Meta nimxi id f’id ma’ persuna bil-marda tal-kanċer


Ħafna jafu li jien pazjent tal-onkoloġija. Il-miraklu hu li, bil-grazzja tal-Mulej, għadni għaddej. Għadni ħaj u naħdem. Filwaqt li ngħid Grazzi Mulej!minn qalbi, nitlob li dawn il-ħsibijiet li Hu ġentilment tani biex naqsam magħkom illum jagħmlulna l-ġid. L-aktar lil dawk jieħdu ħsieb persuni li għaddejjin mit-trattament tal-kanċer.
Il-marda tal-kanċer mhix ċajta. Anzi! Hi kalvarju. U dan għal għadd ta’ raġunijiet. L-ewwel nett, għall-pazjent innifsu u innifisha. Imbagħad anki għall-familja, il-qraba u l-ħbieb tiegħu u tagħha. Biss, illum, għall-grazzja tal-Mulej, bil-kura li hawn, wieħed jista’ jaffaċċja din il-prova fil-ħajja b’ħafna u ħafna għajnuna.

Il-kanċer ma jolqotx biss lill-pazjent u l-pazjenta. Jolqot ukoll lil min qed jieħu ħsiebu u ħsiebha. Għalhekk, jien li qed nieħu ħsieb persuna li qed taffaċċja din il-marda feroċi hu importanti ħafna li nkun qrib tal-professjonisti li qed jikkuraw lil din il-persuna għażiża għalija. Ejja ma ninsiex li dawn qiegħdin hemm għalija ukoll. Għaldaqstant, meta naħdem id f’id magħhom, kemm jien u kif ukoll il-persuna li qed nieħu ħsieb se niksbu l-aħjar għarfien u anki nitħarrġu fil-ħiliet tagħna fis-sitwazzjoni. Ejja ma niddejjaq xejn biex, lill-professjonisti, nistaqsihom dwar il-kanċer u anki dwar ir-rwol tiegħi bħala persuna li qed tgħin lill-persuna li għaddejja minn din l-istorja diffiċli. Jistgħu jiġu drabi meta dawn il-professjonisti ma jkunux jistgħu jgħiduli dak kollu li nkun tlabthom. Ir-raġunijiet jistgħu jkunu diversi. Jista’ ikun li l-persuna li tkun qed tbati mill-kanċer tkun talbithom dan hi stess.

Mela ejja nżomm f’moħħi li l-professjonisti mhux dejjem għandhom it-tweġibiet kollha għall-mistoqsijiet li nistaqsihom. Madankollu, li niskopri x’inhuma d-diversi rwolijiet tal-professjonisti u kif dawn jaħdmu f’dan il-qafas tal-għajnuna b’risq il-pazjent, jgħinni ħafna aktar. Nagħmel tajjeb jekk nistaqsi lill-persuna kkonċernata meta titfaċċali xi mistoqsija jew problema. Huwa tajjeb li jkolli aspettattivi realistiċi dwar kif dawn jistgħu jgħinu kemm lili u kif ukoll lill-persuna li qed nieħu ħsieb. Jekk nagħtihom informazzjoni dwar il-persuna li qed nieħu ħsieb u anki kif is-sitwazzjoni tiegħu u tagħha qed taffettwani bħala persuna huma żgur li jkunu jistgħu jgħinuni tabilħaqq.

Tajjeb għalhekk li nkun żgur u żgura li jkolli tabib tal-familja (GP) li fih u fiha nafda l-informazzjoni tal-persuna u tan-numri tat-telefown tiegħu u tagħha. Barra minhekk, qabel ma mmur għal xi appuntament mal-persuna li nieħu ħsieb, nagħmel tajjeb jekk nistaqsieha jekk għandhiex xi mistoqsijiet dwar il-kura li qed tingħata. Abbli tkun idea tajba jekk dawn il-mistoqsijiet il-persuna tkun tista’ tiktibhom ħalli b’hekk ma tinsa xejn. Tkun ta’ għajnuna wkoll jekk jien, li qed nieħu ħsieb din il-persuna, inżomm djarju bid-dettalji kollha ta’ kull żjara li nwettaq fl-isptar mal-persuna konċernata. F’dan ir-rigward nagħmel tajjeb jekk ikolli wkoll fajl fejn fih inżomm il-karti, il-fuljetti ta’ informazzjoni u dettalji tal-appuntamenti flimkien f’post wieħed. Minħabba l-iskariġġ tal-miġjiet lejn l-isptar għall-persuna li qed nieħu ħsieb nagħmel tajjeb jekk nkun imħejji u mħejjija bi trasport għall-persuna involuta u anki għalija stess. Fl-aħħar nett, ħa nkun ċert u ċerta li għandi l-informazzjoni kollha li għandi bżonn f’idejja. Hekk inkun nista’ inkampa f’dari stess ma’ din is-sitwazzjoni.

Jekk ma nkunx midħla ta’ sinjali, sintomi jew sitwazzjonijiet għandi noqgħod attent u attenta għalihom waqt li nkun qed nieħu ħsieb din il-persuna fid-dar. Nista’, fil-fatt, nitlob lill-professjonijisti minn qabel dwar x’tip ta’ sinjali qed jinkwetawni. Tista’ tkun idea tajba li nikkuntattja l-isptar f’każ li nara li l-kundizzjoni tal-persuna tkun tbiddlet drastikament. Jgħin ukoll jekk nieħu din l-informazzjoni kollha li tappartjeni lill-pazjent miegħi l-isptar.
Tajjeb nifhem li meta qed nieħu ħsieb xi ħadd huwa importanti li nkun assertiv u assertiva. Li nkun assertiv jfisser li nesprimi l-opinjoni tiegħi u kif ukoll inkun kunfidenti li, meta nara l-bżonn, nistaqsi għall-għajnuna. Importanti wkoll li nkun assertiv u assertiva mal-familja u l-ħbieb. Għalhekk nagħmel sewwa meta nipprova nispjegalhom meta mhuwiex żmien tajjeb li huma jżuru lill-persuna li nkun qed nieħu ħsieb. Meta l-pazjent u l-pazjenta tara l-persuna żbaljata fiż-żmien ħażin jista’ jagħmilha tħossha ħafna agħar milli fil-fatt hi.

Għall-ġid tal-pazjent u l-pazjenta li nieħu ħsieb ejja nkun assertiv u assertiva mal-professjonisti ukoll. Ejja nipprova nitgħallem kemm nista’ dwar il-kura tal-kanċer. Jekk ma nifhimx xi ħaġa ejja nitlobhom li jiddiskrivuli f’termini aktar bażiċi.

Ejja wkoll ma ninsiex li, bil-marda tal-kanċer, ir-relazzjonijiet mal-membri l-oħra tal-familja u mal-ħbieb jistgħu ukoll jinbidlu. Hemm diversi modi ta’ kif ir-relazzjonijiet jistgħu jiġu affettwati. Hekk, ngħidu aħna, jekk qed nieħu ħsieb ta’ ħabib jew ħabiba, nistgħu nesperjenzaw tensjoni mal-membri tal-familja tiegħu u tagħha. Min-naħa l-oħra, jekk jien wieħed u waħda minn diversi membri tal-familja li jieħdu ħsieb ta’ xi ħadd, jistgħu jinħolqu argumenti ma’ xulxin aktar ta’ spiss. Madankollu, nistgħu wkoll nersqu eqreb ta’ xulxin. Dawn ir-relazzjonijiet jistgħu jesperjenzaw tensjoni żejda. Jistgħu wkoll jinbidlu u jiżviluppaw, kultant b’mod pożittiv ħafna. Ejjew nippruvaw nittrattaw il-kwistjonijiet fir-relazzjonijiet tagħna aktar milli ninjorawhom.

Jien li qed nieħu ħsieb lil xi ħadd li għaddej mill-marda tal-kanċer ħa niftakar fil-bżonn u fl-urġenza li nieħu ħsieb tiegħi nnifsi. Ejja nkun umli u ma nibżax le nistaqsi għall-għajnuna mill-ħbieb u mill-familja. Ejja nkun għaqli u għaqlija f’li naċċetta din l-għajnuna meta tiġi offruta lili. Anki perjodi qosra ta’ żmien għalija nnifsi jafu jagħmlu differenza kbira. Il-passatempi bħal ġardinaġġ, kitba jew l-isports jistgħu jkunu waqfa tajba ‘l bogħod mill-kura għal ftit sigħat.

Jekk nieħu ħsieb tiegħi nnifsi jien nista iva’ nieħu ħsieb ta’ min għaddej mit-trattament tal-kanċer. Għax ħadd ma jista’ jagħti minn dak li m’għandux!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.