Ix-xokk!


Kulħadd semagħha l-istatistika dwar l-attendenza tal-quddiesa tal-Ħadd. In-numru ta’ dawk li jattendu għall-quddiesa tal-Ħadd issa niżel sewwa! Skont l-istħarriġ li sar f’Diċembru tal-2017 nstab li mas-37 fil-mija biss jmorru għall-quddiesa tal-Ħadd. Għalina, li aħna Kattoliċi, u li nħobbu l-Knisja, mela li nħobbu l-għaqda ta’ bejnietna, li hi l-Knisja, dan hu, mingħajr dubju, xokk! U xokk mill-kbar nett!

U, frott dan l-istħarriġ, malajr u b’mod spontanju tinbet il-famuża mistoqsija: Għaliex? X’qed iwassal biex in-numru tan-nies għall-quddiesa tal-Ħadd niżel daqshekk? L-għaliex, fejn tidħol l-attendenza għall-quddiesa tal-Ħadd, sejrin lura bħall-granċ? U, iva, sejrin dejjem lejn il-baħar u qed negħrqu? U hawn, almenu jien, bħala Patri, aqta’ x’tentazzjoni ħelwa u biz-zalza x-xitan qed iressaqli fuq fommi u f’subgħajja! Jiġifieri t-tentazzjoni li nibda’ nisserdaq! U, kważi kważi, tant kemm insir supperv, rasi tikbirli u niffanga fl-arroganza li malajr nibda’ inpinġi lili nnifsi s-soluzzjoni aħħarija għal din il-problema! Mà! X’suppervja grassa din! X’intiena tad-dnub tad-dnubiet hu dan!

Imma, l-għaref Ġesù, u warajh, il-qaddej tiegħu bil-fardal abjad li, bix-xogħol tiegħu man-nies, tista’ tgħid li qed isirlu iswed bin-nugrufun, Papa Franġisku, jgħallimni ħaġa tassew importanti: iltaqa’ man-nies! Kun man-nies! Isma’ lin-nies! Tkellem man-nies! U, f’każ li bħala Patri Kapuċċin nipprova iva ninħeles, b’ “mod qaddis”, minn din ir-responsabbiltà kbira li poġġhieli fuq spallejja Ġesù, permezz tal-Knisja tiegħu, nhar l-ordinazzjoni tiegħi ta’ saċerdot, anki jekk mingħajr ma jistħoqqli, ħa nerġa’ niftakar f’dan id-dover sagrosant li l-Mulej Ġesù dritt qed ifakkarni fih permezz tad-diskors li Papa Franġisku għamel lilna l-Kapuċċini nhar l-14 ta’ Settembru 2017. Dakinnhar il-Papa, lilna l-Kapuċċini, qalihielna ċar u tond, ħalli ma jkollniex skuża u hekk naħarbu minnha: L-ewwel nett il-Kapuċċini huma ‘il-patrijiet tal-poplu’: din il-karatteristika tagħkom. Il-viċinanza lejn in-nies. Li tkunu viċin tal-poplu tal-Mulej, viċin. Hija l-viċinanza li tagħtina dik ix-xjenza tal-konkretezza, dak il-għerf. Hija aktar minn xjenza. Hija għaqal. Mhux ta’ b’xejn mela li, għal Papa Franġisku, li aħna l-Kapuċċini nkunu viċin tagħkom, in-nies, dan għandu jkun l-ewwel valur f’ħajjitna!

U, proprju minn hawn, minn dan il-valur daqshekk importanti tal-fraternità mal-poplu ta’ Alla, li, bħala Patri Franġiskan Kapuċċin sempliċi, se nitħaddet magħkom illum. Qalb ma’ qalb. Ħafna aktar minn moħħ ma’ moħħ.

Smajt diversi rejazzjoni għal dan l-imbierek stħarriġ dwar il-quddiesa tal-Ħadd. U, irrid ngħid, li ħadt gost b’dawn ir-rejazzjonijiet. Alla jbierek kemm għandna nies bravi! U jafu xi jgħidu! Kien hemm min semma l-bżonn li jkollna l-komunitajiet ta’ fidi. Li jkollna komunitajiet fejn in-nies isiru jafu lil xulxin. Fejn il-quddiesa tkun imfissra. Fejn l-omelija tkun sempliċi u profonda. Fejn il-PA system tkun tajba. Fejn it-teknoloġija tkun użata ħa jitwassal il-messaġġ. Liema messaġġ għandu jitwassal ċar kristall. Bħalma kien hemm min irraġuna li, ir-reliġjon, hija kwistjoni tal-qalb. Qabel ma hi kwistjoni tal-moħħ u tad-duttrini. Mela, hija l-qalb li hemm bżonn li tiġi ndirizzata! U hekk il-fidi tieħu tassew it-tifsira tagħha!

Meta smajt dan il-ħsieb għajnejja imtlew bid-dmugħ! U qalbi bdiet tinfetaħ! Ħassejtni bniedem ieħor! U l-kuraġġ beda ġej! Għall-erwieħ jaħasra! Fl-aħħar issemmiet! Irrid ngħid mill-bidu nett, la qiegħed niżżattat u lanqas nippoppa li jiena xi ragħaj prim. Minix xi wieħed minn dawk li studjaw ħafna. Li kielu l-għetiebi tal-universitajiet pontifiċji ta’ Ruma jew ta’ postijiet oħra. Għax, kemm għax kienu bravi jew inkella għax kellhom min jimbuttahom b’xi “kelma” fil-kunsill ħa jibgħatuhom jistudjaw, avvanzaw u mxew. Għalhekk, li se ngħid huwa biss minn dak li l-Ispirtu s-Santu jgħallimni meta nkun man-nies. Sempliċi. U li ma jaf bihom ħadd. Għax m’għandhomx poter. Mela bħali, kannoli bla krema! F’Mater Dei. U dan, il-Mulej, lili jgħallimhuli l-aktar mhux meta nkun relaxed u paxxut bil-kumditajiet kollha, fil-konfort ta’ kamarti tafux. Imma jgħallimhuli meta negħreq l-għaraq, kważi tad-demm, b’call waħda wara l-oħra, bil-ġiri li jagħtini l-grazzja li niġri, għalkemm bomblu, mal-isptar. Eżattament mela bħalma jagħmlu l-għeżież ħuti, il-Patrijiet Kapuċċini l-oħra li, fis-skiet, u mingħajr ħafna daqq tat-trombi, tant u tant jaħdmu! Minkejja l-età u anki l-limitazzjonijiet fis-saħħa!

L-esperjenza tiegħi mal-pazzjenti f’Mater Dei qed tgħallimni fuq kemm hu importanti li aħna, bħala saċerdoti u patrijiet, noħorġu minn dak il-presbiterju u minn dak il-kunvent u mmorru ħdejn in-nies. U dan mingħajr man-nies ikollhom jagħmlu l-appuntament magħna u min jaf meta dawn il-povri jaf ikun imisshom, biex imqar ikellmuna. Daqskemm ikollna nies biex ikellmuna (Alla jbierek!)! U dawn biex jfendu magħna dik il-kelma! U xi trid biex xi ħadd ikellmek? Xejn ħi! Proprju xejn!

Jien, sempliċi Patri, li dejjem qiegħed f’itineranza, bħal Missieri San Franġisk, minn sala għall-oħra, ta’ Mater Dei, u minn xogħol għall-ieħor, fil-Knisja waħda ta’ Ġesù Kristu, u dejjem bin-nies iduru miegħi, il-Mulej dejjem ifakkarni f’dak li kien iħobb jgħid San Pawlinu ta’ Nola lis-saċerdoti tad-djoċeżi tiegħu: Ejjew nisimgħu dak li l-Insara għandhom xi jgħidu l-għaliex f’kull wieħed u waħda minnhom l-Ispirtu ta’ Alla jieħu n-nifs.

Ejjew aħna, is-saċerdoti u l-patrijiet, ma naqgħux fin-nassa li n-nifs tal-Ispirtu ta’ Alla jieħu n-nifs fina biss! Le jaħasra! Ejjew nemmnu li l-Ispirtu s-Santu jieħu n-nifs fin-nies ukoll! Ejjew numiljaw ruħna! Ejjew inħalluh jgħallimna bin-nies sempliċi! Għax Alla tagħna qaddis! U ħadd ma jitmejjel bih!

Ejjew nitolbuha b’fidi l-quddiesa! U, qabel inqaddsu, nitolbu man-nies lill-Missier biex jidlek bl-Ispirtu s-Santu dik il-quddiesa! U mbagħad, … naraw id-differenza!

U hekk ix-xokk ifejjaq ix-xokk!