Dik it-tgħannieqa!


Darba xi ħadd qal: Jien il-passatemp tiegħi hu li ngħannaq u li nbus! Forsi, dak li jkun, jaf jiskomoda ruħu b’kumment bħal dan. Imma, u lil hinn minn kull polemika li, illum, fil-kuntest li fih qed ngħixu, kumment bħal dan jista’ joħloq, tgħannieqa mill-qalb hija tabilħaqq terapija mill-aqwa għal kulħadd! U, meta ngħid għal kulħadd, qed nifhem ngħid fil-verità u mingħajr esklużjoni ta’ ħadd u bl-inklużjoni ta’ kulħadd: hi tajba tassew għal kulħadd!

Issa dan il-Mulej għallumhieli bis-salib li, bħalissa, qed tarawni nbierek bih kull darba li l-Mulej jogħġbu joħodni fuq it-televiżjoni. Eżattament fil-programm F’Living Show, ma’ Karl Bonaci u Natius Farrugia. Is-salib kulħadd jaf ta’ min hu. Huwa fil-fatt l-istess wieħed li jilbes fuq sidru Papa Franġisku. Kemm ħadt gost li, fid-drabi li l-Mulej tani l-grazzja nkun fuq it-televiżjoni, id-direttur televiżivi ħa ħsieb jinkawdrah għal darba darbtejn! L-għaliex, u fir-rejaltà, dan is-salib fih tabilħaqq x’tinkwadra! Fih tabilħaqq x’tiġbed! Bil-camera sintendi!

Fin-nofs tiegħu, minflok lil Ġesù Imsallab, kif imdorrijin naraw fis-slaleb fil-knejjes u f’postijiet oħra, dan is-salib għandu raffigurat lil Ġesù bħala r-Ragħaj it-Tajjeb. Dak ir-Ragħaj li qed jgħannaq lin-nagħġa. Issa, din in-nagħġa, m’hijiex le xi nagħġa kwalukwe. Speċi ta’ dik in-nagħġa fidila li dejjem tobdi lir-ragħaj tagħha. Le! Din in-nagħġa, ippermettuli l-frażi, tapparjteni pjuttost għaż-żwiemel tal-kavallerija. Jiġifieri għal dawk iż-żwiemel li jisfrattaw! Għall-imqarrbin!

Mela, din in-nagħġa, sfrattat! Tilfet il-pass! Jew, kif ngħidu a la tal-korsa tal-Marsa, qelbet il-pass! Issa kieku tgħid li din qelbet biss il-pass fiha u ma fihiex. Taf tkun tgerrxet ukoll tafux! U ħalli issa ngħidu kollox. U jaf ikunu ħafna r-raġunijiet għalfejn in-nagħġa tkun tgerrxet. Jaf jiġrilha hekk minħabba r-ragħaj li jirrappreżenta lir-Ragħaj Etern. Inkella minħabba xi nagħġiet sħabha li jkunu ikkapparaw kull hemm u allura għamlu kollox tagħhom u tal-klikka tagħhom. Jew inkella n-nagħġa taf iddebbnet għal dik ir-raġuni jew għal oħra. Insomma. Hi x’inhi r-raġuni, din in-nagħġa sfrattat! Lebtet l’hemm!

Interessanti x’kienet ir-rejazzjoni ta’ dan ir-Ragħaj. Li, u forsi għal min minna taqa’ fuqu jew fuqha dalma, qed narawh wisq artab fil-mod tiegħu! Iva ħabib! Dan ir-Ragħaj m’għamilx bħat-tali li, għax ħarbitlu l-kelba, dejjem lest biex jekk imqar jilmaħha jisparalha u jneħħieha minn nofs. Daqkemm hu irrabjat għaliha! Lanqas dan ir-Ragħaj m’hu bħal dak li, aħjar jgħaddi minn naħa l-oħra, fejn la jara u lanqas jisma’. Inkella jixtered id-demm. U lanqas mhu bħal dak il-ġenitur li, għax uliedu jew uliedha għamlulu u għamlulha xi ħaġa, qaluhulu jew qaluhulha partita nkwiet, seħtethom. U seħtithom.

Xejn minn dan! Dan ir-Ragħaj, ta’ qalbu f’idu, u li forsi għal uħud aħjar jekk jiġi ikkwalifikat ma’ dawk ta’ bla demm, inkella li ma jafx jekk hux qed jgħix f’dinja, għamel għażla għażlun! Dan ir-Ragħaj iddeċieda li joħroġ ifittex lil din in-nagħġa. Dar fuq li dar. U ma nafx fejn ma marx. U anki fejn ma telgħax. Basta li lil din in-nagħġa jfittex isibha. U, meta sabha, minflok ma taha xebgħa xebgħun, forsi kif jien u int naħsbuha li għandna nagħmlulha jekk konna nkunu fiż-żarbun tiegħu, l-ewwel rejazzjoni tiegħu kienet li jifraħ biha! U għaliex jifraħ biha? Għax għandu biss pjaċir biha?

Illum ngħid li feraħ biha l-għaliex mingħajrha ma kienx le għaddej! U ma setgħax jibqa’ għaddej! Qisu qatt ma ġara xejn! Dan ir-Ragħaj kellu seba’ mitt sena biex isibha! Biex jibni mill-ġdid relazzjoni magħha! U kien jaf li, din in-nagħġa dgħajfa, li ddgħajfet mill-fatt li qabdet u dabbret rasha, kellha tintlaqa’ minnu mhux bil-korla imma b’imħabba kbira. Kellu mela jitbissmilha! Oh! Dik it-tbissima! Li, biex nuża kliem l-Ispirtu s-Santu, u mkaxkar mill-eżempju ta’ ħuna Ġorġ tal-Mużew, għallimni ngħanni: Bit-tbissma lil Alla nagħtuh il-qima! Dan ir-Ragħaj ta’ fuq is-salib qed jitbissem lin-nagħġa! U, bit-tbissima tiegħu, li hi t-tbissima tal-Missier tagħna tas-Sema, qed jagħtiha l-merħba! Jagħtiha t-tgħannieqa! L-ewwel u l-aqwa tgħannieqa!

Kos hux! Kemm hu sabiħ li ssib min jitbissimlek! Lil min iħares lejk b’ferħ! Lil min jieħu gost bik! Lil min, bit-tbissima tiegħu, jgħidlek: Int milqugħ! U milqugħha! Kemm nifraħ meta nara lil min jitbissimli! U kemm nieħu kuraġġ! Ġieli, minn nies li suppost jaġixxu bħar-Ragħaj it-Tajjeb mhux talli ma nieħux tbissima talli nieħu ħarsa ħarsun! Ħarsa kerha u li tnikkitli ‘l qalbi! Ħarsa li minflok tilqgħani trid tiskenjani. Trid tiflini. U min jista’ jifli lil min għiduli? Min? Mhux wieħed biss li jiskenja? Mhux wieħed biss li jifli? Ir-Ragħaj it-Tajjeb? Mela għannaqni ħi! Indenja ruħek u ħares lejja! Neħħieha dik il-ħarsa ta’ bniedem irrabjat. Dik il-ħarsa ta’ xi ħadd li m’għandu fiduċja f’ħadd. Għax qis lil kulħadd b’mitluf, ħażin u ta’ min jaqatalgħu rasu. Barra, u sintendi, hu jew hi! Le ħi! Iftaħ qalbek! Ħoss bħal Missierek u Missieri tas-Sema! Ħoss bħalu! Bħalu nerġa’ ngħidlek! Bħal dak li ġurnata se jiskenja lilek ukoll kif qed tiskenja lili!

U dan ir-Ragħaj, lin-nagħġa, issokta jagħtiha tgħannieqa oħra. Issa niżel u refagħha fuq spallejh. Mela ma baqax fuq il-podju. Ma baqax dritt xemgħa. U lanqas dritt suldat. U lanqas b’dik il-ħarsa tal-biża’ li ma nafx fejn ikollok aptit tistaħba minnha daqskemm tnikktek! Daqskemm hi tqila! Le! Niżel! Tbaxxa! Ħa jkun il-livell tan-nagħġa!

Mhux biss imma mar id-dar u qal lil kulħadd. Mela qal lilu ħutu u lill-ġirien. Qal lir-razza u lir-radika. Għax tassew, kien hemm biex tifraħ! Kien hemm biex tagħmel festa! Kien hemm biex tagħmel għors sħiħ! U x’kienet l-ewwel kelma li ħarġet minn fommu? Ifirħu miegħi! (Lq 15:6). Iva! Jifraħ irid! U, biex ngħiduha a la Maltija, jiffanfra jrid! Imma mhux b’rixu! Daqskemm jaf! Daqskemm hu espert! Daqskemm jafuh nies! Daqskemm jaf xi jgħid! Le! Jiffanfra bin-nagħġa li kienet intilfitlu! Biha jiffanfra! U biha qed jagħmel festa! U qed jagħmilha din il-festa l-għaliex qed jiffanfra bil-ħniena tiegħu stess! Kemm iħenn! Kemm jgħannaq lil min tbiegħed minnu u reġa’ lura għandu!

Tiha ħija u oħti dik it-tgħannieqa ta’ mħabba! Agħtiha dejjem! Għax dik fejqan iġġib! U qabel tgħannaq lil xi ħadd li jkun imkisser u jħoss il-bżonn li xi ħadd jgħannqu miegħu, dur lejn Missierek u Missieri tas-Sema, u għidlu minn qalbek: Pà, għannaq INT lil din il-persuna permezz tiegħi! Tibżax! Jgħannaqha bik! Anki bik li jħarsu lejk bl-ikrah u ma jitbissmulekx. Inkella ma jafdawkx! U m’għandhomx demm miegħek! Anki bil-pulit! Wara kollox ħija u oħti, kun af li l-iskenn veru hu dak li bih jiskenja Hu! Dak li se jgħodd! Dak li se jorbot! U dak li se jibqa’ għal dejjem!

Għannaq bit-tgħannieqa ta’ Missieri u Missierek tas-Sema! U, meta tarani, fakkarni wkoll ħa nbierek bis-salib tal-Papa Franġisku, tar-Ragħaj it-Tajjeb li jgħannaq lin-nagħġa l-mitlufa u l-imgerrxa. Ħa tkompli tgħannaq lill-oħrajn bħalu! U bit-tgħannieqa tiegħu!