Il-Musical bil-Malti bl-isem ta’ Wojtyla


Il-Ġimgħa, 22 ta’ Frar 2019: L-Oratorju Don Bosco qed itella’ musical ġdid oriġinali bil-Malti dwar San Ġwanni Pawlu II f’għeluq l-40 sena minn meta sar Papa, kif ukoll bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li qed isiru biex ifakkru s-70 anniversarju mill-bini tal-Oratorju fi Pjazza Santu Wistin

Wojtyla

Dan huwa “WOJTYLA – L-Għajta t’Alla”, xogħol tal-għawdxin Antoine Mercieca u Joe W. Psaila, Huwa produzzjoni teatrali ta’ mużika kontinwa, kant, projezzjonijiet u żfin b’messaġġ li jqanqal ukoll memorji sbieħ f’dawk kollha li jiftakru dan l-uniku Papa li qatt rifes il-gżira għawdxija.

Il-musical se jittella’ fit-teatru tal-Oratorju s-Sibt 9 ta’ Marzu fis-7.30pm b’ripetizzjoni l-għada l-Ħadd 10 ta’ Marzu fis-2.30pm (matinee show).

Inħeġġuk mhux biss biex tattendi int, imma li titħajjar torganiżża grupp mill-għaqda/parroċċa tiegħek biex jiġu jassistu għal dan l-ispettaklu ta’ mużika, kant u żfin ma jaqtgħu xejn. Dan ix-xogħol teatrali jappella għal kulħadd minn tfal sa anzjani, u qed jittella’ bil-għan li jitwassal messaġġ ta’ valuri pożittivi. Minkejja l-ispejjeż kbar li fiha din il-produzzjoni live, il-prezz tal-biljetti qed jinżamm baxx kemm jista’ jkun: €15.

IL-MUSICAL “WOJTYLA – L-GĦAJTA T’ALLA”
FL-ORATORJU DON BOSCO

L-Oratorju Don Bosco fir-Rabat se jttella’ l-musical bil-malti WOJTYLA – L-GĦAJTA T’ALLA li jirrakkonta l-ġrajja ta’ San Ġwanni Pawlu II, l-uniku Papa li qatt rifes il-gżira għawdxija. F’dan il-musical oriġinali u live miktub minn kompożitur u poeta għawdxin bħalna, jieħdu sehem madwar sebgħin persuna. Dan l-ispettaklu kbir ta’ kant, mużika, żfin u projezzjonijiet, huwa adattat ħafna għall-familja kollha. WOJTYLA – L-GĦAJTA T’ALLA se jsir nhar is-Sibt 9 ta’ Marzu fis-7.30pm, b’ripetizzjoni l-għada l-Ħadd 10 ta’ Marzu fis-2.30pm (matinee show). Il-Booking huwa miftuħ kuljum mill-5.00pm sas-7.00pm mill-Oratorju stess (jew inkella permezz tat-telefon: fuq 21556616 jew inkella fuq 99487751).