Meta skorra l-linja


Kont għadni żgħir fiż-żmien. Meta, f’pajjiżna, għall-ewwel darba, bdew jidhru l-ewwel video games. U, ta’ tfal jew mhux daqstant tfal li konna, konna iva ninkullaw ruħna, mqar għal xi nofsiegħa, ma’ dik l-imbierka video game. Ħallieha li, għal uħud, in-nofsiegħa kienet tispiċċa nofs ta’ nhar. Inkella ġurnata!

Naf! Din ma kinitx l-esperjenza ta’ kulħadd. Kien hawn min ma kienx jaffordja li jkollu video game. L-għaliex, il-ġenituri tiegħu, ma kienux jistgħu jixtrulu waħda. Imbagħad kien hawn ukoll min ma kienx jieħu gost bihom. Għax kien jarahom ħela ta’ ħin. Almenu, jekk mhux għalih imma żgur li kienu hekk għal uliedu. U allura ried ikun bħal paraventu għalihom. Biex bħal iħarishom milli jinħakmu mis-seħer li toffri video game. Liema seħer kien ifisser mhux sempliċiment mogħdija ta’ żmien b’mod b’saħħtu imma ħej kolpi ta’ ħela ta’ ħin, enerġija u viżta wkoll! Mela z-zalza kienet tiġi ferm u ferm ogħla mill-ħuta!

Biss, u f’din l-istorja, kien hemm xi ħaġa li lili aqta’ kemm kienet laqtitni! Fil-fatt, kienet l-istess ħaġa li bdiet imbagħad tirrepeti ruħha meta aktar tard ħarġet il-playstation. Jiġifieri li meta l-ballun fettillu mqar jiskorri l-linja mill-ewwel kien jabqeż il-kor tas-supporters u, għalenija, kien jifqa’ l-ispeakers tas-sett tat-televiżjoni bil-kant li kien ikanta! Għax, letteralment, kien jagħmel festa bil-kif! Għaliex? L-għaliex seħħ il-goal! Iva ħi! Fettlilhom jiskurjaw!

Sakemm il-ballun ma kienx daħal imqar naqra ‘il ġewwa mill-linja kollox kien jidher ‘normali’. Imma ħej, kif, imqar, skorra ftit, u illum ngħid anki jekk fettillu jidħol fil-kaxxa b’dellu, aqta’ kemm ramaw jgħajtu fuq li jgħajtu! Għax, u hekk hu, il-ballun fettillu jaqbeż il-linja! Omm Mà kemm hu importanti mela li l-ballun jaqbeż dik l-imbierka linja! U kemm, meta jaqbiżha, jagħmel differenza! U tibżgħux għax id-differenza malajr wieħed jinnutaha! Għax il-ground kont inħossu se jisplodi! U, mingħajr ma kont inkun naf, kont nistħajjel il-pitch jinħakem minn invażjoni ta’ baħar ta’ nies! Il-famuża invażjoni fil-ground!

Kos hux! Kemm meta wieħed jiskorri naqra l-linja joħloq revoluzzjoni sħiħa! Int tista’ tara dan meta tkun qed issuq! Tiftakar meta dabbartha int u sejjer lejn Ħat-Attard? U dan għax kont bil-51 u mhux bil-50! Aħ Patri! Tfakkarnhiex ħi! Aħjar bil-flus ta’ dik il-multa ħriġt niekol jien mal-mara, jew mal-partner u mat-tfal jew aħna t-tnejn biss, u morna nieklu ikla ħut issemmix! Jew laħam! Għax issa ma rridx nikkundizzjona l-eżempju li l-Imgħallem, l-Ispirtu s-Santu, qed jagħtini nġib billi insemmi biss il-ħut! Inkella nkun qed norbotlu idejh anki b’kurdun ta’ Patri!

Mela, kemm fil-ħajja nistgħu nagħmlu differenza kbira meta nwettqu ħwejjeġ żgħar! U, b’affarijiet żgħar li huma magħmula bi mħabba kbira! Ħabibti, oħti u għalliema fil-ħajja spiritwali tiegħi, li, il-Mulej, ried fil-grazzja tiegħu li jien u hi nitwieldu fl-istess jum, kienet tħobb tgħid: Mhux ilkoll kemm aħna nistgħu nwettqu ħwejjeġ kbar. Imma nistgħu nagħmlu ħwejjeġ żgħar bi mħabba kbira.

O Madre Tereża! Kemm fihtmu sewwa l-eżempju tal-qawwa li hemm meta wieħed jiskorri dik il-linja! Fil-verità, meta wieħed jaqsam il-ħajt tal-egoiżmu u jħallieh warajh! Iva! Għax, eżattament wara dak il-ħajt, ikun hemm ferħ kbir! F’kelma waħda dak l-istess ferħ li Ġesù, fil-vanġelu skont San Luqa, tant jitħaddet fuqu b’passjoni! Daqskemm jarah jiġri quddiemu stess ta’ Alla li hu! U allura, u mhux ta’ b’xejn, li tant jemmen fih! Tant hu hekk li jgħidilna: Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem (Lq 15:10).
Imma xi dnub qed nitħaddtu fuqu ħbieb? Id-dnub li jien ningħalaq fija nnifsi u nibqa’ hemm! Id-dnub li jien inkun komdu fil-kumdità tiegħi u ma rridx, lanqas b’sebgħa wieħed, inbillu fl-ilma tal-Ispirtu s-Santu. Dak l-ilma, jiġifieri l-Ispirtu s-Santu, li lili jiftaħni għan-nies fil-bżonn. Għal dawk li qed jitkarrbu għall-għajnuna tiegħi.

Kos hux! Tgħid għaliex ħajti saret daqshekk monotona? U maħkuma bl-istess monotonija li taħkem il-logħba fil-video game jew fil-playstation, meta ninqabad nilgħab f’nofs il-ground? Meta lanqas attakk wieħed ma jkolli l-ħila ntella’? Għax, tant kemm sirt moħħni fija nnifsi u fil-bżonnijiet tiegħi li, f’diskorsi, ħlief qried u burdati ma fihx?

Dan id-diskors ma jgħoddx għal min qed jagħti u tagħti lilu nnifsu u lilha nnifisha u qiegħdin isemmu l-leħen tagħhom b’dak li aħna laqqamnieh ‘tgergir’ jew ‘qried’. Dawn qeggħdin ‘igergru’ u ‘jeqirdu’ biex nagħtuhom ftit tan-nifs u nibżgħulhom għal saħħithom. Le! Dan id-diskors mhux għal dawn qiegħed imma hu ndirizzat għal min jivvinta elf skuża basta jibqa’ paxxut fejn hu. Imsakkar fil-kamra. Imsakkra fuq is-sufan bil-mobile f’idha. Għax determinat u determinata li ma jagħmlu xejn fuq li xejn!

Le ħbieb! Ejja nħallu lill-Mulej jgħinna niskorru l-linja! Ħalli f’ħajjitna, l-anġli tal-Mulej, ikunu jistgħu jkantaw minn qalbhom, GOAL! Almenu wieħed! Taf li b’goal wieħed intrebbħu kampjonati mustaċċuni u finali mill-aqwa? U taf li, bil-goal average, ġew iddikjarati champions timijiet li qajla konna nittamaw li se jaslu fil-quċċata tas-suċċess?

Mela, jekk dawn waslu s’hemm fuq, kemm aktar nistgħu naslu int u jien bil-għajnuna tal-coach tagħna, l-Ispirtu s-Santu? Ejja nħalluh jgħinna ħa niskorru l-linja tal-egoiżmu ħalli bina jgħajjat il-GOAL ta’ ħajja qaddisa u tas-salvazzjoni tagħna u tal-oħrajn!