L-arloġġ intern


Kemm-il darba l-Ispirtu s-Santu, il-vera Ġurnalist u l-Ġurnalist tal-ġurnalisti u l-Imgħallem tal-għalliema u l-imgħallmin, lili dejjem għallimhieli! U mhux biss imma wkoll fakkarhieli! Tant li, mhux darba jew tnejn li tispuntali fil-kitbiet li Hu jagħtini! U mhux għax niktibhom jien! Kif jaħsbu xi wħud! Mela, grazzi Mulej Alla tiegħi Spirtu s-Santu!

U, kull darba li nara lil din il-frażi toħroġ minn xi mkien, wara li, minn ħaġa għall-oħra tal-ħajja taf tagħmilli n-noli, jien ngħidlu, b’qalbi ma’ qalbu: Mulej, Alla tiegħi Spirtu s-Santu, xi trid tgħidli b’din l-imbierka frażi tal-‘arloġġ intern?’ Tibżgħux! Ma ndumx is-siegħat u lanqas għandi għalfejn nagħmel xi appuntament wara xi lista li ma tispiċċa qatt biex nieħu t-tweġiba. U lanqas m’għandi għalfejn nilbes ħafna pulitizzi u ħlewwa tal-konvenjenza nkella juruni l-bieb. Għax, miskin u miskina, l-imgħallem u l-imgħallma ta’ din id-dinja, ukoll ibati u tbati mill-burdati. U, speċi ma’ min taħsel tieħu grazzja! Mal-Mulej, il-veru skular, akkademiku u għaref, m’hemmx minn dawn il-kummiedji! Għax min se jazzarda joħodlu postu? Min se jazzarda jieħu l-kariga tiegħu? U ejja ħa: mela min tridu jikkompetilu? Għalhekk, il-Ġurnalist tal-ġurnalisti u l-Imgħallem tal-imgħallmin, li ma jbatix minn dawn il-kumplessi tal-biki u tal-ġenn, mill-ewwel arah joħroġli bit-tweġiba, rqiqa rqiqa, tiegħu, b’xejn: Int ismagħni ftit mill-esperjenza li tgħaddi minnha?

U jien, għax issa ilna naqra mhux ħażin li jien u l-Mulej Alla tiegħi Spirtu s-Santu, li għamilna patt ta’ mħabba u ta’ għaqda bejnienta li ma jinħall qatt, liema għaqda mela hi indissolubbli, nisimgħu, inħossu u narah jurini minn dak li ngħaddi minn ħajti stess, it-tweġiba li għandi bżonn. Meħuda, sintendi, mill-iskola tal-esperjenza! Mill-ktieb li, l-paġni tiegħu, jieħdu n-nifs! U, biż-żmien, jinbidlu wkoll fit-tifsira tagħhom. Għax, kif jgħallimni Papa Franġisku, min jitlob talbu mismugħ! Għalkemm mhux dejjem jiġi mismugħ kif ipasparlu moħħu! Intant …

Imma issa kif il-Mulej Alla tiegħi l-Ispirtu s-Santu lili jurini l-arloġġ intern ta’ ħajti? L-istorja hi faċli ħafna. Nidħol fl-Isptar Mater Dei. U, bħalma jaf kulħadd, f’dan l-isptar ix-xogħol huwa xogħol bla għadd. Għax, sempliċiment, mingħajr waqfien u bla ħinijiet! Int indenja ruħek ftit u ħares lejn il-kobor tal-kurituri, in-numru tas-sodod, u l-għadd ta’ swali li, l-Isptar li hu msemmi għal Marija Omm Alla, għandu. Tibżax! Għax malajr tasal għat-tweġiba!

Mela, inkun f’dan l-Isptar, wara xi lej tal-iljieli. Sejħa wara l-oħra. Iva kemm? Ħmistax? Għoxrin? Jew ħamsa u għoxrin? Nerġa’ ngħidlek: f’lejl sħiħ! U l-għada, meta jmissni nqaddes il-quddiesa tas-seba,’ mit-Tnejn sas-Sibt u tas-seba’ u kwart dik ta’ nhar ta’ Ħadd, kif inqum? Għalkemm ma npejjipx xorta waħda li hekk inqum: tabakk! Għalhekk, għajjien mejjet, u bis-safety mode, ninżel ħa nqaddes fil-kappella. B’viżibilità pjuttost impexpxa. Mela addijo l-awtoreferenza u l-klerikaliżmu!

Iva ħbieb! U wara l-quddiesa, u wara xi żewġ qrariet ukoll, nitla’ ‘il fuq ħa mmur norqod. U, kif tiġi l-għażiża muża, hemm jien, toħodni magħha! Imma min se jiddeċidieh il-ħin kemm għandi norqod? Kien hemm żmien fejn kont bla ras. Veru kont iżgħar. Imma xorta kont bla ras. Mhux l-ewwel darba u tnejn li kont noħroġ minn ta’ billejl u nibqa’ għaddej sa’ filgħaxija. Naħdem mingħajr waqfien fuq oqsma oħra tal-appostolat. Imma saħħti, wara din l-esperjenza ta’ bluha u għaqal, għaqal u bluha, għallmittni nistrieħ. U nistrieħ skont l-arloġġ intern. U qatt skont dak ta’ fuq idi jew inkella dak ta’ fuq il-mobile tiegħi.

Għax l-arloġġ intern fetaħni għas-sorpriżi tal-Mulej. Is-sorpriżi iva li huma ta’ ħafna xorta. L-arloġġ intern għallimni li, fil-verità, ħin wieħed jeżiżti: dak il-ħin li hu bla ħin. L-eternità! Il-ħajja ta’ dejjem! Għax, jekk hemm fejqan, il-fejqan, li m’hemmx ieħor ħliefu, huwa dak tas-Sema. Mhux hekk nitolbu fil-Missierna: Ikun li trid int kif is-Sema hekk ukoll fl-art!? Għax l-arloġġ etern huwa Hu, l-Ispirtu s-Santu! Il-Ġurnalist tal-ġurnalisti! L-imgħallem tal-imgħallmin!

Ħa nimxi dejjem ma’ dan l-arloġġ intern! Għax, dan l-arloġġ, jissorpendini. Iserraħni. U jiftaħni għal aktar fejqan: il-ħajja ta’ dejjem! Il-pjan veru li, f’din id-dinja, għandna lanqas biss xammejnieh!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.