Sostenn tul it-triq


Minn dejjem ġejt affixxinat minn persuni li jiġru l-maratoni. Mhux ċajta tiġri dak il-ġieri kollu. Tgħid kif jagħmlu hux biex jagħmlu biċċa bravura bħal din?

It-tweġiba ma tantx tidher ċara. Almenu għalija! Biss, u minn kuntatti li għandi ta’ xi nies li jagħmlu iva l-maratoni, hemm aspetti ta’ min wieħed jadotta għal ħajtu u ħajjitha fil-ġirja tal-maratona. L-ewwel nett, safejn naf jien, qatt u ħadd ma jippreżenta ruħu biex jagħmel il-maratona jekk ma jiekolx fuq dieta bilanċjata li, filwaqt li tagħtih ħafna stamina, ma timliehx bix-xaħam. Mela, min jiġri l-maratoni żgur li joqgħod attent x’jiekol. Sintendi, mhux li jmut bil-ġuħ. U lanqas li ma jkunx jiflaħ itella’ nifs. Imma li jiekol l-ikel it-tajjeb, f’ħinu u bl-ammont li għandu jieklu.

Imbagħad, min jiġri l-maratoni, importanti li jitħarreġ ta’ spiss. Ma nistax naqbad u niġri d-distanza li għandi f’moħħi li nilħaq hekk, f’daqqa waħda. Inkella attakk tal-qalb tajjeb u nibqa’ tal-post! U, jaħasra, kollox jisfa’ imtajjar mar-riħ. Le! Importanti li noqgħod b’seba’ mitt għajn li nitħarreġ b’għaqal u, fuq kollox, b’kostanza. Ma nistax illum nittrenja ħafna u mbagħad jiem oħra addijo kollox. Il-ġisem tagħna irid joqgħod iva għall-madmad u l-qjies tal-eżerċizzju. U, meta dan iwettqu, u dejjem imsieħeb b’dieta tajba mogħtija minn min jifhem, tiskanta kemm javvanza ‘il quddiem!

Ma rridx ninsa lanqas li atleta għaqli dejjem ikollu min imexxih u jmexxieha. Min jgħidlu u jgħidilha kif għandu u għandha jqassam u tqassam it-triq. Dan il-Mulej jgħallimhuli mit-tiġrijiet taż-żwiemel stess. Mhux biżżejjed le li jkollok żiemel tajjeb. U li jiġri daqs ma nafx xiex. Huwa bil-qabda importanti li lil dan iż-żiemel tkun taf tqassamlu t-triq. Li tkun taf fejn għandek tpoġġieh mal-bhejjem l-oħra u fejn għandek tattakka ħa tasal sal-ġister u tirbaħ. Fejn mela għandek titilqu ħa jasal sal-linja tat-tmiem bħal sajjetta! U, biex dawn l-affarijiet iseħħu, wieħed irid ikollu ħafna u ħafna arti. Speċjalment dik tas-smiegħ, tal-għarfien, tat-tagħlim mill-iżbalji tal-imgħoddi u tal-kuraġġ.

Wara li tajna ħarsa lejn xi affarijiet li kull atleta għandu jżomm quddiem għajnejh u għajnejha hemm dettall ieħor importanti li fil-maratoni tgħidx kemm jgħallimni. U dan hu l-għoti tal-ilma lill-atleti tul it-triq. Tgħid l-atleta jkollu bżonn dan l-ilma? Tiċċajta! U, l-aktar, jekk ikun is-sajf. Ommi Mà dik ix-xemx kif iġġibhom imsieken lil dawn l-atleti qalbiena! Għalhekk iva jkollhom fuq li jkollhom bżonn ta’ min jagħtihom dik it-tazza inkella dak il-flixkun ilma frisk. Ħa jkomplu jiġru! U, fl-istess ħin, jixorbu ħa jissuplixxu ftit għal dak l-għaraq li jkun qed joħroġ minnhom.

U int min qallek li, int u jien, dejjem fis-sitwazzjonijiet diversi imma mhux tal-għaġeb tagħna, m’aħniex aħna ukoll nagħmlu l-maratoni tagħna? F’kelma waħda, m’aħniex niġru l-ġirja ta’ ħajjitna? Li l-ħajja saret ġirja waħda hu fatt magħruf minn kulħadd. Għidli illum min dan ma jammettihx. Il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali daqskemm huma tajbin u effikaċi daqstant ieħor ġennewna fuq li ġennewna. L-aktar b’dawk il-messaġġi fil-whatz up li l-ħin kollu deħlin! Iva ħbieb! Iżżejjed sar iżżejjed! U, illum, nifhimha fuq li nifhimha min, għal xi ħin, jitfi l-mobile. Inkella, dak li jkun, jasal biex jibda’ iħoss moħħu!

Il-ħajja saret ġirja waħda. Ġirja bla nifs! Ġirja li qed taqtagħlna nifisna! Spiss, meta l-Mulej jagħtini l-grazzja li nkun mal-pazjenti, il-familjari u l-istaff fl-isptar, toħroġli minn fommi l-kelma “pastorali tal-pit stop”. Mhux darba jew tnejn qbaddt lil min jitbissem meta jismagħni ngħid hekk. Imma illum, l-esperjenza tal-ħajja, dan lili qed tikkonfermahuli. Spiċċa ż-żmien li tqatta’ is-siegħat ma’ dak, dik jew dak. Għalkemm dawn iseħħu. Imma t-trend tal-Ispirtu ta’ Alla donnha qiegħdha iva f’li tagħti dik it-tazza jew dak il-flixkun ilma tul il-ġirja tal-ħajja. Għax il-ħajja saret dak li saret. Jew aħjar, u f’xi okkażjonijiet, irridu ngħidu iva, b’idejna fuq sidirna, għamilnieha kif għamilnieha. Imma issa ejja ma nilludux ruħna! Ma nistax le noħodha kontra l-mod ta’ kif inhi l-ħajja. U kif ġiet u għamilnieha aħna stess. Inkella l-battalja bil-gwerra b’kollox inkunu tlifnieha. U lanqas le ma rridu nimponu fuq ħaddieħor li dan jagħmlu għalina. L-aktar jekk aħna ma nkunux fiż-żifna jew ma nkunux nifilħu. Minbarra li dan mhux ġust huwa ġest bil-ferm oppressiv u ta’ min jikkundannah bla riżervi.

Mela x’nagħmlu? Mhux nadattaw ruħna għaċ-ċirkustanzi? Mhux insostnu lil xulxin billi ngħaddu t-tazza tal-ilma jew il-flixkun lil min qiegħed fit-tellieqa? Dan imqar messaġġ fuq whatz up li jagħmel sens kbir. Jew żjara lil xi ħadd li jinsab fl-isptar ta’ ftit minuti. Inkella telefonata biex dak jew dik li jkun u li tkun jkun u tkun jaf u taf li mhux waħdu u waħedha. Kemm ġesti sempliċi bħal dawn iħallu differenza!

Mhux ta’ b’xejn li nies ta’ dan it-tip, fis-soċjetà, fil-knisja, fil-familja, fil-komunitajiet, fil-postijiet tax-xogħol u l-bqija, huma dawk li jserrħu lill-oħrajn! Mhux ta’ b’xejn li dawn in-nies huma barka! Mela kuntrarju għal min irid jimponi l-affarijiet. Ara dak tieħu qata’ bih! Għax ma jafx japprezza! U tih jikkontrolla lil sħabu meta hu lanqas b’tarf sebgħu ż-żgħir ma jrid jagħti sehmu!

Le! Ejjew insostnu lil xulxin! B’naqra ilma ta’ faraġ u fehma! Din taf tkun biżżejjed. U tibżax! Ir-riżultat jinħass! Għax kulħadd għandu qalb! Ma ninsewx inwettqu ħwejjeġ żgħar bi mħabba kbira! Hekk ħadd ma jħossu waħdu! Imma inkoraġġut! Kulma rridu hu sostenn tul it-triq!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.