Il-bdil fil-fehma


Qed nikber! U ż-żmien, irrid jew ma rridx, qiegħed jgħaddi minn fuqi! Dan nintebaħ bih meta immur nixtri l-gazzetti, mill-ħanut f’Mater Dei. Għax, nammetti jew ma nammettix dan il-fatt, meta jfettilli nittawwal fl-iscreen l-iswed, li jkolli quddiemi, aqta’ x’biċċa ta’ qargħa titfaċċali!

Avolja tkun mgħottija b’kemm tissellef minn xagħri imma ħej il-qargħa hemm qiegħdha! U, tant kemm qiegħdha hemm li ħanqet tgħajjatli! Kważi tolfoqli wkoll! Patri Mar! Qed tikber! Iva! Patri Mar! Qed tikber! Saħħtek m’għadhiex l-istess! Għalkemm naf li tberikha kull filgħodu! U tagħmel sew ħafna! Aktar u aktar meta tpoġġi idek il-leminija fuq żaqqek u tgħidilha lil saħħtek: F’Isem Ġesù, bid-Demm ta’ Ġesù u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, nordnalek għażiża saħħti li terġa’ lura għall-istat perfett li fih ħalqek Alla l-Missier. Amen! U, eżatt kif intemm din it-talba, u din il-barka qawwija fuq saħħti sseħħ, saħħti tieħu dehxa! Għax, fiha, tkun irċiviet it-tilqima tal-Ispirtu s-Santu. Dak l-Ispirtu li, fil-Kredu, kull nhar ta’ Ħadd, nistqarru li jagħti l-ħajja! Mela, u bla tidwir, jagħti wkoll is-saħħa! Is-saħħa bil-kotra! Għax hi s-saħħa tal-Mulej!

U bir-raġun! Għax biex indur mal-Isptar ġigantesk ta’ Mater Dei ma rridx le sempliċiment ikolli saħħa ta’ bagħal. Imma, għax il-ħajja din turihieli, irid ikolli s-saħħa ta’ Alla nnifsu! L-istess biex niltaqa’ mal-ħemel nies li l-Mulej ilaqqagħni magħhom kuljum. Ma rridx le li jkolli saħħa ta’ genduż imma s-saħħa tal-Ispirtu s-Santu. Il-Mulej li jagħti l-ħajja għax Hu l-Ħajja!

Il-ħajja li jagħtini l-Ispirtu s-Santu ma jagħtihiliex biss f’ġismi, fil-muskoli, fil-qalb, fil-mudullun u fl-intern tiegħi. L-Ispirtu s-Santu jagħtini wkoll is-saħħa f’moħħi! Li, bħalma kien iħobb jgħannili l-għażiż ħija u ħabib Ġorġ tal-Mużew, din is-saħħa tal-Ispirtu s-Santu lili iżżommli moħħli frisk bħalma kien ta’ San Franġisk! U, ngħid jien, l-għaliex moħħ San Franġisk kien frisk? Għax kien moħħ mimli u iċċarġjat il-ħin kollu mill-Ispirtu s-Santu!

L-Ispirtu s-Santu huwa l-aqwa psikjatra. U moħħi għandu bżonn li jiġi iċċarġjat minnu kull nifs li jieħu. Alla ħares ikolli nagħti każ ċertu idejat! U ġieli ċertu idejat li jkunu jħokku miegħi! Li kieku nagħmel hekk kieku ilni li mort minn moħħi! Imma le ħbieb! Il-Mulej Alla tiegħi, l-Ispirtu s-Santu, jgħallimni biex ninfetaħ għall-idejat tiegħu! Li jiffriskaw! Juru t-triq ta’ issa u ta’ li ġej! Joffru l-fejqan! U jneħħu l-għira, il-mibegħa u l-ħdura mill-imħuħ!

Għalhekk, meta nara ħajti, ħaġa l-Mulej jgħallimni: Kemm ibiddilli l-idejat tiegħi! Kemm iwessgħali fruntieri! Mhux l-ewwel darba li nintefa’ fuq il-pultruna nidħak u nogħxa bija nnifsi. L-aktar bil-mod li kont nirraġuna bih! Xi wħud jaħsbu li, l-konsistenza mentali hi li wieħed jiffissa ma’ idea u jibqa’ mwaħħal magħha. Kemm hawn intiena mentali ħbieb! Kemm hawn imħuħ iebsa ġebel l-għaliex immexxija mill-preġudizzji! U, id-daħka u l-bikja hi li, dawn l-imħuħ, li jaqgħu f’dan iċ-ċirku vizzjuż, huma dawk li jiftaħru li huma progressivi, liberali jew, iva, qaddisin kbar! X’ħasra!

Imma, il-Mulej Alla tiegħi l-Ispirtu s-Santu, jurini xorta oħra. Huwa jibqa’ iġedded moħħi bl-idejat tiegħu. Jum wara jum. U jgħallimni b’kulħadd u b’kull mod. Minn tifel li jħobb l-istatwi u mwerwer mill-isptarijiet illum tefagħni n-naħa l-oħra. Minix iffissat aktar fuq l-istatwi imma miġbud ġibda nobis mill-Ispirtu s-Santu biex naqdi lil Ġesù fin-nies. M’għandnix nibża’ mill-isptarijiet, mill-mard u mill-mewt. Għax, bi grazzja tal-Mulej Alla tiegħi l-Ispirtu s-Santu, issa sirt ma nistax ngħix mingħajr ma nkun ma’ Ġesù fil-marid fl-isptar. U, la din hija espressjoni prinċipali tal-kariżma tagħna l-Patrijiet Kapuċċini, issa fhimt għalfejn il-Mulej sejjaħli Kapuċċin u mhux qassis djoċeżan jew xi Patri ta’ Ordni reliġjuż ieħor.
Il-fehma tinbidel. Imma rrid ikolli l-gazz u l-umiltà li nħalli lill-Ispirtu s-Santu jibdilhieli! U, meta l-fehma tiegħi tinbidel imbagħad, fil-każ tiegħi, is-servizz tiegħi lill-morda jgħinni nikseb l-Ispirtu s-Santu!

Meta nibda’ nbierek lil saħħti, għodu għodu, se nibda’ nitlob hekk: F’Isem Ġesù, bid-Demm ta’ Ġesù u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, nordnalek għażiża saħħti, ta’ moħħi, ġismi u ruħi, li terġa’ lura għall-istat perfett li fih ħalqek Alla l-Missier. Amen!

Għax ma tagħmilx bħali?