Il-ħajja m’għandha qatt tkun immexxija mil-loġika tat-teknoloġija – il-Papa Franġisku


It-Tnejn 25 ta’ Frar 2019. It-teknoloġija għandha tkun ta’ servizz għall-ġid tal-bniedem u sabiex titħares il-ħajja. Din kienet it-twissija li għamel il-Papa Franġisku lbieraħ lill-membri tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja waqt l-assemblea ġenerali tagħha f’għeluq il-25 minn mindu twaqqfet.

Aqra d-diskors kollu tal-Papa hawn:
http://www.laikos.org/Papa_Frangisku_Diskors_Hajja_25022019.htm

Il-Papa Franġisku mar dritt f’ras il-għajn tal-kwistjoni: il-paradoss drammatiku li għaddejja minnu d-dinja tal-lum. Min-naħa l-umanità kisbet ħiliet xjentifiċi u tekniċi li jagħmluha possibbli li r-riżq jitqassam bejn kulħadd l-istess, mill-oħra qed jiħraxu l-kunflitti u qed jiżdied bla heda n-nuqqas ta’ ugwaljanza li qed ifarrak l-għaqda tal-familja umana u tal-futur tagħha.

Il-magni, osserva Franġisku, tawna soluzzjonijiet li sa ftit żmien ilu kienu jidhru bla tama. Iżda fl-istess waqt, minħabba fihom qed jitfaċċa theddid aktar insidjuż minn qatt qabel. Il-Papa nsista li ċ-ċentru ta’ kollox hija l-persuna umana u jeħtieġ li s-sistemi teknokratiċi ma jibqgħux jinħolqu biss għall-effiċjenza u dak li jistgħu jtuna m’għandu qatt jitqies aktar importanti minn dak li għalih qed tinħoloq it-teknoloġija. It-teknika, innota Franġisku, għandha tkun għas-servizz tal-bniedem, prodott tad-dehen tiegħu u mhux xi qawwa li ssir għadu tiegħu.

Il-ħiliet tekniċi li wasal għalihom il-bniedem qed jiġdbu fuqhom seħer perikoluż għax minflok qed jagħtu lill-bniedem l-istrumenti biex itejjeb il-kura, qed jirriskjaw li jiddominawh huma. Dal-proċess miexi lejn riżultati tat-twerwir għax minflok li l-magna tmexxi lilha nfisha biss se tispiċċa li tkun hi li tmexxi lill-bniedem. B’hekk, ir-raġuni umana titlef id-dinjità denja tal-bniedem.

Il-Papa ssokta jgħid li rridu nagħtu attenzjoni speċjali lill-ħsara kbira li qed issir lill-pjaneta li ngħixu fiha minħabba l-użu bla rażan tal-mezzi teknoloġiċi u stieden lill-membri tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja biex jimpenjaw ruħhom fuq livell globali ħalli titwaqqaf alleanza bejn il-Knisja u l-bnedmin ta’ rieda tajba.

Bħala bnedmin li nemmnu għandna d-dmir li nagħtu sehemna fir-riċerka li tkun maqbula universalment biex tkun bażi għall-għażliet u d-deċiżjonijiet kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Djalogu li jolqot id-drittijiet umani u jagħti każ ukoll tad-dmirijiet tal-bniedem.

Id-dinjità umana titlob li jkun hemm etika universali li tqiegħed dejjem lill-bniedem fiċ-ċentru tagħha. L-intelliġenza artifiċjali u l-invenzjonijiet teknoloġiċi għandhom iservu biex jagħtu ħarsien lill-umanità u lid-dar komuni tagħna, minflok iġibu riżultati bil-maqlub ta’ dan kif jidher minn ċerti previżjonijiet li qed isiru.

Il-kelma li qed nużaw għal dawn l-innovazzjonijiet hi: “intelliġenza artifiċjali”, kelma li tiġbdek imma li qed thedded li minflok il-magna tkun ta’ servizz għall-bniedem, se tispiċċa biex il-bniedem ikun ikkontrollat mill-magni, ħaġa mistmerra, osserva l-Papa Franġisku għax il-magna m’għandhiex kuxjenza u l-awtonomija tal-imġieba umana.

Periklu ieħor hu l-abbuż li qed isir bil-manipulazzjoni tal-ġenetika umana. Lix-xjenzjati u lill-esperti wissiehom biex jifhmu t-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II li ħeġġeġ l-iżvilupp tat-tekonoloġija imma wara riflessjoni dwar ir-relazzjoni bejn il-fidi u l-imġieba umana.

L-impenn tagħna f’dal-qasam, qal il-Papa Franġisku, kemm dak intellettwali kif ukoll speċjalistiku għandu jkun ħaġa li tagħmlilna l-ġieħ dment li aħna ngħaqqduh f’alleanza favur il-ħajja umana flimkien mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba impenjati fir-riċerka xjentifika u fil-ħidma tal-kura.

Ħajr lill-kamra tal-aħbarijiet ta’ Radju Maria