Darba ġejt fid-dinja!


Hekk qaltli mara anzjana wara diskursata tabilħaqq interessanti u mhux daqshekk twila. Fuq it-telefon xi xhur ilu. Darba ġejt fid-dinja! qaltli. B’dik l-affermazzjoni ta’ waħda li taf x’inhi tgħid għax il-ħajja daqitha sewwa. Tant li għexitha.

Iva! Darba ġejt fid-dinja! Nistħajjel lil xi wħud jgħiduli: U allaħares qatt ġejt aktar minn darba! Nifhimhom! L-aktar jekk kellhom esperjenza mill-aktar qarsa tat-tbatija tal-ħajja! L-aktar jekk sabu min, minflok ifarraġhom, jgħallimhom u juriehom bis-sabar kollu ħa jimxu ‘il quddiem sabu lil min iżeblaħhom b’kull mod possibbli. Bil-kliem u bla kliem. Bil-ġesti u bla ġesti. Għidli ftit x’demm jitlagħlek għal rasek quddiem sitwazzjonijiet bħal dawn? Imma, u din irridu ngħiduha b’idejna fuq il-kuxjenza tagħna, u allura, u fuq kollox, fuq qalbna stess, dawn l-affarijiet iseħħu! Għax seħħew! U, b’qalb maqsuma, jibqgħu iseħħu! Għax il-bniedem bniedem jibqa’! Għalhekk il-prinċipju li l-prevenzjoni aħjar mill-kura jibqa’ dejjem jgħodd.

Darba ġejt fid-dinja! Mela kemm hi sabiħa l-ħajja? Tiċċajta! Ejja tħaddet ma’ persuna li qed tbati f’qiegħ ta’ sodda fl-isptar? Ejja staqsi lill-persuna li qed titħabat mal-mard mentali li qed iġarrab? Ejja tħaddet ma’ persuna li, fil-familja jew fil-komunità tagħha, tħossha skart? Ejja u staqsi? Dawn is-sitwazzjoni, għalkemm ta’ tbatija kbira, juruna dak li hemm moħbi. Wara dak is-sħab iswed, wara dak l-ilma mdardar, il-ħajja hi sabiħa! Issa, din it-tagħlima, il-Mulej dejjem jagħtihieli meta jagħtini l-grazzja li nitla’ fuq dak l-imbierek ta’ ajruplan. Kull tant żmien. Għax, meta nitla’ ‘il fuq ‘il fuq, mis-sħab oħxon li jkun qed jgħatti t-territorju li nkun qed intir fuqu, dlonk nintebaħ li isfel issaltan id-dalma. Għax, is-swidija tas-sħab, ma tippermettix li fuq l-art jew fuq il-baħar ikun hemm ir-raġġi ta’ dik ix-xemx ħanina. Imma, u fil-verità kollha, lil hinn minn dak is-sħab, fil-għoli u fil-beraħ tas-smewwiet, ikun hemm issaltan dik ix-xemx qawwija! Sabiħa! U tiżreġ! Mela l-ħajja, minkejja kollox, tibqa’ sabiħa! Minkejja s-sħab iswed li jdawwarna ħajjitna tibqa’ mill-isbaħ!

Għalhekk, darba ġejt fid-dinja! Ma rridx le inkun moħħni fis-sħab iswed li qed itaqqalni. Lanqas ma rrid li nibqa’ imwaħħal u mwaħħla ma’ dak li għamluli. B’intenzjoni jew bla intenzjoni. Wara kollox il-bniedem jitgħallem meta jiżbalja. U jekk, dak jew dik li jkun u li tkun, weġġgħuni, għax ma kienux jafu aħjar, għalfejn se nibqa’ imwaħħal u mwaħħla mal-passat? X’se nibdel minn dak l-imgħoddi li jnissillni tant dmugħ kull darba li nikkampja fih u nagħmel ġimgħat, xhur u snin nibki xortija? Le! Il-ħajja hi prezzjuża! Għax darba ġejt fid-dinja!

U mela la dan hu l-każ għalfejn għandi ngħir għad-doni ta’ ħaddieħor? Għalfejn għandi nkun kopja ta’ dak li l-Mulej taha lil ħaddieħor? Għalfejn għandi nagħmel lil ħaddieħor tapit? Basta nikber jien? Għalfejn għandi npinġi lili nnifsi bħala l-akbar miskin u miskina? Għax mimli u mimlija weġgħat bl-iskuża li nkisser lil ħaddieħor għax ma niflaħx għad-doni li l-Mulej żejjen lil dik il-persuna bihom? Għalfejn jien daqshekk egoist u egoista? Nariċisist u narċisista? X’ferħ se nieħu meta nkisser lil dawk li qed jiżviluppaw? Hi din ħajja ta’ veru għalija? Le! Ejja nikber! Ejja nimmatura! Ejja nifhem li ħaddieħor jista’ jgħinni bil-limiti tiegħu u tagħha. U ġieli, anki twiddiba għalija hi biżżejjed. Jien min jien biex nagħmel pressjoni fuq ħaddieħor biex jgħinni bil-kejl li bih ipaspar moħħi? Ejja ninħeles mill-infantiliżmu tiegħi! Ejja nkun responsabbli! Ejja inħalli lil ħaddieħor jgħix u jiżviluppa kif jista’ u kemm jista’. Jien darba ġejt fid-dinja! Mela ħa għix u nħalli lil min jgħix!

Darba ġejt fid-dinja! U kemm nixtieq li din id-darba ngħixha fil-paċi ma’ kulħadd. Fuq kollox, fil-paċi ma’ Dak li lili ħalaqni. U qed iżommni ħaj. Imma wkoll fil-paċi mal-ikoni tiegħu, jiġifieri max-xbiehat ħajja tiegħu, mal-bnedmin ħuti li ħalaq. Ejja nirrispettahom! U ma nistenna xejn mingħandhom. Għajr li nitlob għalihom u ngħinhom fejn nista’. U, jekk inħalli l-Ispirtu tal-ħniena jirbaħ fuq l-għira li ġieli titlagħli għalihom, allura se nkun l-aktar bniedem u bniedma ferħan u ferħana fuq wiċċ l-art! Xi grazzja!

Għalhekk, darba ġejt fid-dinja! U ġejt biex inħobb mingħajr kundizzjoni! Darba ġejt fid-dinja! U ġejt biex inħalli lill-Mulej ħalli bija jagħmel differenza. Jew aħjar, id-differenza! Dik id-differenza li tikkonsla qalb maqsuma. Dik id-differenza li tagħmel tant ġid lil min għadu ma rax id-dawl tax-xemx u jien qed niddefendilu ħajtu u ħajjitha. Għalkemm għadu u għadha f’ġuf ommu u ommha!

Darba ġejt fid-dinja! U, din id-darba, irridha tkun tajba. U tajba bil-kbir! Mhux l-għaliex se nagħmilha jien, bit-tqanżieħ tiegħi. Iżda għax se jagħmilha Hu, il-Mulej, bil-grazzja mimlija ħniena li għandu lesta għalija. Irridha tkun tajba din id-darba! Għax ma rridx li naħliha ħajti. Għalhekk iva irrid naħfer, inbierek u, fuq kollox, nimxi bil-għaqal tal-Mulej ukoll. Għax l-għaqal hu dak li jgħaqqad il-pakkett kollu.

Mela ejja issa niċċelebra bil-frażi mill-isbaħ li jgħallimni Stephen Grellet: “Darba jien se ngħaddi minn din id-dinja. Għalhekk, kull tajjeb li nista’ nagħmel jew kull ħniena li nista’ nuri lil kull bniedem ħalli nwettaqha issa. Ejja ma nħallihiex u ma nwarrabhiex għax minix se ngħaddi minn din it-triq darb’oħra”.

Dan hu l-għerf ta’ min f’qalbu, f’moħħu, fi kliemu u fi mġiebtu kollha jgħożż il-frażi dehbija: Darba ġejt fid-dinja!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.