixu fiha, dan ma fih xejn ħażin. Dan jgħaddi! Għax, u mingħalina, normali. Għax dan mhux fuq xi wieħed minn dawk l-iskandli li jissemmew. U li jheżżu kullimkien. Mela, la dan ma jikkwalifikax bħala wieħed minnhom, parla, parla, parla. U, jekk jogħġbok, ibqa’ tqarben qisu mhu xejn tafx. Mur ara! Mhux kulħadd ifendi xi kelma? Mhux kulħadd ipaċpaċ xi naqra fil-vojt? U b’daqshekk? X’fiha? Inkella fuqhiex se nitħaddtu x’kull waħda tnejn? Fuqhiex se naqbduha?

Kemm aħna għomja ħbieb u ta’ min jitħassarna u jitlob għalina! Meta jiena nparla fuq il-proxxmu, quddiem it-tribunal Divin tas-Sema, jiena l-aktar bniedem u bniedma skandaluż u skandaluża! Fil-fatt jien qattiel u qattiela mill-kbar nett! Dan l-għaliex, bil-paroli fil-vojt tiegħi, ikun qed inkisser xebgħa persuni b’dak li ngħid u nikteb. L-aktar fuq is-social media. Bil-paroli fil-vojt tiegħi nkun qed nagħmel ħsara kbira lill-proxxmu tiegħi. Liema ħsara iġġib ukoll ħafna tbatija f’terzi persuni wkoll. U dan l-għaliex fettilli niftaħ ħalqi ħa nparla. Hekk! Għax ta’ żaqqi f’fommi! U kelma ma nżommihiex tiġri fl-istonku tiegħi. Li ma jmurx ittaqagħluli!

Il-paroli fil-vojt huwa att kriminali. L-għaliex jiżra l-velenu ta’ ħafna stmerrija u mibgħeda. Kemm hawn persuni li ma jkellmux lil ħaddieħor l-għaliex ġew mitmugħa paroli fil-vojt ta’ oħrajn? U hawn m’aħniex insemmu nies komuni tafux! Għalkemm anki f’nies komuni l-ħaġa hi kerha. Aħseb u ara mela meta dan l-att iseħħ minn nies li jippriedkaw l-imħabba, il-maħfra, il-ħniena u li nilqgħu lil kulħadd. Naf kemm naf Bibbja u teoloġija jekk hemm persuna waħda, iva, persuna waħda li ma nġerraħx, ġudizzju kiefer se jkolli la nagħlaq għajnejja. U dan id-diskors iebes jgħodd għalija wkoll li ma studjajtx ukoll. L-għaliex il-Kelma tal-Mulej hi għal kulħadd.

Mela, ejja min iddeċieda li ma jersaqx lejn il-Knisja jiftakar fil-kliem ta’ Ġesù li jgħid: Fuq il-katedra ta’ Mosè qagħdu l-kittieba u Fariżej. Mela kull ma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn (Mt 23 :2-3). Jekk fina, is-saċerdoti u l-persuni ikkonsagrati, u nieħu l-opportunità biex nibda minni nnifsi stess, ma tarax l-eżempju, ibqa’ mur il-Knisja. U irċievi s-sagramenti. Għax int ta’ Kristu! U Kristu jrid jiġi fik! Mela ibqa’ mur. U, filwaqt li tibqa’ tmur, itlob għalija u għal min hu bħali. Ħa nikkonvertu bis-serjetà. L-aktar mill-paroli fil-vojt li ġieli joħroġ minn fommna.

Illum beħsiebni nagħlaq dawn il-ħsibijiet bil-kelma tal-Imgħallem, kif jagħtihielna fid-Djarju ta’ Santa Fawstina.

Illum kont qiegħda nitkellem mal-Mulej u Hu qalli, Hemm erwieħ li ma nista’ nagħmel xejn magħhom. Dawn huma erwieħ li l-ħin kollu joqgħodu josservaw lill-oħrajn imma ma jafu xejn x’inhu jiġri ġewwa fihom stess. Il-ħin kollu jitkellmu fuq l-oħrajn, ukoll fil-ħinijiet ta’ skiet assolut, li hu riżervat sabiex huma jitkellmu miegħi biss. Erwieħ imsejknin, huma ma joqgħodux jismgħu kliemi; jibqgħu vojta minn ġewwa. Ma jfittxunix ġewwa l-qalb tagħhom stess, imma fi tpaċpiċ vojt, fejn lili qatt ma ssibni. Huma jħossu vojt ġewwa fihom, imma ma jagħrfux il-ħtija tagħhom stess, filwaqt li erwieħ li fihom Jiena nsaltan bis-sħiħ dejjem iġegħluhom iħossu rimors. Minflok ma jikkoreġu lilhom infushom, il-qlub tagħhom jintefħu bl-għira, u jekk ma jiġux f’sensihom, jibqgħu jgħoddsu iktar ‘l isfel. Qalb, li s’issa hi għajjura, issa tibda timtela bil-mibgħeda. U huma jkunu diġa’ f’xifer l-irdum. Jgħiru għar-rigali li Jiena nagħti lill-erwieħ l-oħrajn, imma huma stess la huma kapaċi u lanqas iridu jilqgħuhom (Djarju, 1717).

Il-paroli tagħna mitkellem u miktub jispiċċa. Kliemu biss jibqa’. Mela … ĦA NIKKOREĠI LILI NNIFSI qabel inparla żejjed fuq ħaddieħor!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.