Isqof fil-Pakistan jappella għall-paċi bejn l-Indja u l-Pakistan


Il-Ħadd 3 ta’ Marzu 2019: Is-sit newsbook.com.mt irrapporta li hekk kif qed jikber ir-riskju ta’ gwerra oħra bejn il-Pakistan u l-Indja wara attakk mill-ajru fuq il-Pakistan nhar it-Tlieta li għadda, l-Isqof ta’ Hyderabad qed jappella għall-paċi bejn dawn iż-żewġ pajjiżi biex jitbiegħed ir-risku tal-gwerra.

Filkins-Kashmir.jpgFtit tal-jiem ilu l-Indja wettqet attakk mill-ajru kontra kamp ta’ taħriġ ta’ militanti Islamiċi fil-Pakistan fejn skont il-Gvern Indjan inqatlu numru kbir ta’ ġellieda. L-Indja qalet li għamlet dan bi tpattija għall-attakk b’karrozza bomba li fl-14 ta’ dan ix-xahar qatel mill-anqas 40 pulizija para-militari Indjan  fil-Kashmir. Il-grupp Islamiku Jaish, li hu bażat fil-Pakistan kien ħa responsabbiltà għal dan l-attakk.

Il-Gvern tal-Pakistani ċaħad li nqatlu xi nies fl-attakk ta’ jumejn ilu filwaqt li kkundanna l-attakk mill-Indja u ħalef li jpatti għalih.

Dawn l-inċidenti eskalaw it-tensjoni bejn dawn iż-żewġ pajjiżi ġiried li t-tnejn għandhom u jistgħu jużaw armamenti nukleari.

 “Aħna nikkundannaw bil-qawwa kollha l-attakk terroristiku li sar fil-Kashmir daqskemm nikkundannaw ir-reazjoni armata għalih. Nitolbu ‘l Alla biex jibdel il-qlub tal-bniedem u jwaqqaf kull att li jista’ jwassal għal gwerra,” qal l-Isqof Samson Shukardin ta’ Hydrabad. “Ejja nitolbu għall-vittmi taż-żewġ attakki u nitolbu għall-paċi bejn l-Indja u l-Pakistan” qal l-istess Isqof lill-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES, li hi aġenzija tal-Vatikan.

L-Isqof Shukardin qal li “Minflok jheddu lil xulxin il-mexxejja taż-żewġ pajjiżi għandhom jaħdmu bi prijorità għall-paċi. Nappellaw lill-mexxejja politiċi taż-żewġ stati biex jaħdmu lejn soluzzjoni tal-kriżi preżenti permezz ta’ taħditiet madwr mejda tan-negozjati flok joqgħodu jakkużaw lil xulxin.”

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.