Dik il-Bonġu!


Niftakar il-jum. Ma kienx xi wieħed pjaċevoli. Anzi! Xejn affattu! Fil-fatt, dak kien jum li fih aqta’ kemm spikkat il-kesħa li kienet tabilħaqq ixxoqq il-għadam! Hemm! Għodu għodu! F’dak il-jum ta’ fost il-ġimgħa!

U, hekk kif ħriġt mill-isptar, mill-ewwel irħejtilha lejn fejn tgħaddi l-karozza tal-linja. L-għaliex, u f’dik il-għodwa, kelli naqbad il-karozza tal-linja pjuttost kmieni. Biex immur il-kunvent. Ħalli nqaddes il-quddiesa ta’ filgħodu.

Ngħid is-sewwa, f’dik il-għodwa, kont għadni ma ġejtx le f’tiegħi! Iżda, u dan ngħidu b’idejja fuq il-kuxjenza tiegħi, ħadd ma jista’ jagħtini tort. Ejjew ngħiduha kif inhi, għax isbaħ mill-verità mhemmx ħbieb: Ix-xiftijiet tal-kappillani f’Mater Dei huma dawk li huma! Id-domanda għall-Patri hija tabilħaqq kbira ħafna! U jien, il-Patri Kapuċċin, kif nista’ nagħtihom tort lin-nies? In-nies iridu lill-Patri Kapuċċin li, is-seħja tiegħu, hi li jkun man-nies! U n-nies fit-tbatija! Jiġifieri fil-mard! Mela, fl-isptar! Allura s’hawn in-nies qed jitolbu dak li hu tagħhom! U hawn, f’dan kollu, ma nistax ma ndurx lejk O Ġesù u, bit-tbissima li tagħtini int ngħidlek: Għandek mitt elf raġun Mulej tgħid li l-ħsad hu kbir imma l-ħaddiema huma ftit!

Sadanittant, waqt li dan kollu kien għaddej minn ġo fija, wasalt u poġġejt bilqiegħda fuq il-bank l-isfar, nistenna l-karozza tiġi. F’dawk il-mumenti moħħi ried biss li joqgħod kwiet u jistrieħ minn lejl ta’ xogħol mingħajr waqfien li kont għaddejt minnu l-jum ta’ qabel. F’dak il-waqt kont għadni fuq is-safety mode. Hekk! Ċass! Ħa nitgħaxxaq bil-mistrieħ tal-ilma li jagħtini l-ħajja!

F’daqqa waħda titfaċċa l-karozza. Addijo l-ħsibijiet. Dawk issa mill-ewwel intrefgħu fil-barżakka ta’ moħħi. Inkella fil-file ta’ ġewwa nett. Jekk tridha bi stil maniġerjali. Qomt minn fejn kont u ħejjejtilha biex nitla’ fil-karozza. F’dak il-waqt kont tabilħaqq ixxurtjajt. L-għaliex, fil-kju żgħir li kien hemm, spiċċajt l-ewwel wieħed. U, x’ħin eżatt tlajt il-karozza, nara wiċċ kemmxejn skur li laqagħni b’tislima u tbissima ħelwa: Good morning!

Għal uħud abbli għalihom din it-tislima ma tfisser xejn. Biss għalija, f’dak il-waqt, u f’dik iċ-ċirkustanza li kont fiha, din it-tislima fissret fuq li fissret ħbieb! L-għaliex, mit-ton tagħha, stajt noħodha li kienet tislima ħierġa minn qalb friska li tħobb. Ħierġa minn qalb li kienet lesta li tilqa’ lil dak li jkun għal jum ieħor. Jum ta’ ħidma.

F’dik il-good morning, dakinnhar, jien ħassejt lill-Mulej Ġesù nnifsu li kien qed isellimli. U jifraħ bija. Jimlini b’kuraġġ u b’tama. U, iva, jgħidli, li fil-ħajja m’għandix għalfejn nibża’. Għax, kull jum, għandu l-istorja tiegħu. Bħalma żgur li kellha merfugħa għalija dik il-ġurnata li kelli quddiemi. U, bil-mod tagħha, kienet qed titbissimli.

L-għaliex, u din rridu nammettuha, ma jistax ikun li l-ħajja rridu nikkontrollawha aħna! B’din il-kaxxa li l-Mulej tana! Le ħbieb! Dan mhux talli mhux possibbli talli hu tad-daħk! Kemm hu faċli għall-moħħi li jpaspar l-affarijiet! Li jgħid li jagħmel hekk u hekk u hekk! Imma, u fil-verità, moħħi x’kapaċi jagħmel? Jekk ma jistrieħx jew jagħmel il-qassatat inkella jispiċċa ibbalzmat!

Mela l-għaqal x’inhu? Mhux li nisma’ lill-Ispirtu s-Santu x’inhu jgħidli fil-waqt? Fil-mument? Mela insejt li, għall-Ispirtu tal-Mulej, l-għaxqa tiegħu hi li jien inkun kuntent? U, meta nkun kuntent? Mhux meta naqta’ ‘il barra minn ħajti l-litanija qerrieda u kankruża tal-ilment?

Patri! Għodd u qis il-barkiet f’ħajtek! U ħa ngħidilkom, il-mod kif laqagħni dan ix-xufier barrani f’tallinja ħeġġiġni fuq li ħeġġiġni biex dan inwettqu f’ħajti! Il-mod jagħmel id-differenza ħbieb! Għax il-mod hu dak li jgħodd! Il-mod ta’ kif inġibu ruħna ma’ xulxin juri x’hemm u x’għaddej minn qalbna! Nifhem li persuna tkun għajjiena. U nifhem ukoll li kulħadd ikollu xi jġorr f’ħajtu. Imma ħadd m’għandu jagħmel tiegħu l-fatt li għax għandu xi jġorr dan ifisser li għandu jgorr! Aktar u aktar jekk xogħli jkun man-nies! Le! Jekk għandi xi nġorr, tant li qed ingorr, daqskemm għandi morr, dan ifisser li rrid nitlob u nfittex l-għajnuna. Ħalli għan-nies li naqdi joħroġ l-għasel tas-sempliċità, tal-ġenerożità u tal-umiltà.

B’Bonġu mimlija mħabba naf inġib f’ħajjet persuna differenza kbira! Mela ejja … ngħidhielha!